Proċedura : 2016/3008(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0149/2017

Testi mressqa :

B8-0149/2017

Dibattiti :

PV 15/02/2017 - 17
CRE 15/02/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.13
CRE 16/02/2017 - 6.13

Testi adottati :

P8_TA(2017)0055

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 426kWORD 54k
8.2.2017
PE598.476v01-00
 
B8-0149/2017

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0202/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem (2016/3008(RSP))


Iskra Mihaylova f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem (2016/3008(RSP))  
B8-0149/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f'waqtu tal-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR" tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0385/2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(5),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija indirizzata lill-Kummissjoni dwar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) – l-impatt fuq il-politika ta' koeżjoni u t-triq 'il quddiem (O-000005/2017 – B8 0202/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

A.  billi, il-konklużjoni tardiva tan-negozjati tal-QFP 2014-2020 u l-adozzjoni tardiva tar-Regolamenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) wasslet għal dewmien fil-proċess tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u tal-programmi operattivi, fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, fil-proċess tad-definizzjoni u t-twettiq tal-kundizzjonalitajiet ex ante, u fl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali; billi, għad li m'hemm l-ebda informazzjoni fattwali u analiżi dwar ir-raġunijiet għalih, dan id-dewmien qed ikollu impatt, fl-ewwel parti tal-perjodu ta' programmazzjoni, fuq il-potenzjal tal-Fondi SIE biex iqawwu l-kompetittività u jsaħħu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

B.  billi issa ġew adottati 564 programm operattiv tal-Fondi SIE u l-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika ta' deżinjazzjoni tal-awtoritajiet għal 374 programm operattiv; billi pagamenti interim ma jistgħux isiru mingħajr id-deżinjazzjoni ta' awtoritajiet ta' ġestjoni; billi, skont id-dejta disponibbli fil-31 ta' Ottubru 2016, ġew eżegwiti EUR 14 750 f'pagamenti interim, bl-implikazzjoni li l-ħtiġijiet ta' pagament huma aktar baxxi minn dawk oriġinarjament previsti;

C.  billi, fl-istess fażi matul l-aħħar perjodu ta' programmazzjoni, minkejja dewmien u ostakoli tekniċi simili marbuta mar-rekwiżit dwar is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, użu tal-pagamenti interim kien diġa ġie rreġistrat f'Lulju 2009 u, skont l-approprjazzjonijiet ta' pagament previsti fil-baġit għall-2010, kien mistenni li l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni tilħaq ir-ritmu sħiħ tagħha dik is-sena;

D.  billi l-livell kurrenti tal-pagamenti interim jirrappreżenta sehem relattivament baxx tal-allokazzjoni globali għall-programm fil-kuntest tal-progress tal-perjodu ta' programmazzjoni; billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb jara li, skont it-tbassir tal-Istati Membri fil-ħarifa tal-2016, dan mistenni jkompli għaddej bl-istess rata;

E.  billi l-implimentazzjoni tardiva u t-tnaqqis konsegwenti tal-ħtiġijiet ta' pagament diġà wasslu għal tnaqqis ta' EUR 7,2 biljun fil-pagamenti taħt l-Intestatura 1B fl-2016, permezz tal-ABE 4/2016; billi fl-istess stadju tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ma kien jeħtieġ l-ebda abbozz ta' baġit emendatorju simili; billi għall-2017 hemm tnaqqis ta' kważi 24 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament, meta mqabbla mal-2016;

F.  billi huwa ferm rakkomandat li jkun hemm kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej bil-għan li jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-politika ta' koeżjoni fil-baġit tal-UE għall-2018 jistabbilizzaw ruħhom f'livell sodisfaċenti u li l-pjan ta' pagament għall-perjodu 2014-2020 jkun irrispettat jew, fejn ikun f'loku, jiġi adattat skont is-sitwazzjoni reali;

G.  billi l-kapaċità amministrattiva, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dawk reġjonali u lokali, hija prekundizzjoni fundamentali biex l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tirnexxi;

1.  Itenni li l-investimenti magħmula mill-Fondi SIE jgħinu biex inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fi ħdan u bejn ir-reġjuni Ewropej, kif ukoll biex jiġġeneraw tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u joħolqu l-impjiegi; jesprimi tħassib, għaldaqstant, għall-fatt li aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-politika ta' koeżjoni se jħalli impatt negattiv fuq l-ilħiq ta' dawn l-għanijiet, u li barra minn hekk se jkompli jwessa' d-differenzi fl-iżvilupp tar-reġjuni;

2.  Jirrikonoxxi li l-introduzzjoni ta' diversi rekwiżiti ġodda, bħall-konċentrazzjoni tematika, il-kondizzjonalitajiet ex ante u l-ġestjoni finanzjarja, minkejja li żgurat li l-programmi jkollhom prestazzjoni mtejba, fil-kuntest tal-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv ikkontribwiet għal dewmien fl-implimentazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm is-sogru li l-pass kurrenti tal-implimentazzjoni jwassal għal ammonti kbar ta' diżimpenji fis-snin ta' wara, u jenfasizza li għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex dan jiġi evitat; jitlob li l-Kummissjoni tindika x'azzjonijiet tipprevedi f'dan ir-rigward;

3.  Jenfasizza li, minħabba dan id-dewmien fl-implimentazzjoni, l-użu tal-istrumenti finanzjarji fl-ambitu tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE jista' jkabbar is-sogru diġà eżistenti ta' rati baxxi ta' żborż, dotazzjonijiet eċċessivi ta' kapital, inabbiltà li nattiraw livelli sodisfaċenti ta' kapital privat, effett baxx ta' ingranaġġ u rotazzjoni problematika; jinnota li aktar kjarifiki u azzjonijiet huma meħtieġa biex jinkiseb l-istess livell ta' kapaċità ta' tħaddim ta' strumenti finanzjarji bħall-għodod ta' lieva fl-Istati Membri, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu ekwilibrat ta' dawn l-istrumenti implimentati mill-Kummissjoni u mill-BEI; ifakkar ukoll fil-possibbiltà li l-finanzjament mill-Fondi SIE jiġi kkombinat ma' dak mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-investiment, b'mod partikolari f'setturi li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-flessibilità disponibbli taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl tal-fatt li f'ħafna Stati Membri l-kriżi ekonomika ġabet magħha problemi ta' likwidità u wasslet biex il-gvernijiet ikollhom anqas flus disponibbli għall-investiment pubbliku, u li l-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni qed isir is-sors prinċipali tal-investiment pubbliku;

5.  Jitlob, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni stretta mal-Istati Membri u abbażi ta' analiżi oġġettiva tal-fatturi li jikkontribwixxu għad-dewmien tal-lum, tippreżenta "Pjan għall-aċċellerazzjoni tal-koeżjoni" fl-ewwel trimestru tal-2017, biex tiffaċilita implimentazzjoni aċċellerata tal-programmi operattivi tal-Fondi SIE; jissottolinja f'dan il-kuntest, madankollu, il-ħtieġa li jiġu żgurati rati ta' żball baxxi, il-ġlieda kontra l-frodi, u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli nazzjonali, reġjonali, kif ukoll lokali bħala prekundizzjoni biex jinkisbu riżultati f'waqthom u ta' suċċess; jemmen li miżuri mfassla apposta għandhom jimxu fuq l-analiżi tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015, li l-Kummissjoni għamlitu disponibbli fi tmiem l-2016, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu monitoraġġ kontinwu tal-progress fl-implimentazzjoni tal-proġetti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa u l-valur miżjud ta' konċentrament tal-isforzi fuq is-setturi prijoritarji tal-objettivi tematiċi; barra minn hekk, jitlob li l-Kummissjoni tkompli tipprovdi sostenn permezz tat-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar u tqieged pjan ta' azzjoni tal-attivitajiet tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Parlament;

6.  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fid-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, li jwasllu għal dewmien fit-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-pagament; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jikkompletaw il-proċess ta' deżinjazzjoni, u lill-Kummissjoni biex tagħti l-assistenza teknika u s-servizzi ta' konsulenza li jeħtieġu l-awtoritajiet ta' ġestjoni, ċertifikazzjoni u awditjar, bil-għan li tiffaċilita u tħaffef l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali fil-post, inkluż għall-preparazzjoni ta' azzjonijiet sekwenzjali fil-proġetti, is-semplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni finanzjarja u ta' kontroll finanzjarju, kif ukoll għal proċeduri tal-għoti ta' kuntratti u ta' monitoraġġ;

7.  Jirrikonoxxi li implimenatzzjoni aktar rapida u effikaċi tal-programmi operattivi tal-Fondi ESI torbot direttament ma' aktar semplifikazzjoni; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas tal-proposta Omnibus; jinnota, madankollu, li għandhom isiru aktar sforzi, b'mod speċjali fl-indirizzar tal-ispejjeż tal-ġestjoni tal-proġetti, l-eteroġeneità u t-tibdil frekwenti ta' regoli, proċeduri kumplessi ta' approvazzjoni għal proġetti maġġuri, l-akkwist pubbliku, relazzjonijiet patrimonjali mhux solvuti, proċeduri twal għall-ksib ta' permessi u ta' deċiżjonijiet, il-kwistjoni tal-applikazzjoni retroattiva ta' regoli ta' awditjar u kontroll, pagamenti tardivi lill-benefiċjarji, diffikultajiet fil-kombinazzjoni ta' finanzjament mill-FSIE ma' dak minn sorsi oħrajn, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u r-riżoluzzjoni xejn rapida tat-tilwim; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni xierqa, tagħmel ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat wisq aktar sempliċi, u tiżgura li dawn ikunu konsistenti mal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li jeħtieġ ukoll li jsiru sforzi biex tittejjeb il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-investimenti tal-Fondi SIE;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra u tiżviluppa soluzzjonijiet, inklużi forom addizzjonali ta' flessibbiltà, bħal flessibbiltà fost il-prijoritajiet u fost il-programmi operattivi fuq talba tal-awtoritajiet ta' ġestjoni rilevanti, f'konformità mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, u dan filwaqt li tiżgura l-istabbiltà u l-prevedibbiltà meħtieġa, u r-rifużjoni diġà proposta ta' diżimpenji, inkluż mill-Intestatura 1B, bħala riżultat tan-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali, fil-baġit tal-UE, bil-ħsieb ukoll tal-perjodu ta' programmazzjoni ġejjieni;

9.  Jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi bil-ħsieb li jiżguraw u jiffaċilitaw sinerġiji bejn l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE, Orizzont 2020 u l-FEIS, permezz ta' finanzjament konġunt, kooperazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet kompetenti, sostenn għal azzjonijiet fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, u permezz ta' koordinament aktar strett ma' korpi nazzjonali li jissottoskrivu self preferenzjali għal proġetti f'konformità mal-objettivi tal-programmi operattivi;

10.  Jitlob li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn l-istrutturi tal-Kummissjoni (id-Direttorati Ġenerali rispettivi), bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, peress li dan huwa prerekwiżit kruċjali biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment u tittejjeb il-kwalita tal-azzjonijiet taħt il-politika ta' koeżjoni;

11.  Itenni li l-adozzjoni ta' approċċ orjentat lejn il-prestazzjoni għandha valur miżjud, u jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura l-prestazzjoni tal-politika fil-prattika; jieħu nota tal-konklużjonijiet tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015 u jistenna r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni, li huwa ppjanat għal tmiem l-2017, li sejjer jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet b'referenza għad-dejta finanzjarja, indikaturi komuni u indikaturi speċifiċi għal kull programm flimkien ma' valuri kwantifikati tal-miri u tal-progress lejn il-miri intermedji, kif ukoll stampa tas-sitwazzjoni rigward l-ikkompletar tal-pjanijiet ta' azzjoni marbuta ma' kundizzjonalitajiet ex ante pendenti(6);

12.  Jindika l-pjan ta' pagamenti eżistenti 2014-2010; fil-qies tar-regoli dwar id-diżimpenn, jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' pagamenti adegwat sal-2030, filwaqt li tipproponi limiti massimi ogħla ta' pagamenti taħt l-Intestatura 1B, jekk ikunu meħtieġa, sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni kurrenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-Koeżjoni elettronika operattiva għal kollox u ta' użu faċli, bil-għan li jaġġustaw il-pjan ta’ pagamenti skont l-iżviluppi konkreti, kif ukoll biex iħejju l-"Pjan għall-aċċellerazzjoni tal-koeżjoni"; jitlob, għalhekk, li l-Istati Membri jdaħħlu d-dejta rigward l-azzjonijiet sekwenzjali fil-proġetti, pjanijiet ta' akkwist b'dati ppjanati u reali għall-ħruġ ta' sejħiet għall-offerti, l-għoti ta' kuntratti u l-implimentazzjoni, kif ukoll kull dejta finanzjarja u ta' kontabbiltà relatata ma' fatturi, kofinanzjament, eliġibbiltà ta' nefqiet, eċċ.;

13.  Jistenna li l-Kummissjoni tkompli d-diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-Forum tal-Koeżjoni u tressaq soluzzjonijiet fis-Seba' Rapport dwar il-Koeżjoni, bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-politika ta' koeżjoni u taqdi l-ħtiġijiet ta' investiment tal-UE; jitlob ukoll li jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 jinbeda f'waqtu;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tislet tagħlimiet abbażi tal-informazzjoni fir-rapporti annwali bil-ħsieb tad-dibattitu dwar il-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2020;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq pakkett leġiżlattiv rigward il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2018, u tiffaċilita negozjati bla intoppi u f'waqthom tal-QFP ta' wara l-2020, inkluż marġni ta' sikurezza regolatorju u proċedurali, bil-għan li ma jseħħux xokkijiet tas-sistema fl-investimenti u fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jemmen li r-riżultati tar-referendum tar-Renju Unit u l-arranġamenti li jridu jsiru dwar il-Brexit għandhom jiġu kkunsidrati debitament;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0217.

(2)

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 50.

(3)

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 56.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0412.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

(6)

Aġġornament meħtieġ wara l-pubblikazzjoni tar-Rapport Sommarju tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm fl-2014-2015.

Avviż legali - Politika tal-privatezza