Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0183/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0183/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017

13.3.2017 - (2017/2598(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, László Tőkés, Andrey Kovatchev, Ramona Nicole Mănescu, Ivan Štefanec, Ádám Kósa, Michaela Šojdrová f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0183/2017

Proċedura : 2017/2598(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0183/2017
Testi mressqa :
B8-0183/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0183/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017

(2017/2598(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;

B.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur l-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Human Rights Zeid Ra'ad Al Hussein u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġa u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-modi biex iżidu r-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;

2.  Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu mill-impenn ġenwin tal-membri biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nuqqas ta' selettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ li jsiru sforzi sabiex tkun evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattiti fil-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;

3.  Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jinvolvu ruħhom magħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom għall-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (inkluż l-EPU); jinkoraġġixxi lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u mekkaniżmi ta' koordinament nazzjonali;

4.  Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; Jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC meta talab li l-Kumitat Konsultattiv tal-UNHRC jħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet u fix-xejriet tal-vot tagħhom u jtejbu l-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan is-sens; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;

5.  Itenni l-importanza li jkun żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fil-UNHRC; jappoġġa l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;

Prijoritajiet tematiċi

6.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull sens tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, informaturi ta' irregolaritajiet, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sigur fejn l-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża enfasi partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli, ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex l-Istati li adottaw liġijiet restrittivi kontra organizzazzjonijiet indipendenti favur id-drittijiet tal-bniedem jirrevokawhom;

8.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, li fiha d-dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġa l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella li jitqajmu l-kwistjonijiet tal-libertà tal-espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' Internet liberu u miftuħ fil-fora internazzjonali kollha;

9.  Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jagħtu kas ir-rapporti kif xieraq;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha jirratifikaw mill-aktar fis il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabblixxi mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

11.  Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq bażi ta' razza, kulur, lingwa, reliġjon u twemmin, oriġini soċjali, kasta, twelid, età jew diżabilità, jew status; jappoġġa l-involviment tal-UE fil-proċeduri speċjali rilevanti; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew kollettiv, isofru ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, partikolarment l-Insara, kommess minn Stati jew atturi mhux statali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;

13.  Jistieden lill-UE taħdem għal aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex jitħassru l-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u ta' persuni mingħajr twemmin reliġjuż; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

14.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa s-sostenn kontinwu min-naħa tal-UE favur approċċ ta' tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt u jistidinha tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt;

15.  Iħeġġeġ lill-UE ssemma' leħenha u tappoġġa l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, eżekuzzjonijiet tal-massa, eżekuzzjonijiet għal reati inklużi reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE jintensifika, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u t-trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

16.  jappoġġa bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni fundamentali biex iżżomm responsabbli lil dawk li jikkommettu reati u tassisti lill-vittmi fil-ksib tal-ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà għal delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità; jitlob lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI;

17.  Jitlob lill-UE tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-QKI; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadu ċerti pajjiżi Afrikani li jirtiraw mill-QKI, u jistedinhom jerġgħu jikkunsidrawha; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;

18.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Daesh u l-attakki minn Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki kollha mit-terroristi jew l-organizzazzjonijiet paramilitari l-oħrajn kollha kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-portata tal-atti tal-qerda tal-patrimonju kulturali u jappella għal appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn bosta fora tan-NU;

19.  Jistieden lill-UE taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-naħa tan-NU ta' ġenoċidju kontra minoranzi reliġjużi mwettaq mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh u għal riferiment għand il-QKI ta' każijiet ta' suspetti ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

20.  Jitlob lill-UE tistieden lill-Istati kollha biex ipoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u biex jimplimentaw d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħrajn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trasversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;

21.  Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġa b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa lill-UE ssegwi inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa;

22.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru f'konformità mar-riżoluzzjonijiet storiċi1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lill-UE tappoġġa, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-assistenza umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;

23.  Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u dak furzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-pajjiżi kollha tan-NU jonoraw l-obbligi u l-impenji tagħhom fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip;

24.  Jistieden lill-istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;

25.  Jitlob lill-UE taħdem mas-sħab tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi billi tinkoraġġixxi lil aktar Stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali;

26.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati (CRR), u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati u hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali fil-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà insostenn tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fil-livell Ewropew; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu minn ta' quddiem f'dawn l-isforzi internazzjonali u, jonoraw, f'konformità mal-obbligi tagħhom fid-dritt internazzjonali, l-impenji tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, ir-rifuġjati, il-migranti, u l-persuni spostati kollha, fosthom dawk tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità;

27.  Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

28.  Ifakkar il-fatt li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;

Prijoritajiet skont il-pajjiż

29.  Ukrajna

Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fid-Donbas u li l-organizzazzjonijiet umanitarji tal-Ukrajna u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji li huma ta' sfida għal aktar minn 1,5 miljun persuna spustata internament; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod speċjali s-sitwazzjoni mwiegħra tat-Tatari tal-Krimea, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar assistenza finanzjarja lill-Ukrajna; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-reintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea fis-sistema ġuridika tal-Ukrajna permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jappoġġa l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja sakemm jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk u l-Krimea tingħata lura; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-aċċess għall-Krimea, bil-għan li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u tal-fatt li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-konvenzjonijiet;

30.  Sirja

Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi tar-reġim Sirjan bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn gruppi terroristiċi armati u mhux statali, b'mod partikolari l-ISIL/Daesh li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li titkompla l-investigazzjoni tal-użu u tal-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina biex jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni l-appell tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għall-konsegwenzi u l-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni f'din id-direzzjoni;

31.  Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jissodisfa l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-Internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena kapitali fl-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tal-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk l-iktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jiġu mixlija quddiem Qorti Kriminali Internazzjonali u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa l-provi nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u bħala theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal;

32.  Ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja u l-każijiet ta' pressjoni politika eżerċitata fuq il-membri tal-Qorti Kostituzzjonali; jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt interpersonali bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rispettati bis-sħiħ, kif ukoll għall-invjolabilità tal-fruntieri rikonoxxuti fil-livell internazzjonali tal-pajjiż; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom ikunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;

33.  Belarussja

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

34.  Politika Ewropea tal-Viċinat

Jemmen fil-kontinwazzjoni tal-valur tal-objettivi dikjarati inizjalment tal-PEV li tinħoloq żona ta' prosperità, stabilitàu u sigurtà, ibbażata fuq il-valuri u l-prinċipji komuni tal-Unjoni, billi tipprovdi assistenza u inċentivi għal riformi strutturali profondi fil-pajjiżi tal-viċinat, imwettqa taħt ir-responsabilità tagħhom stess u miftiehma magħhom, li se jippermettu involviment imsaħħaħ mal-UE; iqis li l-appoġġ favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-konsolidament tal-istat u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-libertajiet fundamentali hu essenzjali għall-PEV; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' soċjetà ċivili li tistagħna u attiva fil-proċessi tat-trasformazzjoni u d-demokratizzazzjoni, li jinkludu l-komunità tan-negozju; jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għas-soċjetà ċivili, għall-SMEs lokali u għal atturi oħra mhux statali, peress li dawn jikkostitwixxu mutur għall-proċess ta' riforma, u għal djalogu u sħubija aktar involuti bejn l-atturi u s-setturi differenti tas-soċjetà ċivili fl-UE u l-pajjiżi ġirien fil-qafas tal-PEV; jenfasizza l-importanza tal-kumpaniji Ewropej u r-rwol tagħhom fil-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta' standards internazzjonali għan-negozju;

35.  Iran

Jistieden lill-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-NU, u jaħdem favur l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest, inkluż l-Eżami Perjodiku Universali, billi jippermetti li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom; jistieden lill-gvern tal-Iran jindirizza t-tħassib sostanzjali enfasizzat fir-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU u tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll l-appelli speċifiċi li jinstabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jinnota bi tħassib li l-Iran għandu l-ogħla livell ta' eżekuzzjonijiet bil-piena tal-mewt per capita fid-dinja; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha; jinnota li xi minoranzi reliġjużi u l-libertajiet reliġjużi bażiċi tagħhom huma protetti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran; jinsab, madankollu, imħasseb li l-għadd ta' individwi arrestati minn komunitajiet minoritarji reliġjużi jew minħabba t-twemmin tagħhom żdiedu; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li d-drittijiet ta' minoranzi reliġjużi u dawk etniċi jiġu rispettati bis-sħiħ u li jiġu protetti mil-liġi u li l-libertà tar-reliġjon tiġi estiża;

36.  Burundi

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Burundi sejra għall-agħar; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet, tortura u vjolenza mmirata kontra n-nisa, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' nies u l-ispostament furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani u l-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' atti bħal dawn; jitlob inkjesta bir-reqqa u indipendenti tal-assassinji u l-abbużi u biex dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, b'segwitu għall-falliment tad-diskussjonijiet mibdija fis-sens tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa' jingħata appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja tagħha permezz ta' kanali diretti;

o

o    o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.