MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2017
13.3.2017 - (2017/2598(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Ángela Vallina, Merja Kyllönen, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli, Maria Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0184/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-34 sessjoni tal-UNHRC, li se ssir mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tagħhom kollha, kemm interni kif ukoll esterni, u jiżguraw il-konsistenza ta' tali politiki, sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fi ħdan il-UNHRC u jagħmluha aktar kredibbli;
B. billi l-UNHRC se jżomm l-34 sessjoni ordinarja tiegħu mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017; billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem se tmur Ġinevra matul din l-34 sessjoni tal-UNHRC, kif kien il-każ fis-snin preċedenti għas-sessjonijiet preċedenti tal-UNHRC; billi żewġ sessjonijiet oħra tal-UNHRC se jsiru fl-2017;
C. billi llum il-ġurnata seba' Stati Membri għandhom siġġu fil-UNHRC, jiġifieri: il-Ġermanja (sal-2018), il-Belġju (sal-2018), il-Latvja (sal-2017), in-Netherlands (sal-2017), il-Portugall (sal-2017), ir-Renju Unit (sal-2017) u s-Slovenja (sal-2018);
D. billi l-ħidma tal-UE u tal-Istati Membri tagħha mal-UNHRC u fi ħdanu, kif ukoll mal-korpi kollha tan-NU, trid tkun ikkoordinata aħjar u trid tissaħħaħ biex tqis u timplimenta aħjar ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNHRC fil-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, kemm fil-livell intern kif ukoll f'dak estern; billi, wisq ta' spiss, id-delegazzjonijiet tal-UE fil-UNHRC jikkuntentaw ruħhom li jmorru bil-prijoritajiet tagħhom stess mingħajr ma jqisu l-ħidma tan-NU u tal-UNHRC fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
Ix-xogħol u l-organizzazzjoni tal-UNHRC
1. Jistieden mill-ġdid lill-Istati Membri tal-UE biex jopponu attivament kull tentattiv li jhedded il-kunċetti tal-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem, u biex iħeġġu attivament lill-UNHRC jiġġieled bl-istess mod il-forom kollha ta' diskriminazzjoni, tkun xi tkun il-bażi tagħhom;
2. Iwissi kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-UNHRC; jissottolinja l-importanza tar-riżoluzzjonijiet tiegħu li jirreferu għal pajjiżi speċifiċi biex jiġu indirizzati l-każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem issir b'mod oġġettiv, trasparenti, mhux selettiv, kostruttiv, mhux kunfliġġenti, abbażi ta' informazzjoni affidabbli, bħala frott ta' djalogu interattiv u f'kundizzjonijiet ta' universalità u ta' trattament ugwali tal-Istati kollha; jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji li kien hemm qbil dwarhom fir-rigward tal-UNHRC;
3. Jissottolinja l-importanza, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-instabbiltà politika f'għadd ta' pajjiżi permezz ta' politiki ta' żvilupp li jkunu konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u miżuri soċjoekonomiċi, politiċi u kulturali;
4. Jikkonstata li l-Arabja Sawdija hija membru tal-UNHRC sal-2019; jikkundanna bil-qawwa l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-Renju tal-Arabja Sawdija, li juża l-mandat tiegħu biex jimblokka t-talbiet mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU maħtura biex iwettqu investigazzjonijiet ta' stabbiliment tal-fatti relatati mat-tortura, mal-libertà ta' espressjoni u ta' opinjoni, kif ukoll ma' eżekuzzjonijiet, bl-istess mod li jxekkel kull tentattiv ta' inkjesta indipendenti dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen; jikkundanna l-fatt li, waqt it-33 sessjoni tal-UNHRC, ir-Renju tal-Arabja Sawdija, għat-tieni sena konsekuttiva, irnexxielu jimblokka riżoluzzjoni tal-UE li kellha l-għan li jiġi stabbilit mandat biex titwettaq inkjesta internazzjonali; jitlob lill-UE tipproponi din ir-riżoluzzjoni mill-ġdid wara l-kritika fformulata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Kate Gilmore, dwar il-fatt li l-kummissjoni nazzjonali Jemenita – li ġiet stabbilita wara l-falliment tas-sejħa għall-ħolqien ta' kummissjoni internazzjonali – mhijiex imparzjali u naqset milli tirrispetta l-istandards fundamentali ta' protezzjoni;
5. Jilqa' r-rapporti annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, l-attenzjoni mogħtija lis-sitwazzjonijiet tal-Honduras, il-Kolombja, il-Gwatemala, Ċipru, l-Iran, is-Sri Lanka, il-Jemen, it-territorju Palestinjan okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, l-Għoljiet ta' Golan Sirjani okkupati, l-Afganistan u l-Guinea;
6. Jopponi l-użu tal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni", billi dan il-kunċett jikser il-liġi internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika suffiċjenti biex l-użu unilaterali tal-forza jkun iġġustifikat; jikkundanna r-rwol ta' għassiesa dinjin li jieħdu f'idejhom Stati bħall-Istati Uniti u Franza jew organizzazzjonijiet bħan-NATO, inkluż barra mill-mandati tan-NU jew lil hinn minn tali mandati; jikkundanna wkoll l-hekk imsejħa "attakki mill-ajru mmirati" u l-introduzzjoni ta' truppi barranin fit-territorju ta' ċerti Stati; jiddenunzja l-interventi tan-NATO li jieħdu post il-kompiti ta' paċifikazzjoni u ta' stabbilizzazzjoni meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu implimentati b'kunsens wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;
Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali
7. Jilqa' l-importanza mogħtija mill-UNHRC lill-promozzjoni u lill-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, kif ukoll lill-kwistjoni tal-interdipendenza u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja mill-ġdid il-ħtieġa li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċiviċi u politiċi jiġu trattati bl-istess mod; jinsisti fuq il-fatt li r-rati għoljin ta' qgħad, iż-żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, l-aċċess dejjem aktar diffiċli għal servizzi fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, it-trasport u l-kultura u d-deterjorament tal-kwalità ta' dawn is-servizzi jirrappreżentaw sfidi kbar; jilqa' r-rwol ewlieni li jiżvolġu s-servizzi pubbliċi f'dan il-qasam u jikkonstata li l-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tagħhom ikkontribwew għad-deterjorament tal-aċċess għal uħud minn dawn id-drittijiet;
8. Jissottolinja, barra minn hekk, li l-introduzzjoni ta' klawsoli dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati mill-UE ma titteħidx biżżejjed inkunsiderazzjoni u għalhekk tirrappreżenta falliment, peress li dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles wasslu saħansitra għal tnaqqis, jew addirittura għal ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment ekonomiċi u soċjali, għat-tfaqqir tal-popolazzjonijiet ikkonċernati u għall-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn kumpaniji multinazzjonali; iqis li jeħtieġ li jiġu implimentati forom ġodda ta' kooperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi terzi abbażi tal-bżonnijiet tal-popli tagħhom; iqis li, minbarra l-impatt tal-pjanijiet ta' awsterità fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-UNHRC għandu wkoll ifittex li janalizza u jiddenunzja l-impatti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u b'mod partikolari tar-riskji u l-konsegwenzi tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika mal-pajjiżi AKP;
9. Iqis li l-kwistjoni tat-tqassim tal-ġid fid-dinja għandha tkun prijorità ewlenija tas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2017, peress li hija tirrappreżenta l-ostakolu prinċipali għat-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u li d-delegazzjoni tal-UE u dawk tal-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan;
10. Jissottolinja l-importanza tar-rapport dwar l-aċċess għall-mediċini fil-kuntest tad-dritt ta' kull persuna li tgawdi l-aħjar stat possibbli ta' saħħa fiżika u mentali; jitlob lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex jippromwovu l-aċċess għall-mediċini u għal servizzi pubbliċi tas-saħħa li jkunu ta' kwalità għolja u aċċessibbli għal kulħadd, u biex jipproponu inkjesta dwar ir-rwol tal-industriji farmaċewtiċi;
11. Iqis li r-rapport dwar akkomodazzjoni xierqa bħala element tad-dritt għal livell ta' għajxien adegwat huwa importanti wkoll; jitlob lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex jippromwovu l-aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità għolja għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni, bħala dritt fundamentali;
12. Jilqa' bl-istess mod ir-rapport dwar id-dritt għall-ikel; jissottolinja li l-Istati li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jippromwovu aktar l-aċċess għar-riżorsi naturali u vitali, l-aċċess għall-art kif ukoll għas-sovranità u s-sikurezza tal-ikel bħala strument biex jitnaqqsu l-faqar u l-qgħad; jiddeplora l-fatt li għadd sinifikanti ta' persuni m'għandhomx, jew ma baqgħalhomx, aċċess għal ċerti riżorsi, inklużi beni fundamentali bħall-ilma, minħabba li dawn jiġu akkapparrati speċjalment minn intrapriżi jew entitajiet privati, li jgawdu appoġġ mill-awtoritajiet politiċi tal-Istati kkonċernati, aġir li jikkaġuna b'mod partikolari skarsezza ta' ikel u żieda fil-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel; jitlob, għaldaqstant, lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex jippromwovu proposti lill-UNHRC u, b'mod aktar wiesa', fil-fora u l-konferenzi internazzjonali u reġjonali (il-Bank Dinji, id-WTO, il-UNCTAD, l-FMI, l-OECD, eċċ.) għar-rikonoxximent tal-beni pubbliċi fundamentali u l-inklużjoni tagħhom f'konvenzjoni speċifika tan-NU;
13. Jissottolinja l-importanza tad-diskussjoni dwar l-effetti tad-dejn estern u tal-obbligi finanzjarji internazzjonali marbuta tal-Istati fuq it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet kollha tal-bniedem, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħlas "tal-imgħax fuq id-dejn" tal-Istati llum jolqot il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u qed iservi bħala skuża biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' awsterità msejħa "pjanijiet ta' aġġustament strutturali" li jiksru d-drittijiet fundamentali inklużi fl-UE;
Drittijiet ċivili u politiċi
14. Jistieden lill-Istati kollha jiġġieldu kontra t-tortura, inkluż fi ħdan l-Istati Membri; jitlob lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex, fid-diskussjoni dwar it-tortura u pieni u trattamenti diżumani u degradanti oħra, jinkludu l-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-kummerċ ta' prodotti li jafu jservu għal finijiet ta' tortura, kemm ġewwa u kemm barra l-UE;
15. Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex isostnu mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom kontra l-piena tal-mewt, favur l-abolizzjoni universali tagħha u favur il-ħolqien ta' moratorju immedjat fil-pajjiżi fejn għadha teżisti; jinsab imħasseb minħabba li għadd ta' pajjiżi li kienu ssospendew il-piena kapitali reġgħu bdew l-eżekuzzjonijiet kapitali, jew saħansitra reġgħu daħħlu l-piena tal-mewt, b'mod partikolari minħabba l-ġlieda kontra t-terroriżmu u bħala parti mill-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;
16. Jinsisti fuq il-ħtieġa li, matul din is-sessjoni tal-UNHRC, jiġu trattati l-kwistjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' ripressjoni, inkluż l-omiċidju ta' sindakalisti, ta' attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, ta' artisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jieħu nota tal-importanza mogħtija waqt il-31 sessjoni lil-libertà ta' reliġjon jew twemmin u jtenni li din timplika kemm id-dritt li wieħed jemmen u li ma jemminx kif ukoll id-dritt għall-promozzjoni tat-twemmin reliġjuż u d-dritt li wieħed jibdel it-twemmin reliġjuż tiegħu; jissottolinja mill-ġdid ir-rabta tiegħu mas-sekulariżmu bħala karatteristika fundamentali ta' Stat demokratiku, definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi, li timplika r-rifjut ta' kull tip ta' ndħil reliġjuż fil-funzjonament tal-affarijiet pubbliċi u ta' kull tip ta' ndħil politiku fl-affarijiet reliġjużi, ħlief għal skopijiet ta' osservanza tar-regoli tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku (inkluż ir-rispett għal-libertà tal-oħrajn) u għal skopijiet ta' garanzija tal-istess libertà ta' kuxjenza u l-espressjoni pubblika tat-twemmin għal kulħadd (sew dawk li jemmnu, sew l-anjostiċi u sew l-atei);
18. Jikkunsidra li r-rapport dwar id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali huwa partikolarment importanti; jiddeplora li t-teknoloġiji, inklużi dawk Ewropej, jintużaw biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment permezz taċ-ċensura u s-sorveljanza tal-massa; jikkundanna bl-istess mod l-ispjunaġġ tal-massa mwettaq fuq miljuni ta' persuni, b'mod speċjali min-National Security Agency tal-Istati Uniti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tixrid tat-teknoloġiji ta' sorveljanza u ta' filtrazzjoni, li jirrappreżenta theddida dejjem akbar għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u spiss jippreġudika d-dritt għall-privatezza; jitlob li dawn il-preokkupazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni meta dan il-punt jiġi diskuss waqt is-sessjoni; jiddispjaċih li l-komunità internazzjonali għadha ma nedietx negozjati għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, li jista' jitnebbaħ mill-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, u jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lil dawk tal-Istati Membri tagħha biex jaħdmu għat-tħejjija ta' tali qafas, b'kollaborazzjoni mal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom;
19 Jikkundanna l-esternalizzazzjoni dejjem tikber tal-kompiti ta' sigurtà, inklużi dawk militari, f'idejn organizzazzjonijiet u impriżi privati għad li din hija kwistjoni ta' kompetenzi sovrani li jaqgħu taħt l-awtorità esklużiva tal-Istati, u jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itemmu dawn il-prattiki; iqis li r-rispett għall-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jibqa' responsabbiltà tal-Istati u jqis, għaldaqstant, li dan huwa trasferiment ta' missjonijiet tas-servizz pubbliku, u li l-Istati jeħtiġilhom jinżammu responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja mwettaq mill-impriżi kkonċernati;
20. Jinsisti fuq ir-regolamentazzjoni dgħajfa, in-nuqqas ta' trasparenza u n-nuqqas ta' kontroll fir-rigward tal-kummerċ tal-armi, li qed jikkaġunaw tbatija umana dejjem tikber fil-kuntest ta' gwerer ċivili u kunflitti armati; iqis li l-kummerċ tal-armi jsostni l-instabbiltà u l-korruzzjoni u jfixkel il-proċessi tal-paċi; jiddenunzja b'mod partikolari r-rwol tiegħu f'pajjiżi bħall-Jemen, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel u n-Niġerja, u jtenni t-twissija dwar dawn il-pajjiżi, maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, fit-22 ta' Frar li għadda; jinsisti, għalhekk, li din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata matul din is-sessjoni;
Drittijiet tal-popli u ta' gruppi u individwi partikolari
21. Jissottolinja l-importanza li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni u tribali kif definiti fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO u jinsab imħasseb fir-rigward tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-difensuri, l-attivisti, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jiddenunzjaw b'mod partikolari s-sitwazzjonijiet ta' ħtif tal-art; jitlob li dawn il-kwistjonijiet ikunu s-suġġett ta' punt partikolari fuq l-aġenda tas-sessjoni tal-UNHRC;
22. Jilqa' l-importanza mogħtija lid-drittijiet tat-tfal waqt l-34 sessjoni u r-rieda, wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 25/6, li jitwettaq monitoraġġ mill-qrib tal-kwistjonijiet marbutin mat-traffikar u l-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;
23. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu bi prijorità favur azzjonijiet konkreti min-naħa tal-UNHRC maħsuba biex itemmu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwa lill-popolazzjoni ċivili, u speċjalment lin-nisa u lit-tfal, fis-sitwazzjonijiet ta' gwerer u ta' kunflitti vjolenti; jitlob li jiġu implimentati azzjonijiet prijoritarji speċjalment biex jintemm ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom;
24. Jiddispjaċih li l-kwistjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-persuni LGBTI mhumiex se jiġu diskussi fil-konferenzi tal-2017 tal-UNHRC; jikkundanna l-vjolenza u d-diskriminazzjoni li huma soġġetti għalihom il-persuni LGBTI madwar id-dinja; jikkundanna b'mod partikolari l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni transġeneru, li għadha tiġri f'numru ta' Stati, inkluż fl-UE, u jappella biex dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jintemm minnufih; jistieden lill-komunità internazzjonali tirrifletti dwar il-mezzi kif il-liġi tal-familja tagħhom tiġi adattata għall-evoluzzjoni tal-modi u l-forom tal-familji tal-lum, inkluża l-possibbiltà ta' unjoni u ta' adozzjoni għall-persuni tal-istess sess; jissottolinja l-fatt li l-leżbjani spiss isofru diskriminazzjoni multipla (kemm bħala nisa u kemm bħala leżbjani) u li l-azzjonijiet favur l-ugwaljanza għall-persuni LGBTI jridu jmorru id f'id ma' azzjonijiet għall-ugwaljanza tan-nisa u l-bniet b'mod li jinkisbu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward iż-żieda reċenti ta' liġijiet, prattiki u atti ta' vjolenza indirizzati kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u s-sess tagħhom; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem mill-persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja "Libertà u Ugwaljanza"; jinkoraġġixxi lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti jkompli l-ġlieda kontra l-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji;
25. Jilqa' r-rapport dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; jikkundanna l-impatt tal-politiki ta' esternalizzazzjoni tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea fuq it-teħid ta' riskju akbar għall-persuni li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fit-tfittxija għas-sigurtà, li wasslet għal żieda fl-għadd ta' mwiet fuq il-baħar u fuq l-art ta' persuni fi triqithom lejn l-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tibbaża l-politiki kollha tal-migrazzjoni, inklużi l-politiki tal-kontroll tal-fruntieri, fuq approċċ konsistenti bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-impenji internazzjonali tagħha; jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-"Proċess ta' Khartoum", li jinvolvi kooperazzjoni, b'mod partikolari, mar-reġimi tal-Eritrea u tas-Sudan fil-qasam tal-"ġestjoni tal-migrazzjoni"; jistieden għal darb'oħra lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw il-klawsoli dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha, tkun xi tkun in-natura tagħhom, u jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tagħhom stess, peress li n-nuqqas ta' dan idgħajjef il-pożizzjoni tal-UE fi ħdan il-UNHRC u f'kull forum internazzjonali ieħor li jindirizza d-drittijiet tal-bniedem;
Interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kwistjonijiet tematiċi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem
26. Jieħu nota tal-importanza mogħtija lir-rabta bejn it-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem u tar-rapport dwar l-effetti dannużi tat-terroriżmu fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, b'mod partikolari d-dritt għall-ħajja, għal-libertà u għas-sikurezza tal-persuna, waqt din l-34 sessjoni; jissottolinja l-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-ebda każ ma trid tintuża bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali u d-drittijiet fundamentali; iqis li r-rispons ta' "gwerra" pprovdut minn ċerti pajjiżi tal-Punent, minflok inaqqas it-theddida terroristika, iżid il-mewġa ta' vjolenza; jissottolinja għal darb' oħra l-fatt li pjan effettiv tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jista' jiġi implimentat biss meta jiġi newtralizzat il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari billi jiġi sospiż kull ftehim kummerċjali u kull ftehim ta' sħubija mal-pajjiżi li jappoġġjaw dawn l-organizzazzjonijiet; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jissaħħu s-servizzi pubbliċi tal-intelligence, tas-sigurtà u tal-ġustizzja, iżda wkoll il-ħtieġa li jinħolqu programmi ta' prevenzjoni u ċentri ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jidentifikaw b'mod proattiv il-metodi ta' reklutaġġ tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, jimpedixxu r-reklutaġġ u jippermettu l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni reklutati; ifakkar li d-drittijiet, mhux biss għas-sigurtà iżda wkoll għas-sikurezza, huma fundamentali u jikkundanna kull politika pubblika li tiddiskrimina kontra parti mill-popolazzjoni abbażi tal-oriġini jew tar-reliġjon tagħha, kemm reali kif ukoll allegati; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-punt dwar l-impatt tat-terroriżmu fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem huwa tal-ogħla importanza;
27. Iqis bħala fundamentali l-punt dwar l-iżvilupp ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti b'rabta mal-kumpaniji transnazzjonali u impriżi oħrajn u d-drittijiet tal-bniedem; jappoġġja l-ħidma tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv tan-NU dwar dan is-suġġett u jitlob b'insistenza lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jikkonformaw mar-riżoluzzjonijiet dwar dan is-suġġett u jaħdmu bis-sħiħ favur dan l-objettiv;
28. Jikkunsidra, bl-istess mod, li l-punt dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar l-ambjent huwa tal-ogħla importanza u jqis li dan huwa marbut intrinsikament mad-drittijiet tal-popli li jagħmlu użu mir-riżorsi naturali proprji, mill-artijiet tagħhom u minn sistema ambjentali sostenibbli; iqis, għaldaqstant, li huwa fundamentali li jiġu ratifikati u implimentati minn kulħadd il-proċess ta' Kjoto, kif ukoll konvenzjonijiet internazzjonali oħra li jippermettu t-tgawdija effettiva ta' dawn id-drittijiet; iqis li l-ftehimiet konklużi fil-COP 21 f'Pariġi għadhom mhumiex biżżejjed biex jitwaqqaf it-tibdil fil-klima u biex jiġu mħarsa d-drittijiet soċjali u ambjentali tal-popli; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex, fi ħdan il-UNHCR, jappoġġjaw il-proposta għall-ħolqien ta' qorti internazzjonali tal-ġustizzja ambjentali taħt il-patroċinju tan-NU u biex jistinkaw għall-istabbiliment ta' strument ġuridiku vinkolanti bil-għan li jiġu ssanzjonati l-Istati u l-impriżi li jniġġsu l-aktar;
29. Jissottolinja li, skont stima tan-NU, 200 miljun persuna se jiġu spostati għal raġunijiet klimatiċi minn issa sal-2050; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv li jindirizza l-problemi tat-tibdil fil-klima, tal-faqar, tal-isfruttament u tal-aċċess għar-riżorsi, kif ukoll tal-ġlieda kontra l-ħtif tal-art u tal-ġid min-naħa tal-kumpaniji multinazzjonali sabiex ikunu possibbli l-iżvilupp u l-aċċess tal-popolazzjonijiet għall-prodotti, id-drittijiet u s-servizzi bażiċi; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fi ħdan il-UNHCR u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjati klimatiċi u ambjentali", bil-għan li tiġi żviluppata definizzjoni ġuridikament vinkolanti skont il-liġi internazzjonali;
Id-drittijiet tal-popli għall-awtodeterminazzjoni u sitwazzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Kunsill
30. Jissottolinja mill-ġdid id-dritt inaljenabbli għall-awtodeterminazzjoni li għandhom il-popli u d-dritt li jagħżlu l-orjentazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom mingħajr indħil minn barra; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fl-okkażjoni tas-sessjonijiet tal-UNHCR tal-2017, jippromwovu vigorożament dan id-dritt minflok il-politiki attwali; jirrifjuta, barra minn hekk, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-UE u mill-Istati Uniti fuq pajjiżi terzi essenzjalment bil-għan li jipproteġu l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tagħhom u mhux dawk tal-popolazzjonijiet ikkonċernati, li suppost għandhom jipprevalu;
31. Huwa mħasseb għall-aħħar minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sirja wara l-okkupazzjoni ta' parti sinifikanti tat-territorju min-naħa tal-organizzazzjoni msejħa "Stat Iżlamiku"; itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-organizzazzjonijiet terroristiċi; jinsab ukoll partikolarment imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim Sirjan, b'mod speċjali l-ksur tal-libertà ta' espressjoni, id-detenzjonijiet arbitrarji u r-ripressjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-importanza tal-konklużjonijiet tal-kumissjoni speċjali ta' inkjesta approfondita u indipendenti dwar l-avvenimenti li seħħew f'Aleppo sabiex, fejn ikun possibbli, jiġu identifikati dawk kollha li dwarhom hemm raġunijiet raġonevoli għaliex wieħed jemmen li huma responsabbli minn allegat ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u abbużi ta' tali liġi; jissottolinja l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax minħabba l-kummerċ tal-armi; jikkundanna b'mod qawwi d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin, li kellhom effetti drammatiċi fir-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar; jilqa' l-isforzi għal djalogu politiku taħt il-patroċinju tan-NU biex tingħeleb il-kriżi politika fil-pajjiż u jissottolinja li sabiex ikun effettiv, irid jinkludi l-membri tal-oppożizzjoni paċifika fil-konfront tar-reġim Sirjan;
32. Jesprimi tħassib profond rigward il-kunflitt rikorrenti fis-Sudan t'Isfel; jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat bejn il-partijiet fil-kunflitt u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal medjazzjoni newtrali li tippermetti l-ilħuq ta' ftehim fl-iqsar żmien possibbli; jitlob li tingħata għajnuna umanitarja aktar sinifikanti lill-popolazzjoni ċivili li tinsab maqbuda fil-ġlied jew li qed taħrab mir-reġjun; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement billi jiftħu l-fruntieri tagħhom lir-rifuġjati li qed jaħarbu l-kriżi li hemm fis-Sudan t'Isfel; jitlob bl-istess mod li jittieħed impenn internazzjonali biex titwaqqaf kull kunsinna ta' armi jew ta' tagħmir militari lejn is-Sudan t'Isfel u biex titwaqqaf kull esportazzjoni tal-armi lejn ir-reġjun;
33. Jissottolinja l-importanza tad-diskussjonijiet tal-UNHCR dwar il-kriżi fil-Burundi; jiddikjara ruħu ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u jissottolinja li din jista' jkollha konsegwenzi drammatiċi għar-reġjun kollu kemm hu; jitlob li jiġu rrispettati l-Patt dwar is-Sigurtà, l-Istabbiltà u l-Iżvilupp fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar kif ukoll il-Protokoll dwar Non-Aggressjoni u Difiża Reċiproka; huwa tal-fehma li l-kriżi attwali tista' tingħeleb biss permezz ta' djalogu politiku fil-livelli nazzjonali u reġjonali u taħt l-ebda ċirkostanza ma trid tintuża bħala skuża għal intervent militari ġdid fir-reġjun; iqis li l-problemi tal-Burundi jistgħu jissolvew biss billi jiġu garantiti l-istess drittijiet għaċ-ċittadini kollha u billi jiġu indirizzati l-problemi li jinvolvu l-kontroll tal-art agrikola għammiela, il-qgħad u l-faqar, billi jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-faqar, l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni, u billi jiġu promossi riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex jinħoloq Stat liberu, demokratiku u stabbli;
34. Jikkonstata li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran għadha tqajjem tħassib serju; jikkundanna r-ripressjoni fir-rigward tad-dimostranti u tad-dissidenti paċifiċi (inklużi l-istudenti, l-akkademiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem), id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, il-ġuristi, il-ġurnalisti u l-bloggers, li sseħħ komunement f'dan il-pajjiż; jissottolinja r-rwol fundamentali li jeħtiġilha tiżvolġi l-komunità internazzjonali biex tiggarantixxi l-paċi; jinsab imħasseb dwar in-numru ta' priġunieri politiċi u priġunieri minħabba twemmin, in-numru kostantement għoli ta' eżekuzzjonijiet, inkluż ta' minuri, it-tortura, il-proċessi inġusti, is-somom eżorbitanti mitluba għal pleġġ u r-restrizzjonijiet qawwija fuq il-libertà fil-qasam tal-informazzjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda, tar-reliġjon, tal-edukazzjoni u tal-moviment;
35. Jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, filwaqt li jissottolinja t-triq li għad baqa', b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi, il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika; jikkundanna d-diskriminazzjoni u r-ripressjoni kontra l-persuni Rohingya, aggravati min-nuqqas ta' status legali tal-membri ta' din il-komunità u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jappella għal investigazzjonijiet approfonditi, trasparenti u indipendenti dwar il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-persuni Rohingya;
36. Jissottolinja l-importanza tal-punt dwar l-Eritrea matul din is-sessjoni; jikkundanna bil-qawwa l-ksur sistematiku u dejjem jiżdied tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni kollha tal-Eritrea u dik tar-rifuġjati fil-pajjiżi ġirien; jikkundanna t-theddid huma kontinwament soġġetti għalih l-emigranti tad-dijaspora Eritreana, inkluża "t-taxxa għall-irkupru u r-rikostruzzjoni";
37. Jilqa' r-rapport dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, inkluż f'dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-effettività ta' miżuri ta' assistenza teknika u miżuri ta' bini tal-kapaċità li "l-gvern" Libjan ibbenefika minnhom, kif ukoll evalwazzjoni tal-appoġġ jew assistenza teknika komplementari meħtieġa sabiex jiġu implimentati r-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta' inkjesta tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja; iqis li dan ir-rapport irid ikun ikkunsidrat b'mod sħiħ mill-UE u mill-Istati Membri tagħha qabel ma jkomplu jikkommettu ruħhom għal kwalunkwe kooperazzjoni mal-"awtoritajiet Libjani" u jitlob li l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati fi tranżitu u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja tittieħed inkunsiderazzjoni qabel kwalunkwe tħassib ieħor;
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra
38. Jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija f'dawn l-aħħar snin mill-UNHCR lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra, b'mod partikolari rigward id-dritt tal-poplu Palestinjan għall-awtodeterminazzjoni, u t-twaqqif ta' Stat indipendenti u sostenibbli fi ħdan il-fruntieri tal-1967; iħeġġeġ bil-qawwa lid-delegazzjoni tal-UE biex tikkundanna kull għamla ta' kolonjaliżmu, speċjalment fil-Palestina, kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Ġerusalemm tal-Lvant, fejn qed jikber b'mod kostanti; jikkundanna bl-istess mod il-vjolenza tal-kolonizzaturi kontra l-popolazzjoni Palestinjana, b'mod partikolari f'Ħebron, u l-pjanijiet tal-ispostament furzat tal-Bedwini;
39. Jistieden lid-delegazzjoni tal-UE fi ħdan l-UNHCR u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Iżraeljani sabiex il-mandat tan-NU jkun jista' jiġi implimentat; jitlob, bl-istess mod, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jkunux qed iwettqu jew jikkontribwixxu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet jew ta' profitti fl-insedjamenti; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-UE tappoġġja r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar l-insedjamenti u l-pubblikazzjoni tal-bażi ta' data annwali tal-UNHRC dwar l-impriżi involuti fi ksur tal-liġi internazzjonali;
40. Jikkundanna l-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani; jitlob lill-Istat ta' Iżrael biex itemm immedjatament il-prattika ta' priġunerija tal-massa, li kompliet tiżdied fl-2016, b'aktar minn 6 000 persuna fil-ħabs, fosthom minuri; jikkundanna bl-istess mod l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, id-detenzjonijiet amministrattivi, it-trasferimenti ta' priġunieri politiċi lil hinn mit-territorji okkupati, li jċaħħduhom minn żjajjar minn membri tal-familja, it-trattament ħażin, it-tortura u t-tmigħ furzat ta' priġunieri, iċ-ċaħda ta' trattament mediku adegwat u opportun, li kollha jikkostitwixxu ksur flagranti tal-liġi internazzjonali; jitlob lil Iżrael jiggarantixxi immedjatament il-konformità tiegħu mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura, li huwa parti għaliha; jiddenunzja d-detenzjoni u t-trattament ħażin tat-tfal u jesiġi l-ħelsien immedjat tat-tfal mitfugħa l-ħabs; jitlob bl-istess mod il-ħelsien immedjat tal-membri parlamentari Palestinjani li jinstabu l-ħabs;
41. Huwa wkoll imħasseb għall-aħħar dwar ir-restrizzjoni tal-libertajiet ċivili u politiċi f'Iżrael, u b'mod partikolari dwar id-diversi liġijiet dwar l-NGOs, li jimminaw il-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta' organizzazzjoni; jiġbed ukoll l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni msaħħa kontra l-minoranzi fil-pajjiż, b'mod partikolari l-minoranza "Għarbija";
42. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent mhijiex fl-aġenda tas-sessjonijiet tal-2017 tal-UNHCR; jitlob li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' għaqda; jitlob b'insistenza li jinħelsu l-priġunieri politiċi Sahrawi kollha; jitlob b'insistenza li r-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-membri parlamentari, l-osservaturi indipendenti, l-NGOs u l-istampa jingħataw aċċess għat-territorji tas-Saħara tal-Punent; iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti jagħtu lill-missjoni Minurso mandat rigward id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU għaż-żamma tal-paċi madwar id-dinja; jappoġġja soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi u f'konformità mar-riżoluzzjonijiet 34/37 u 35/19 tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw it-tqegħid fl-aġenda tas-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent fis-sessjonijiet li ġejjin tal-UNHRC;
Ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata: segwitu u applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni u tal-Programm ta' Azzjoni ta' Durban
43. Jikkunsidra bħala essenzjali l-attenzjoni mogħtija fl-2017 lit-tisħiħ tal-ugwaljanza u lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, tkunx ibbażata fuq ir-razza, l-appartenenza għal minoranza, is-sess, l-orjentazzjoni jew l-identità sesswali, jew inkella fuq id-diżabbiltà; jissottolinja li, f'dan il-qasam ukoll, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR;
44. Jilqa' l-importanza mogħtija lill-kwistjoni tar-razziżmu u tad-diskriminazzjoni fis-sessjonijiet tal-2017 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u, b'mod partikolari, is-sejħa dinjija għal azzjoni konkreta bil-għan tal-eliminazzjoni totali tar-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata magħhom, u l-implimentazzjoni sħiħa u s-segwitu għad-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Durban; jikkundanna mill-ġdid il-vjolenza razzista, antisemitika, omofobika, ksenofobika u kontra l-migranti, li laħqet livelli allarmanti f'ċerti Stati Membri; jinsab allarmat mill-mewġa dejjem tikber ta' diskors ta' mibegħda u stigmatizzazzjoni fir-rigward tal-minoranzi jew gruppi ta' nies u l-influwenza dejjem tikber ta' tali diskors f'uħud mill-midja u f'numru ta' movimenti u partiti politiċi fl-ogħla livell ta' responsabbiltà politika f'ċerti Stati Membri u li wasslu għal liġijiet restrittivi;
45. Iqis ukoll bħala fundamentali l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa; jissottolinja li l-aċċess universali għas-saħħa u għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva jrid jibqa' prijorità politika, inkluż l-aċċess liberu għall-edukazzjoni sesswali, għall-metodi ta' kontraċezzjoni u għad-dritt għall-abort; jissottolinja li l-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, iridu jkunu prijorità u jrid ikollhom l-objettiv tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob għalhekk lill-UNHCR u lill-komunità internazzjonali jimplimentaw il-proċessi ICPD+20, Beijing +20 u Rio +20; jissottolinja bl-istess mod l-importanza li l-Istati Membri tal-UE japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-UNHCR tal-2002 dwar il-protezzjoni internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-persekuzzjoni marbuta mal-ġeneru, b'mod partikolari fil-kuntest tal-politiki ta' immigrazzjoni;
*
* *
46. Jagħti l-mandat lid-delegazzjoni tiegħu għall-34, il-35 u s-36 sessjoni tal-UNHCR biex tleħħen it-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni; jitlobha tirrapporta dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa'tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet rilevanti tal-UNHCR;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.