MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-ekonomija kollaborattiva
22.2.2017
Joëlle Mélin, Mylène Troszczynski
B8-0175/2017
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ekonomija kollaborattiva
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-proġett tal-Kummissjoni jista' jwassal biss għal aktar deregolamentazzjoni fis-suq tal-ekonomija kollaborattiva tal-Istati Membri;
B. billi l-ekonomiji ta' pjattaformi diġà qed jipprivaw il-professjonijiet regolati mill-qligħ u qed iwasslu għall-prekarjetà tal-ħaddiema;
C. billi l-proġett tal-Kummissjoni b'hekk mhux se jtejjeb is-sitwazzjoni tal-atturi tal-ekonomija kollaborattiva, u lanqas dik tal-konsumaturi;
D. billi dan it-tentattiv ta' regolamentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex se jsib użu fid-dawl tal-progress tekniku ta' ċerti kumpaniji, b'mod partikolari dawk Amerikani;
E. billi l-Kummissjoni tixtieq li jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew standards fiskali u soċjali, għad-detriment tas-sovranità nazzjonali;
1. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħalli f'idejn l-Istati Membri, l-uniċi awtoritajiet li jistgħu jindirizzaw din is-sitwazzjoni b'mod urġenti, biex japplikaw il-leġiżlazzjonijiet tagħhom sabiex jipprovdu qafas għall-ekonomiji msejħa kollaborattivi;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bit-titolu: “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva”