MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI biex l-UE ssir żona mingħajr delfinarji
1.3.2017
Ivan Jakovčić, Jozo Radoš
B8-0176/2017
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew biex l-UE ssir żona mingħajr delfinarji
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-evidenza xjentifika pprovduta f'diversi rapporti turi li r-rati ta' sopravivenza tad-delfini huma aktar baxxi għal dawk fil-magħluq milli għal dawk fis-selvaġġ;
B. billi effetti ħżiena fuq is-saħħa, stress u mġiba mhux tas-soltu huma komuni fost delfini fil-magħluq;
C. billi n-numru ta' annimali mwielda fil-magħluq ma jissodisfax il-ħtiġijiet tad-delfinarji; billi, b'riżultat ta' dan, id-delfinarji fl-UE għandhom rabtiet ma' gruppi involuti fil-qbid ta' delfini selvaġġi permezz ta' kaċċa krudili u brutali;
D. billi diversi Stati Membri, inklużi r-Renju Unit, l-Awstrija, il-Kroazja u s-Slovenja, ipprojbew iż-żamma ta' delfini għal raġunijiet kummerċjali;
1. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu passi urġenti sabiex l-UE ssir żona mingħajr delfinarji;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni stretta dwar iż-żamma ta' delfini fil-magħluq u pjanijiet biex jeliminaw gradwalment id-delfinarji nazzjonali u ma jagħtux permessi għall-kostruzzjoni ta' delfinarji ġodda;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.