Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0179/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0179/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-Suq Intern

8.3.2017 - (2016/3042(RSP))

skont l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cecilia Wikström f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Proċedura : 2016/3042(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0179/2017
Testi mressqa :
B8-0179/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8-0179/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-Suq Intern

(2016/3042(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

–  wara li kkunsidra t-Titoli IV u V u l-Artikoli 4(2)(a), 20, 21, 26, 45-48 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 30, 31 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013[4];

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi[5],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE[6],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[7],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura transkonfinali[8],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ( "ir-Regolament tal-IMI")[9],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema[10];

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")[11],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorji tal-Istati Membri (COM(2009)0313),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titlu "Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza” (COM(2013)0837),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, tal-24 ta' Jannar 2017, intitolat "It-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini f'unjoni ta' tibdil demokratiku" (COM(2017)0030),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea[12];

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-protezzjoni soċjali għal kulħadd, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom[13];

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE[14],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva bosta petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar l-ostakli differenti li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini tal-UE biex jeżerċitaw il-libertà ta' moviment tagħhom;

B.  billi n-nonrikonoxximent minn xi Stati Membri ta' żwieġ jew unjoni legali LGBTI jista' jkun ostaklu għall-moviment liberu fl-Unjoni ta' dawn il-persuni u s-sħab tagħhom, li jżommhom milli jaċċessaw uħud mill-benefiċċji soċjali jew servizzi pubbliċi f'dawk il-pajjiżi;

C.  billi waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tat-Tlieta 11 ta' Ottubru 2016 saret seduta ta' smigħ dwar l-ostakli għal-libertà taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jaħdmu fis-Suq Intern, kif ippreżentati mill-petizzjonanti;

D.  billi l-libertà tal-moviment tikkostitwixxi dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u hija essenzjali għall-koeżjoni soċjali u ekonomika fi ħdan l-Unjoni, bl-għan li jkunu żgurati impjieg sħiħ u progress soċjali;

E.  billi dan id-dritt ta' libertà tal-moviment għall-ħaddiema inkiser minn bosta Stati Membri, punt li tqajjem minn bosta petizzjonanti; billi ċ-ċittadini mobbli tal-UE xi kultant jevitaw li jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa minħabba l-biża' li jitkeċċew, u dan fir-realtà jillimita d-dritt fundamentali tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa;

F.  billi l-kriżi ekonomika u l-miżuri biex tiġi miġġielda żiedu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u l-għadd ta' migrazzjonijiet ekonomiċi fi ħdan l-UE; billi dan għandu jitqies kif xieraq u għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' koordinazzjoni speċifiċi kemm fl-Istati Membri domiċiljari u ospitanti kif ukoll fl-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati;

G.  billi l-mobilità tal-ħaddiema fl-UE tista' tkun sfida għas-swieq tax-xogħol nazzjonali li teħtieġ soluzzjonijiet immirati iżda tista' wkoll tikkontribwixxi biex tagħmilhom aktar ġusti, dment li d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema jkunu protetti għalkollox;

H.  billi l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jaqsmu r-responsabbiltà li jaraw li l-prinċipji tal-moviment liberu jiffunzjonaw għall-benefiċċju taċ-ċittadini, it-tkabbir, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-impjiegi u li jiżguraw traspożizzjoni u implimentazzjoni aktar effettivi tal-qafas ġuridiku rilevanti tal-UE;

I.  billi f'xi okkażjonijiet is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema mobbli tal-UE u l-familji tagħhom hija kkaratterizzata mill-inugwaljanzi u l-kontinġenzi;

J.  billi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali għandhom jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni kontra ħaddiema permanenti, staġjonali jew transfruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-fini li jipprovdu servizzi;

K.  billi l-użu ta' noti promettenti fir-relazzjonijiet tal-impjieg jista' jwassal għal sitwazzjoni inġusta u diskriminatorja għall-ħaddiema u jżommhom milli jgawdu d-dritt tagħhom ta' libertà tal-moviment fis-Suq Intern;

L.  billi l-petizzjonanti huma mħassba dwar in-nuqqas ta' konnettività tal-broadband, speċjalment f'żoni remoti, rurali u muntanjużi, u d-differenzi bejn il-veloċitajiet tal-broadband reklamati u dawk reali, li jbaxxu l-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-Suq Intern u jostakolaw l-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi;

1.  Jistieden lill-Istati Membri, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex ineħħu kwalunkwe prattika diskriminatorja u ostaklu bla bżonn mir-regoli tagħhom għaċ-ċittadini tal-UE u qrabathom li mhumiex ċittadini tal-UE, biex dawn igawdu d-dritt ta' dħul u ta' residenza fit-territorju tagħhom, kif ukoll id-drittijiet soċjali tagħhom, filwaqt li jagħmlu l-amministrazzjoni tagħhom aktar effiċjenti bl-għan li tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema fl-UE;

2.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-prattika minn xi Stati Membri, bi ksur tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, li jkeċċu lil ċittadini Ewropej li kienu impjegati hemm ftit wara l-iskadenza tal-kuntratt ta' impjieg tagħhom;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara, taġġorna u tespandi l-gwida tagħha dwar traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE sabiex tinkludi, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (Kawżi C-456/12[15] u C-457/12[16]); jirrakkomanda l-użu tal-pjanijiet ta' traspożizzjoni u ta' implimentazzjoni (TIPs) biex tkun żgurata applikazzjoni kompluta u korretta;

4.  Jenfasizza l-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali u jiddeplora l-fatt li xi Stati Membri jiċħdu l-protezzjoni soċjali lil ħaddiema li mhumiex ċittadini tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE u l-prinċipji fundamentali tal-liġi tax-xogħol sabiex jipproteġu l-ħaddiema kollha tal-UE; jitlob li jkun hemm definizzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet eżistenti li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE u lil qrabathom ċittadini ta' pajjiżi terzi jgawdu d-drittijiet soċjali tagħhom;

5.  Jilqa' l-ħolqien tal-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar Sigurtà Soċjali (EESSI) li jgħin lill-entitajiet tas-sigurtà soċjali fl-UE jiskambjaw l-informazzjoni b'aktar rapidità u sigurtà; Jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità teknoloġika tagħhom sabiex jadattaw għat-tip ġdid ta' skambju ta' informazzjoni; jitlob li jiġu vvalutati l-possibbiltajiet għat-trawwim ta' ftehimiet kollettivi transnazzjonali u l-ħolqien ta' pjattaformi Ewropej li jippromwovu l-prattiki tajba;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu siti web nazzjonali uniċi kif previst fid-Direttiva 2014/67/UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-attivitajiet tagħhom ta' gwida u ta' konsulenza biex ikomplu jsaħħu l-libertà taċ-ċittadini li jiċċaqilqu, jaħdmu u jistudjaw fi Stati Membri oħra u biex titqajjem il-kuxjenza pubblika; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-effettività tal-għodod li nħolqu biex joffru informazzjoni dwar opportunitajiet ta' impjieg u tagħlim fl-UE, bħal EURES u PLOTEUS, u biex tqajjem aktar kuxjenza pubblika dwarhom; jieħu nota tar-Regolament EURES il-ġdid (ir-Regolament (UE) 2016/589), bl-għan ġenerali li jagħmel il-EURES għodda effettiva għall-impjieg permezz ta' mobilità ġusta tal-ħaddiema fi ħdan l-UE; jenfasizza li għajnuna u kooperazzjoni konsulari aqwa jgħinu l-qawmien tal-kuxjenza dwar l-istatus personali tal-individwi u jipproteġu d-drittijiet fundamentali ta' ħaddiema jew studenti mobbli, u jiffaċilitaw l-adattament bla xkiel tagħhom fl-Istat Membru ospitanti;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu linji gwida ċari u taħriġ xieraq għall-impjegati taċ-ċivil u l-impjegati amministrattivi involuti fl-implimentazzjoni tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, kemm dawk ċittadini tal-UE kif ukoll dawk li mhumiex, u qrabathom, li jgħixu legalment fl-UE;

8.  Jitlob għat-titjib tas-servizz SOLVIT, pereżempju permezz tal-ħolqien ta' linja ta' assistenza telefonika, u t-tisħiħ ta' kwalunkwe awtorità kompetenti oħra li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jirrikorru għandha bil-mistoqsijiet speċifiċi tagħhom dwar is-Suq Intern, biex huma u l-membri tal-familja tagħhom ikunu jistgħu jirċievu informazzjoni u appoġġ f'waqthom meta jħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu;

9.  Jitlob li jittejbu l-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-istatistika dwar l-għadd ta' ċittadini li jużaw il-portabilità tad-drittijiet soċjali tagħhom minn Stat Membru għal ieħor sabiex tittejjeb aktar il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE b'soluzzjonijiet tal-politika biex jintlaħqu livelli ogħla ta' protezzjoni soċjali;

10.  Jitlob li jkun hemm armonizzazzjoni aħjar tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "residenza abitwali";

11.  Jiddeplora l-fatt li n-nuqqas ta' aggregazzjoni tad-drittijiet għas-sigurtà soċjali joħloq ostakli għar-residenti tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u effettiv ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali sabiex tiġi żgurata l-portabilità tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (pereżempju l-pensjonijiet tal-istat, l-assigurazzjoni tas-saħħa, il-benefiċċji tal-qgħad u l-benefiċċji tal-familja) u konsegwentement inaqqsu l-ostakli tal-mobilità tal-ħaddiema fl-UE; jitlob li jittieħdu passi sodi u effettivi lejn sistema kkoordinata ta' kontribuzzjonijiet u benefiċċji soċjali aggregati għal kull individwu fl-UE kollha, bħal kard tas-sigurtà soċjali bl-għan li tiffaċilita t-traċċabilità tal-kontribuzzjonijiet u l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali[17];

12.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod urġenti l-Karta Ewropea tad-Diżabilità li tiffaċilita l-ivvjaġġar u l-migrazzjoni bejn Stat Membru u ieħor ta' persuni b'diżabilità;

13.  Jiddeplora l-esklużjoni ta' ċittadini tal-UE minn sistema nazzjonali tas-saħħa pubblika ta' Stat Membru ieħor, għax din hi d-dritt definit fid-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali u fil-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[18];

14.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar fil-qafas tat-tassazzjoni tal-UE bl-għan li tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja, fost kwistjonijiet oħra rilevanti bħall-prevenzjoni tad-dumping fiskali;

15.  Jinnota l-għadd dejjem jikber ta' kwistjonijiet ta' kustodja transkonfinali tat-tfal, li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-persuni; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni konsulari u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' każijiet ta' kustodja tat-tfal; jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament Brussell IIa;

16.  Jikkundanna l-prattika tal-użu ta' noti promettenti vojta f'relazzjonijiet ta' impjieg, li tippermetti lil min iħaddem jagħmel talba għal danni potenzjali aktar faċilment u jevita litigazzjoni fit-tul fil-qrati tax-xogħol filwaqt li teqleb l-oneru tal-prova fir-rigward tal-ħtija u l-ammont tad-dannu; jisħaq li dawn in-noti promettenti vojta jżommu liċ-ċittadini milli jgawdu d-dritt tagħhom ta' libertà tal-moviment fis-Suq Intern; jistieden lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta' noti promettenti vojta f'relazzjonijiet ta' impjieg fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar il-bżonn li l-użu ta' noti promettenti vojta f'relazzjonijiet ta' impjieg ikun projbit b'mod strett;

17.  Huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-petizzjonanti biex jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom fl-Ewropa kollha; jitlob li jkun hemm iżjed standardizzazzjoni ta' titoli akkademiċi u diplomi ta' edukazzjoni kontinwa min-naħa tal-Istati Membri, użu sistemiku tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) biex tkun żgurata kooperazzjoni amministrattiva aħjar u proċeduri aktar sempliċi u rapidi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tar-rekwiżiti ta' żvilupp professjonali kontinwu ta' professjonisti kkwalifikati li jippjanaw li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkun evitat kwalunkwe tip ta'diskriminazzjoni, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti tal-pajjiż ospitanti f'konformità sħiħa mad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali;

18.  Jinsab konvint li l-mobilità jenħtieġ li tkun ikkoordinata fi proċess regolatorju wiesa' bl-għan li jiġu garantiti impjiegi stabbli ta' kwalità bi drittijiet soċjali effettivi, filwaqt li jiġu indirizzati b'mod effettiv kwalunkwe diskriminazzjoni u prekarjat;

19.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jindirizzaw b'suċċess in-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjieg u l-protezzjoni soċjali inadegwata fir-reġjuni ta' oriġini tal-ħaddiema sabiex jiġi żgurat li l-mobilità tkun volontarja;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tar-Regolament dwar is-Suq Uniku tat-Telekomunikazzjoni li se jinkludi dispożizzjonijiet li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-veloċitajiet minimi, il-veloċitajiet normalment disponibbli, il-veloċitajiet massimi u l-veloċitajiet irreklamati tal-broadband; jappoġġa kampanji ta' qawmien tal-kuxjenza f'dan ir-rigward, bl-għan li jinqatgħu r-reklami qarrieqa;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw għalkollox id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali u jiżguraw ir-rimborż effiċjenti u f'waqtu tal-kura tas-saħħa transkonfinali, inkluż ir-rimborż tal-mediċini, li jista' jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ostaklu mhux iġġustifikat għall-moviment liberu.

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.