ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL U LILL-KUMMISSJONI wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
2.3.2017 - (2016/2908(RSP))
Kathleen Van Brempt, Jens Gieseke, Gerben-Jan Gerbrandy f'isem il-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
- 001-002 (PDF - 350 KB)
- 001-002 (DOC - 52 KB)
- 003-004 (PDF - 348 KB)
- 003-004 (DOC - 51 KB)
- 005-006 (PDF - 258 KB)
- 005-006 (DOC - 51 KB)
- 007-012 (PDF - 381 KB)
- 007-012 (DOC - 56 KB)
- 013-024 (PDF - 308 KB)
- 013-024 (DOC - 67 KB)
- 014-024/REV1 (PDF - 304 KB)
- 014-024/REV1 (DOC - 66 KB)
- 025-032 (PDF - 384 KB)
- 025-032 (DOC - 62 KB)
- 033-033/REV1 (PDF - 417 KB)
- 033-033/REV1 (DOC - 49 KB)
- 033-040 (PDF - 284 KB)
- 033-040 (DOC - 61 KB)
B8-0177/2017
Abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/34 tiegħu, tas-17 ta' Diċembru 2015, dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (rapport interim)[7],
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (A8-XXXX/2016),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 198(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 226 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika għat-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta temporanju min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jinvestiga l-allegati kontravenzjonijiet jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni, u billi dan jikkostitwixxi element importanti tas-setgħat superviżorji tal-Parlament;
B. billi, abbażi ta' proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, fis-17 ta' Diċembru 2015 il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga l-allegati fallimenti fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, u li l-Kumitat kien se jagħmel kull rakkomandazzjoni li jqis meħtieġa dwar dik il-kwistjoni;
C. billi l-Kumitat ta' Inkjesta beda l-ħidma tiegħu fit-2 ta' Marzu 2016 u adotta r-rapport finali tiegħu fit-28 ta' Frar 2017, fejn jippreżenta l-metodoloġija u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tiegħu;
D. billi, f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, is-sehem mis-suq fl-Unjoni Ewropea ta' karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil laħaq livell fejn dawn il-vetturi issa jirrappreżentaw aktar minn nofs il-karozzi l-ġodda mibjugħa fi kważi kull Stat Membru; billi dan it-tkabbir sostnut fis-sehem mis-suq ta' vetturi diżil seħħ ukoll b'riżultat tal-politika tal-UE dwar il-klima, peress li t-teknoloġija diżil għandha vantaġġ fuq il-magni petrol f'dak li jirrigwardja l-emissjonijiet ta' CO2; billi, fl-istadju tal-kombustjoni, il-magni diżil, meta mqabbla mal-magni petrol, jipproduċu ħafna aktar sustanzi niġġiesa, minbarra s-CO2, li huma ta' ħsara sinifikanti u diretta għas-saħħa pubblika, pereżempju NOx, SOx u materja partikulata; billi jeżistu u jintużaw fis-suq teknoloġiji ta' mitigazzjoni għal dawn is-sustanzi niġġiesa;
E. billi teżisti t-teknoloġija biex jintlaħqu l-istandards Euro 6 fir-rigward tal-NOx għal vetturi diżil, inkluż fir-rigward ta' kundizzjonijiet reali ta' sewqan u mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-emissjonijiet ta' CO2;
F. billi l-aħjar prattiki mill-Istati Uniti tal-Amerka, bi standards tal-emissjonijiet aktar stretti li japplikaw bl-istess mod għall-vetturi petrol kif ukoll dawk diżil, u politiki ta' infurzar aktar stretti, joffru standard li l-UE għandha taspira għalih;
G. billi l-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent għandu jikkostitwixxi tħassib u responsabbiltà soċjetali kondiviżi, fejn il-partijiet interessati kollha, inkluż is-settur awtomobilistiku, għandhom rwol importanti x'jiżvolġu;
1. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jippubblika r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta, f'konformità mal-Artikolu 198(11) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 95/167/KE;
2. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-inkjesta jitqiegħdu fil-prattika, f'konformità mad-Deċiżjoni 95/167/KE;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament, fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u b'mod regolari minn hemm 'il quddiem, rapport komprensiv dwar il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta;
4. Jistieden lill-President tiegħu jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu biex jissorveljaw l-azzjoni meħuda dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta, f'konformità mal-Artikolu 198(13) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
5. Jistieden lill-President tiegħu jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex iqiegħed fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta fir-rigward tal-limitazzjonijiet tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament;
Testijiet fil-laboratorju u emissjonijiet fid-dinja reali
6. Jistieden lill-Kummissjoni tbiddel l-istruttura interna tagħha b'tali mod li, skont il-prinċipju ta' responsabbiltà kollettiva, il-portafoll ta' Kummissarju (u Direttorat Ġenerali) wieħed jinkludi fl-istess ħin ir-responsabbiltà għal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u għall-politiki li jindirizzaw is-sorsi ta' emissjonijiet li jniġġsu; jitlob żieda fir-riżorsi umani u tekniċi ddedikati għall-vetturi, is-sistemi tal-vetturi u teknoloġiji ta' kontroll tal-emissjonijiet fil-Kummissjoni, u li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) ikompli jtejjeb l-għarfien espert intern;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex, għal dan l-għan, tibdel l-istruttura interna tagħha u temenda t-tqassim tar-responsabbiltajiet b'tali mod li r-responsabbiltajiet leġiżlattivi kollha li bħalissa qegħdin f'idejn id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW) fil-qasam tal-emissjonijiet tal-vetturi jgħaddu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV);
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi umani, għarfien espert tekniku u livell xieraq ta' awtonomija fil-JRC, inklużi miżuri biex f'din l-organizzazzjoni tiġi ppreservata l-esperjenza rilevanti b'rabta mat-teknoloġija tal-vetturi u tal-emissjonijiet kif ukoll mal-ittestjar tal-vetturi; jinnota li l-JRC jista' jkollu responsabbiltajiet ta' verifika addizzjonali għar-rekwiżiti fil-kuntest tal-proposta għal regolament ġdid dwar is-sorveljanza tas-suq u l-approvazzjoni tat-tip;
9. Jitlob li r-riżultati tat-testijiet kollha tal-JRC jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod sħiħ u f'format mhux anonimizzat permezz ta' database; jitlob, barra minn hekk, li l-Laboratorju tal-Emissjonijiet tal-Vetturi (VELA) tal-JRC jirrapporta lil bord superviżorju li jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet għall-ħarsien ambjentali u tas-saħħa;
10. Jistieden lill-koleġiżlaturi biex, fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, jiżguraw li l-miżuri skont l-Artikoli 5(3) u 14, li huma mfassla biex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv, jiġu adottati permezz ta' atti delegati, sabiex jiġi żgurat skrutinju xieraq mill-Parlament u mill-Kunsill, waqt li fl-istess ħin titnaqqas il-possibbiltà ta' dewmien bla bżonn fl-adozzjoni ta' dawk il-miżuri; jopponi bil-qawwa l-għażla li biha dawk il-miżuri jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni;
11. Jitlob adozzjoni rapida tat-3 u r-4 pakketti dwar l-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) biex jitlesta l-qafas regolatorju għall-proċedura l-ġdida tal-approvazzjoni tat-tip, u għall-applikazzjoni rapida ta' dan il-qafas; ifakkar li, sabiex it-testijiet RDE jkunu effikaċi fit-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u fit-triq, l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċeduri tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti bir-reqqa u għandhom ikopru firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet ta' sewqan, inklużi t-temperatura, it-tagħbija tal-magna, il-veloċità tal-vettura, l-altitudni, it-tip ta' triq u parametri oħra li wieħed jista' jiltaqa' magħhom waqt is-sewqan fl-Unjoni;
12. Jieħu nota tar-rikors għal annullament kontra t-tieni pakkett RDE, imressaq minn diversi bliet tal-UE abbażi tal-fatt li, bl-introduzzjoni ta' limiti ogħla ġodda għall-emissjonijiet ta' NOx, ir-Regolament tal-Kummissjoni jibdel element essenzjali ta' att bażiku, u b'hekk jikser rekwiżit proċedurali essenzjali, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja (2008/50/KE) fir-rigward tal-limitazzjoni tal-livelli massimi tal-emissjonijiet ta' nitroġenu għall-vetturi diżil;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2017 teżamina mill-ġdid il-fattur ta' konformità għat-testijiet RDE tal-emissjonijiet ta' NOx, kif previst mit-tieni pakkett RDE; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi ulterjorment, kull sena, il-fattur ta' konformità – skont l-iżviluppi teknoloġiċi – sabiex mal-ewwel opportunità jinġieb kemm jista' jkun qrib il-1, b'kunsiderazzjoni biss tal-inċertezza tal-kejl tat-tagħmir tas-sistema portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS);
14. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-liġi tal-Unjoni applikabbli sabiex jiġi aċċertat jekk it-tqegħid fis-suq ta' sistemi oħra tal-vetturi, jew ta' prodotti oħra, jistax ikun qed jiddependi fuq proċeduri ta' ttestjar inadegwati, bħal fil-każ tal-emissjonijiet tal-vetturi, jew f'oqsma oħra fejn l-isforzi tas-sorveljanza tas-suq huma neqsin bl-istess mod, u tressaq proposti leġiżlattivi xierqa sabiex tiżgura l-infurzar tal-istandards tas-suq intern;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-introduzzjoni ta' spezzjonijiet ambjentali fil-livell tal-UE biex tissorvelja l-konformità mal-istandards ambjentali tal-prodotti, il-limiti tal-emissjonijiet relatati mal-permessi tal-operat u d-dritt ambjentali tal-UE b'mod ġenerali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tagħha dwar it-titjib tal-prestazzjoni tal-PEMS sabiex titjieb l-eżattezza tagħhom u jonqos il-marġni ta' żball; iqis li, għall-materja partikulata, it-teknoloġija PEMS għandha tkun kapaċi tkejjel partiċelli li d-daqs tagħhom huwa iżgħar minn 23 nanometru u li huma l-aktar perikolużi għas-saħħa pubblika;
17. Iqis li r-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, adottati mill-Kummissjoni fit-30 ta' Mejju 2016, jirrappreżentaw titjib fuq ir-regoli l-antiki, pereżempju fir-rigward tal-obbligu li jittieħdu minuti kompluti u rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid dawn ir-regoli sabiex jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni bilanċjata tal-gruppi ta' esperti; jistieden lill-Kummissjoni tinforza strettament u minnufih ir-regoli orizzontali (aġġornati) u tħejji rapport lill-Parlament u lill-Kunsill li jevalwa l-implimentazzjoni tagħhom;
18. Jitlob li l-lista tal-parteċipanti u l-minuti tal-laqgħat ta' kumitati tal-komitoloġija bħall-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur (TCMV) u gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni bħall-Grupp ta' Ħidma dwar il-Vetturi bil-Mutur jew il-Grupp dwar l-Emissjonijiet f'Sewqan Reali – Vetturi Light-Duty (RDE-LDV) jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw aktar trasparenza fl-aċċess min-naħa tal-parlamenti nazzjonali tagħhom għad-dokumenti tal-laqgħat tat-TCMV;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tibdel b'mod sostanzjali l-politiki eżistenti tal-arkivjar u l-ħżin tal-informazzjoni, u tiżgura li n-noti, il-komunikazzjoni bejn is-servizzi, l-abbozzi u l-iskambji mhux uffiċjali fi ħdan il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Kunsill u r-rappreżentanti tagħhom jiġu arkivjati b'mod awtomatiku; jiddeplora l-lakuni fir-reġistri pubbliċi li rriżultaw minn kamp ta' applikazzjoni dejjaq wisq fir-rigward tad-dokumenti mħejjija għall-arkivjar, li jeħtieġ intervent attiv sabiex id-dokumenti jkunu jistgħu jiġu arkivjati;
Apparat ta' manipulazzjoni
21. Iqis li għalkemm il-proċedura RDE se timminimizza r-riskju li jintuża apparat ta' manipulazzjoni, din mhijiex se timpedixxi għalkollox l-użu potenzjali ta' prattiki illegali; jirrakkomanda, għalhekk, li f'konformità mal-approċċ tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, fl-ittestjar għall-approvazzjoni tat-tip u għall-konformità waqt is-servizz jiddaħħal element ta' imprevedibbiltà sabiex jiġi evitat li jiġu sfruttati xi lakuni li jkun għad hemm u tiġi żgurata l-konformità tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' vettura; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Protokoll tal-Ittestjar għall-Apparat ta' Manipulazzjoni inkluż fil-"Gwida dwar l-evalwazzjoni tal-Istrateġiji Awżiljarji għall-Kontroll tal-Emissjonijiet u l-preżenza ta' Tagħmir ta' Riduzzjoni" adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2017 u applikabbli għall-vetturi diġà fis-suq; jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri japplikaw dan il-protokoll fl-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom malajr u jwettqu l-ittestjar rakkomandat tal-vetturi b'varjazzjonijiet mhux prevedibbli tal-kundizzjonijiet ta' ttestjar standard, pereżempju fir-rigward tat-temperatura ambjentali, is-sekwenza tal-veloċità, it-tagħbija tal-vettura u t-tul tat-test, li jistgħu jinkludu "ttestjar sorpriża";
22. Jinnota bi tħassib li l-ittestjar uffiċjali tal-emissjonijiet ta' CO2 u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi xorta se jkun limitat għal proċedura ta' ttestjar fil-laboratorju (WLTP), li jfisser li l-użu illegali ta' apparat ta' manipulazzjoni jibqa' jkun possibbli u jista' jibqa' ma jinqabadx; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta' telesorveljanza tal-flotta – bl-użu ta' apparat ta' telerilevament mal-ġenb tat-triq u/jew sensers abbord – biex jissorveljaw il-prestazzjoni ambjentali tal-flotta waqt is-servizz u biex jinqabdu prattiki illegali possibbli li jistgħu jwasslu għal diskrepanzi kontinwi bejn il-prestazzjoni fuq il-karta u fid-dinja reali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza ulterjorment ir-raġunijiet għala d-dispożizzjonijiet aktar stretti dwar l-apparat ta' manipulazzjoni preżenti fil-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi heavy-duty ma kinux inklużi fil-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi light-duty;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għala r-riżultati tar-riċerka tal-JRC u t-tħassib rigward il-possibbiltà ta' prattiki illegali mill-manifatturi, diskussi fost is-servizzi tal-Kummissjoni, qatt ma laħqu l-livelli aktar għoljin tal-ġerarkija; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament;
25. Jemmen li għandu jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu ta' rappurtar ċar fi ħdan il-Kummissjoni li jiżgura li, meta l-JRC jidentifika nonkonformitajiet, dawn jiġu rrappurtati lil-livelli rilevanti kollha fil-ġerarkija tal-Kummissjoni;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-JRC biex ikompli jinvestiga, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u l-istituti ta' riċerka indipendenti, l-imġiba tal-emissjonijiet suspettuża osservata f'diversi karozzi f'Awwissu 2016;
27. Jistieden lill-Istati Membri jesiġu li l-manifatturi tal-karozzi, fil-kuntest tal-obbligu li ġie introdott dan l-aħħar biex il-manifatturi tal-karozzi jiżvelaw l-istrateġiji bażi u awżiljarji tagħhom għall-kontroll tal-emissjonijiet, jispjegaw kwalunkwe mġiba irrazzjonali osservata fl-ittestjar fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi u jagħtu prova tal-ħtieġa li japplikaw l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħhom u d-data tat-testijiet tekniċi mal-Kummissjoni u l-Parlament;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-infurzar, min-naħa tal-Istati Membri, tal-eżenzjonijiet għall-użu ta' apparat ta' manipulazzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-metodoloġija għall-evalwazzjoni teknika tal-istrateġiji awżiljarji għall-kontroll tal-emissjonijiet inkluża fil-Gwida tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2017; jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur skont il-ħtieġa;
Approvazzjoni tat-tip u konformità waqt is-servizz
29. Jitlob li, fl-interessi tal-ħarsien ambjentali u tal-konsumatur, tiġi adottata malajr il-proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (2016/0014 (COD)), li tissostitwixxi d-direttiva qafas preżenti dwar l-approvazzjoni tat-tip, u li din tidħol fis-seħħ mhux aktar tard mill-2020; iqis li ż-żamma tal-livell ta' ambizzjoni tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-introduzzjoni tas-sorveljanza tas-sistema fil-livell tal-UE, tikkostitwixxi l-minimu meħtieġ biex tittejjeb is-sistema tal-UE; iqis, barra minn hekk, li sistema aktar komprensiva u koordinata tal-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq, li tinvolvi sorveljanza mill-UE, awditi konġunti u kooperazzjoni ma' u bejn l-awtoritajiet nazzjonali, għandha tkun l-objettiv li għandu jintlaħaq matul in-negozjati interistituzzjonali dwar dan id-dossier;
30. Iqis li hija biss sorveljanza aktar b'saħħitha fil-livell tal-UE li tista' tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-vetturi tiġi infurzata kif suppost u li l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-UE jitwettqu b'mod effiċjenti u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u omoġenja tal-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq, u tikkoordina l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq u tagħmilha ta' medjatur f'każ ta' nuqqas ta' qbil;
31. Jitlob tisħiħ drastiku fis-sorveljanza tas-suq, abbażi ta' regoli definiti b'mod ċar u tqassim aktar ċar tar-responsabbiltajiet il-ġodda fil-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, sabiex tinħoloq sistema li tkun aħjar, effikaċi u funzjonali;
32. Jemmen li s-sorveljanza tal-UE fil-kuntest tal-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tinkludi l-ittestjar mill-ġdid, fuq skala adegwata, ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati diġà mqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq sabiex jiġi vverifikat li huma konformi mal-approvazzjonijiet tat-tip u l-leġiżlazzjoni applikabbli, bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' testijiet abbażi ta' kampjuni statistikament rilevanti, u bit-tnedija ta' miżuri korrettivi, li jistgħu jinkludu sejħiet lura tal-vetturi, l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip, u multi amministrattivi; iqis li l-għarfien espert tal-JRC huwa strumentali f'dan il-kompitu;
33. Jitlob, f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għas-Sorveljanza tal-Vetturi;
34. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-prattika tal-Istati Uniti ta' ttestjar aleatorju barra mil-linja tal-produzzjoni u waqt is-servizz u jiġbdu l-konklużjonijiet meħtieġa fir-rigward tat-titjib tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom;
35. Jissuġġerixxi li fil-każ ta' vetturi tal-passiġġieri, testijiet aleatorji dwar is-sorveljanza tas-suq, inkluż bi protokolli tal-ittestjar mhux speċifiċi, għandhom jitwettqu fuq mill-inqas 20 % tal-mudelli l-ġodda li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni kull sena kif ukoll fuq kwantità rappreżentattiva ta' mudelli aktar qodma biex jiġi vverifikat jekk il-vetturi humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sikurezza u l-ambjent fit-triq; jemmen li, fl-għażla tal-vetturi li għandhom jiġu ttestjati fil-livell tal-Unjoni, għandu jingħata segwitu lill-ilmenti ssostanzjati u għandhom jitqiesu l-ittestjar minn partijiet terzi, id-data ta' telerilevament, rapporti minn spezzjonijiet tekniċi perjodiċi u informazzjoni oħra;
36. Jirrimarka l-ħtieġa ta' infurzar sistematiku tal-konformità tal-produzzjoni u l-konformità waqt is-servizz tal-vetturi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, b'koordinazzjoni u sorveljanza ulterjuri fil-livell tal-UE; jemmen li l-ittestjar tal-konformità tal-produzzjoni u tal-konformità waqt is-servizz għandu jsir minn servizz tekniku differenti minn dak responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tal-karozza kkonċernata u li s-servizzi tekniċi interni għandhom jiġu esklużi milli jwettqu t-test tal-emissjonijiet għal skopijiet tal-approvazzjoni tat-tip; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiċċaraw darba għal dejjem liema awtorità hija inkarigata mis-sorveljanza tas-suq fit-territorju tagħhom u jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni, sabiex jiġi żgurat li din l-awtorità hija konxja mir-responsabbiltajiet tagħha; jemmen li kooperazzjoni u qsim ta' informazzjoni ħafna aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, inkluż dwar pjanijiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq, isaħħu l-kwalità ġenerali tas-sorveljanza tas-suq fl-UE u jippermettu lill-Kummissjoni tidentifika dgħufijiet fis-sistemi nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq;
37. Jemmen li aktar koordinazzjoni u diskussjoni bejn l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u l-Kummissjoni, fl-għamla ta' forum ippresedut mill-Kummissjoni, jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' prattiki tajba mmirati lejn l-iżgurar ta' implimentazzjoni effikaċi u armonizzata tar-regolamentazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq;
38. Jemmen li l-possibbiltà ta' rieżami sħiħ indipendenti tar-riżultati tal-approvazzjoni tat-tip, inkluża data minn testijiet tad-deċelerazzjoni libera, se ttejjeb l-effikaċja tal-qafas, u li d-data rilevanti għandha tkun aċċessibbli għall-partijiet rilevanti;
39. Jitlob it-twaqqif ta' struttura ta' tariffi li tiżgura finanzjament xieraq u indipendenti tal-approvazzjoni tat-tip, is-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet tas-servizzi tekniċi; jemmen li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip għandhom jinżammu responsabbli għar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi eżistenti bejn il-manifatturi tal-karozzi u l-fornituri, minn naħa, u s-servizzi tekniċi, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess;
40. Jiġbed l-attenzjoni għas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Uniti – fejn it-tariffi miġbura mill-manifatturi biex ikopru l-ispejjeż tal-programmi ta' ċertifikazzjoni u konformità jintbagħtu lit-Teżor tal-Istati Uniti, u l-Kungress tal-Istati Uniti mbagħad jalloka fondi lill-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent (EPA) biex timplimenta l-programmi tagħha – bħala mudell li jista' jkun utli biex tittejjeb l-indipendenza tas-sistema tal-UE;
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw ukoll li jintroduċu ttestjar permezz ta' PEMS jew verifiki ta' konformità waqt is-servizz, għall-inqas bħala għodda ta' skrinjar, u li jintroduċu mandat għall-JRC biex iwettaq verifiki ta' konformità waqt is-servizz b'PEMS fil-kuntest tal-qafas il-ġdid tal-approvazzjoni tat-tip;
42. Jistieden lill-koleġiżlaturi jistabbilixxu, fir-regolament li jmiss dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur, netwerk ta' telerilevament madwar l-UE kollha għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet fid-dinja reali tal-flotta tal-karozzi u l-identifikazzjoni ta' vetturi li jniġġsu b'mod eċċessiv biex b'hekk jiġu indirizzati l-verifiki tal-konformità waqt is-servizz u jiġu ttraċċati l-karozzi li jistgħu jkunu ġew modifikati b'mod illegali permezz ta' modifiki ta' ħardwer (eż. pjanċi tad-diżattivazzjoni tar-riċirkolazzjoni tal-gass tal-egżost (EGR), jew it-tneħħija tal-filtru tal-partikuli tad-diżil (DPF) jew tar-riduzzjoni katalitika selettiva (SCR)) jew softwer (chip tuning illegali);
43. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat delegati tagħha stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/45/UE dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom biex taġġorna l-metodi ta' ttestjar għall-ispezzjoni teknika perjodika tal-karozzi sabiex jitkejlu l-emissjonijiet ta' NOx tal-karozzi;
44. Jemmen li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u s-servizzi tekniċi għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom; iqis, għaldaqstant, li dawn għandhom itejbu l-livell ta' kompetenza tagħhom b'mod sinifikanti u kontinwu, u għal dan il-għan jitlob li jsiru awditi regolari u indipendenti tal-kapaċitajiet tagħhom;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li n-notifika tal-għażla tas-servizz tekniku min-naħa tal-manifattur lill-Kummissjoni ssir obbligatorja, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun konxja bis-sħiħ mis-sitwazzjoni;
46. Jistieden lill-Istati Membri jesiġu li l-manifatturi tal-karozzi jiżvelaw u jiġġustifikaw l-istrateġiji tagħhom dwar l-emissjonijiet mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip, bħalma hu l-każ għall-vetturi heavy-duty;
47. Jistieden lill-Istati Membri janalizzaw jekk is-soluzzjonijiet "standard" proposti mill-manifattur għat-tiswija tal-vetturi mgħammra b'sistemi frawdolenti jkunux fil-fatt konformi mal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet, u jitlob li jitwettqu verifiki aleatorji fuq vetturi ġodda li jkunu ssewwew;
Infurzar u penali
48. Jitlob infurzar aktar strett u aktar effikaċi tar-regoli dwar l-emissjonijiet tal-vetturi fl-UE; jipproponi li l-istruttura ta' governanza dwar l-emissjonijiet tal-karozzi tiġi riformata mingħajr dewmien u tiġi allinjata mas-setturi l-oħra tat-trasport;
49. Ifakkar li r-regoli dwar il-kejl tal-emissjonijiet għandhom jikkontribwixxu għal kwalità aħjar tal-arja, li qabel kienet għadha ma ntlaħqitx, parzjalment minħabba infurzar dgħajjef tal-liġi u parzjalment minħabba l-manipulazzjoni minn ċerti manifatturi tal-karozzi; iqis li l-awtoritajiet rilevanti għandhom iqisu l-emissjonijiet tal-karozzi u d-data dwar l-iżvilupp tal-kwalità tal-arja biex jivvalutaw jekk l-għan mixtieq ikunx intlaħaq;
50. Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' qafas ta' kooperazzjoni internazzjonali permanenti mal-Istati Uniti (EPA) dwar l-emissjonijiet bil-ħsieb li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u jitwettqu azzjonijiet ta' sorveljanza b'mod konġunt; azzjonijiet bħal dawn diġà jeżistu għal prodotti oħra fl-UE;
51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma implimentawx sorveljanza tas-suq effikaċi u sistema nazzjonali ta' penali għall-ksur tal-liġi tal-UE kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni eżistenti;
52. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li timponi multi amministrattivi effikaċi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront tal-manifatturi tal-vetturi u li tordna azzjonijiet korrettivi u ta' rimedju meta tiġi stabbilita nonkonformità fil-vetturi; iqis li s-sanzjonijiet possibbli għandhom jinkludu l-irtirar tal-approvazzjoni tat-tip u l-introduzzjoni ta' programmi ta' sejħa lura fl-UE kollha;
53. Jemmen li r-riżorsi miġbura minn dawn il-multi għandhom jinżammu mill-Istati Membri għall-finijiet ta' kumpens lill-persuni milquta ħażin mill-ksur u għal attivitajiet oħra bħal dawn għall-benefiċċju tal-konsumaturi jew, fejn xieraq, il-ħarsien ambjentali fl-Istati Membri;
54. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 min-naħa tal-manifatturi jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi, u li dawn jiġu kkomunikati minnufih lill-Kummissjoni;
55. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw miżuri aktar b'saħħithom fid-dawl tal-iskandlu tal-qerq fl-emissjonijiet; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tagħhom jeżaminaw l-informazzjoni dwar l-istrateġiji bażi u awżiljarji għall-kontroll tal-emissjonijiet – li għandhom jiġu żvelati mill-manifatturi tal-karozzi – għall-karozzi Euro 5 u Euro 6 approvati skont it-tip li juru mġiba tal-emissjonijiet irrazzjonali matul il-programmi tal-ittestjar, u jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-linji gwida ta' interpretazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-apparat ta' manipulazzjoni; jistieden lill-Istati Membri japplikaw is-sanzjonijiet disponibbli, fil-każ ta' nonkonformità, inklużi programmi ta' sejħa lura obbligatorji u l-irtirar tal-approvazzjonijiet tat-tip; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura approċċ koordinat fir-rigward tal-programmi ta' sejħa lura fl-UE kollha;
56. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiċċaraw mas-sidien tal-vetturi affettwati jekk huwiex obbligatorju jew le li jsewwu l-vetturi kkonċernati u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mit-tiswijiet f'dak li għandu x'jaqsam ma' konformità mar-regoli dwar l-emissjonijiet, obbligi ta' spezzjoni teknika tal-vetturi, tassazzjoni, konsegwenzi dovuti għar-riklassifikazzjoni potenzjali tal-vettura, eċċ.;
57. Jinnota li huwa diffiċli li tinġabar informazzjoni dwar il-penali fl-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta' statistika fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru statistika regolari dwar dan;
58. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni Ewropej bħan-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL);
Drittijiet tal-konsumaturi
59. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni dettaljata u li tinftiehem dwar il-modifiki magħmula matul il-programmi ta' sejħa lura u l-verifiki ta' manutenzjoni sabiex titjieb it-trasparenza għall-konsumaturi u tiżdied il-fiduċja fis-suq tal-karozzi;
60. Jenfasizza li wara s-sejħiet lura l-vetturi jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti ġuridiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jirrimarka wkoll li għandhom jiġu kkunsidrati forom oħra ta' kumpens minbarra programmi ta' sejħa lura; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tivvaluta r-regoli tal-UE fis-seħħ dwar il-ħarsien tal-konsumatur u tagħmel proposti skont il-każ;
61. Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni realistika, preċiża u robusta dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa tal-karozzi tagħhom sabiex titqajjem kuxjenza u jiġu appoġġjati deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri ta' karozzi; jitlob li l-UE tieħu azzjoni biex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa, bħall-NOx u l-materja partikulata;
Vetturi nodfa
62. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jaħdmu u jimplimentaw bis-sħiħ strateġija ta' mobilità b'emissjonijiet baxxi;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-effikaċja taż-Żoni b'Emissjonijiet Baxxi attwali fil-bliet, filwaqt li jqisu l-inkapaċità tal-istandards Euro għall-vetturi light-duty li jirriflettu l-emissjonijiet fid-dinja reali, u jeżaminaw il-benefiċċju tal-introduzzjoni ta' tikketta jew standard għal vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna (ULEVs) li jissodisfaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali;
64. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi jsegwu approċċ aktar integrat fil-politiki tagħhom biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tal-karozzi, sabiex jiġi żgurat progress kemm fid-dekarbonizzazzjoni kif ukoll fl-objettivi dwar il-kwalità tal-arja, pereżempju billi titrawwem l-elettrifikazzjoni jew it-tranżizzjoni għal motorizzazzjonijiet alternattivi tal-flotta tal-karozzi;
65. Jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport u tressaq abbozz ta' regolament dwar l-istandards tas-CO2 għall-flotot tal-karozzi li se jidħlu fis-suq mill-2025 'il quddiem, bl-inklużjoni tal-mandati ta' Vetturi b'Livell ta' Emissjonijiet Żero (ZEV) u ULEV li jimponu żieda progressiva fis-sehem ta' vetturi b'livell ta' emissjonijiet żero u b'emissjonijiet baxxi ħafna fil-flotta totali bil-għan li sal-2035 ikun hemm eliminazzjoni gradwali tal-karozzi ġodda b'emissjonijiet ta' CO2;
66. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu politiki tal-akkwist pubbliku ekoloġiku permezz tax-xiri ta' ZEVs u ULEVs mill-awtoritajiet pubbliċi għall-flotot tagħhom jew għall-programmi ta' car sharing pubbliċi u semipubbliċi;
67. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni u tikseb il-limiti tal-kwalità tal-arja ambjentali tal-Unjoni kif ukoll il-limiti rakkomandati mid-WHO u, sa mhux aktar tard mill-2025, tressaq proposti, kif xieraq, għal limiti ta' emissjonijiet Euro 7 teknoloġikament newtrali applikabli għall-vetturi M1 u N1 kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni;
68. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rieżami tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (2004/35/KE) biex din tinkludi d-danni ambjentali kkawżati minn tniġġis tal-arja mill-manifatturi tal-karozzi li qed jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-karozzi; jemmen li jekk il-manifatturi tal-karozzi jkunu jistgħu jinżammu finanzjarjament responsabbli għar-rimedji tal-ħsara ambjentali li jikkawżaw, tista' tiġi mistennija żieda fil-livell ta' prevenzjoni u prekawzjoni;
Setgħat u limitazzjonijiet tal-kumitat ta' inkjesta
69. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom fil-konklużjoni f'waqtha tan-negozjati dwar il-proposta tal-Parlament għal Regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament u li jħassar id-Deċiżjoni 95/167/KE;
70. Iqis li huwa indispensabbli, għall-eżerċizzju tal-kontroll demokratiku fuq l-eżekuttiv, li l-Parlament jingħata setgħat ta' investigazzjoni li jaqblu ma' dawk tal-parlamenti nazzjonali tal-UE; jemmen li sabiex jeżerċita dan ir-rwol ta' sorveljanza demokratika, il-Parlament jeħtieġ ikollu s-setgħa li jsejjaħ u jġiegħel lix-xhieda biex jidhru u li jġiegħel il-preżentazzjoni ta' dokumenti; jemmen li sabiex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati, jeħtieġ li l-Istati Membri jaqblu li jimplimentaw sanzjonijiet kontra individwi talli jonqsu milli jidhru jew milli jippreżentaw dokumenti f'konformità mal-liġi nazzjonali li tirregola l-inkjesti parlamentari nazzjonali; itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-pożizzjoni deskritta fir-rapport tal-2012 dwar din il-kwistjoni;
71. Iqis li s-setgħat tal-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament għandhom ikunu allinjati aħjar ma' dawk tal-parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-parteċipazzjoni fit-talba biex individwi jixhdu u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet meta wieħed jirrifjuta li jikkoopera; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw id-dispożizzjonijiet relatati fil-proposta attwali tal-Parlament;
72. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissarji b'tali mod li jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ex Kummissarji fl-ambitu ta' investigazzjoni minn kumitat ta' inkjesta fit-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni li jkunu seħħew matul il-mandat tagħhom;
73. Jitlob lill-Kummissjoni tuża ż-żmien bejn id-deċiżjoni tal-plenarja biex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta u l-bidu effettiv tal-ħidma tiegħu biex tipprepara sett inizjali ta' dokumenti relatati mal-mandat tal-kumitat ta' inkjesta b'tali mod li l-għoti ta' informazzjoni jkun jista' jsir b'mod aktar mgħaġġel, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-kumitat ta' inkjesta mill-bidu nett; iqis, fid-dawl ta' dan, li għandu jsir rieżami u titjib tar-regoli dwar l-arkivjar u t-trażmissjoni ta' dokumenti fil-Kummissjoni sabiex jiġu ffaċilitati talbiet futuri;
74. Jissuġġerixxi li fil-Kummissjoni jinħoloq punt ta' kuntatt uniku għar-relazzjonijiet mal-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament, b'mod partikolari meta jkunu involuti diversi Direttorati Ġenerali, bil-ħsieb li, minn naħa, jiġi ffaċilitat il-fluss ta' informazzjoni u, min-naħa l-oħra, jiġu żviluppati l-prattiki tajba li nkisbu s'issa;
75. Jinnota li f'diversi kumitati ta' inkjesta u kumitati speċjali reċenti, f'xi każijiet il-Kummissjoni u l-Kunsill naqsu milli jipprovdu d-dokumenti mitluba u f'każijiet oħra pprovdew id-dokumenti iżda wara dewmien twil; iqis li jeħtieġ jiġi introdott mekkaniżmu ta' responsabbiltà li jiżgura t-trasferiment immedjat u garantit ta' dokumenti lill-Parlament li l-kumitat ta' inkjesta jew il-kumitat speċjali jitlob u jkun intitolat ikollu aċċess għalihom;
76. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċitajiet tagħha biex tittratta t-talbiet għal dokumenti kemm mill-kumitati ta' inkjesta kif ukoll mill-ġurnalisti u ċ-ċittadini skont ir-regoli rispettivi applikabbli għall-aċċess għad-dokumenti b'mod li jkun f'waqtu u b'livell ta' kwalità aċċettabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika dawn id-dokumenti fil-format oriġinali tagħhom u toqgħod lura minn bidliet u konverżjonijiet tal-format li jieħdu ħafna ħin u li potenzjalment jistgħu jbiddlu l-kontenut; jagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-informazzjoni li tkun maħżuna f'format li jinqara mill-magni, eż. database, tkun ippubblikata wkoll f'format li jista' jinqara mill-magni;
77. Jinnota li hija r-responsabbiltà tal-kumitat ta' inkjesta li jistabbilixxi jekk l-informazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' talba hijiex rilevanti għall-ħidma tal-kumitat jew le; jinnota li dan il-kompitu m'għandux ikun antiċipat mir-riċevitur ta' tali talba għal dokumenti; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex tirrifletti b'mod xieraq din ir-responsabbiltà fil-linji gwida tagħha dwar talbiet għall-aċċess għad-dokumenti;
78. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi ġuridiċi tagħhom lejn il-kumitati ta' inkjesta kif stabbilit fid-Deċiżjoni 95/167/KE, u b'mod partikolari fl-Artikolu 3 tagħha; jistedinhom ukoll, minħabba d-dewmien sinifikanti fir-rati ta' rispons irrappurtati, jassistu lill-kumitati ta' inkjesta b'mod li jirrispetta l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE;
79. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li wettqu investigazzjonijiet nazzjonali dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa mill-karozzi tal-passiġġieri jibagħtu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Parlament is-settijiet sħaħ tad-data u r-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħhom;
80. Iqis li l-ewwel parti tal-mandat tal-Kumitat għandha tkun iddedikata għall-ġbir u l-analiżi ta' evidenza bil-miktub qabel il-bidu tas-smigħ pubbliku; iqis li jkun utli li jiddaħħal perjodu ta' preklużjoni bejn tmiem is-smigħ u t-tħejjija tar-rapport finali b'tali mod li l-ġbir tal-provi jkun jista' jitlesta, jiġi analizzat kif suppost u jiddaħħal b'mod sħiħ fir-rapport;
81. Iqis li l-limitu ta' żmien ta' 12-il xahar fuq il-kumitati ta' inkjesta huwa arbitrarju u ħafna drabi mhux biżżejjed; jemmen li l-membri tal-kumitat ta' inkjesta huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw jekk inkjesta għandhiex tkun estiża u, jekk iva, għal liema perjodu ta' żmien;
82. Jinnota li l-Artikolu 198 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għandu jiddefinixxi b'mod aktar ċar meta għandu jibda l-mandat ta' kumitat ta' inkjesta; jissuġġerixxi li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà biex ikun żgurat biżżejjed żmien għall-investigazzjonijiet; jitlob li l-ħidma tal-kumitat ta' inkjesta ma tibdiex qabel ma d-dokumenti mitluba jkunu waslu mingħand l-istituzzjonijiet tal-UE;
83. Iqis li f'mandati futuri m'għandux bilfors jiddaħħal rapport interim, sabiex ma jiġux ippreġudikati l-konklużjonijiet finali tal-inkjesta;
84. Iqis li fil-futur il-kumitati ta' inkjesta għandhom jiġu organizzati b'mod differenti sabiex tiġi żgurata effiċjenza u effikaċja akbar fl-organizzazzjoni u t-twettiq tal-ħidma tal-kumitati, b'mod partikolari waqt is-smigħ pubbliku;
85. Jenfasizza li r-regoli amministrattivi interni tal-Parlament huma allinjati mal-prattika stabbilita tal-kumitati permanenti u għalhekk ħafna drabi ma jkunux adatti għan-natura ad hoc u temporanja ta' kumitat ta' inkjesta, li jopera f'ċirkustanzi mhux tas-soltu, b'objettiv speċifiku ħafna u f'perjodu ta' żmien limitat; iqis, għalhekk, li l-iżvilupp ta' sett definit ta' regoli b'rabta mat-tħaddim effikaċi tal-kumitati ta' inkjesta fir-rigward tat-tmexxija tas-smigħ u l-missjonijiet, pereżempju, b'mod li jiggarantixxi rappreżentanza politika ġusta, iżid l-effiċjenza; iqis li hemm riskju li l-limitazzjonijiet finanzjarji jistgħu jwaqqfu lill-kumitati ta' inkjesta milli jisimgħu l-esperti kollha meqjusa meħtieġa biex il-kumitat iwettaq dmirijietu; iqis li l-iskadenzi għall-awtorizzazzjoni interna għas-smigħ u l-missjonijiet għandhom ikunu aktar flessibbli;
86. Iqis li l-kumitati ta' inkjesta għandu jkollhom aċċess ta' prijorità u riżorsi ddedikati fis-servizzi rilevanti tal-Parlament sabiex dawn ikunu jistgħu jittrattaw b'mod partikolari talbiet għal studji, dokumenti ta' tgħarrif, eċċ. fiż-żmien li jippermettu r-regoli;
87. Jinnota li r-regoli attwali dwar l-aċċess għal informazzjoni klassifikata u informazzjoni kunfidenzjali oħra mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni jew l-Istati Membri lill-Parlament fil-kuntest ta' inkjesta ma jipprovdux ċarezza ġuridika sħiħa iżda huma ġeneralment interpretati bħala li jeskludu l-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) milli jikkonsultaw u janalizzaw "informazzjoni kunfidenzjali oħra" mhux klassifikata f'kamra tal-qari sigura; jinnota li għadd ta' Membri jħossu li din ir-regola hija ta' xkiel għal konsultazzjoni effikaċi u bir-reqqa ta' dawn id-dokumenti fiż-żmien limitat imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumitati ta' inkjesta, u li l-Kumitat TAX2, li matul dan il-perjodu ngħata aċċess b'mod temporanju u eċċezzjonali għall-APAs, kien f'pożizzjoni li jagħmel użu minn dawn ir-riżorsi b'mod aktar komprensiv u effikaċi; jitlob, għalhekk, li fil-qafas ta' Ftehim Interistituzzjonali nnegozjat mill-ġdid, tiġi introdotta dispożizzjoni fformulata b'mod ċar li tiggarantixxi d-dritt ta' aċċess għad-dokumenti għall-APAs abbażi tal-prinċipju ta' "ħtieġa ta' tagħrif" ("need to know"), fir-rwol ta' appoġġ tagħhom għall-Membri; iħeġġeġ lill-korpi rilevanti jħaffu n-negozjar mill-ġdid ta' dan il-punt sabiex ma jfixklux l-effikaċja u l-effiċjenza tal-inkjesti parlamentari li għaddejjin u dawk tal-futur;
°
° °
88. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni u r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.
- [2] ĠU L 10, 15.1.2016, p. 13.
- [3] ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.
- [4] ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.
- [5] ĠU L 152 11.6.2008, p. 1.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2015)0375.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2016)0322.