Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0238/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0238/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

30.3.2017 - (2017/2629(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-xxxx
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Petra Kammerevert f'isem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni


Proċedura : 2017/2585(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0238/2017
Testi mressqa :
B8-0238/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0238/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

(2017/2629(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2016 intitolata "Korp Ewropew ta' Solidarjetà" (COM(2016)0942),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-Servizz Volontarju Ewropew u l-promozzjoni tal-volontarjat fl-Ewropa[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008, dwar ir-rwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali[3],

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[4],

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa[5] u l-abbozz tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera[6],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (O-000020/2017 – B8-xxxx/2017),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-pedamenti tal-Unjoni Ewropea huma bbażati fuq ideat, valuri u prinċipji fundamentali, li huma maqbula u sottoskritti mill-Istati Membri;

B.  billi l-prinċipju ta' solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha u huwa bbażat fuq il-qsim kemm tal-vantaġġi kif ukoll tal-piżijiet;

C.  billi l-prinċipju ta' solidarjetà kien xprun għall-iżvilupp tas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) li, matul l-20 sena ta' storja tiegħu, irrenda riżultati straordinarji li ma għandhomx jinġiebu fix-xejn;

D.  billi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jieħdu pożizzjoni qawwija biex jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni ċivika taċ-ċittadini u jirrikonoxxu li l-volontarjat jikkontribwixxi biex jissaħħu s-sens ta' solidarjetà, responsabilità soċjali, u l-valuri u l-esperjenzi kondiviżi ta' ċittadinanza komuni;

E.  billi l-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jrid ikun ibbażat fuq valuri komuni tal-UE, kif definiti fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-għan tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jkun li jibni sens ta' komunità, solidarjetà u responsabilità soċjali fl-Ewropa, filwaqt li jipprovdi esperjenza ta' volontarjat sinifikanti u kostruttiva;

F.  billi volontarjat ta' kwalità jista' joħloq rotot lejn l-impjiegi u jiftaħ opportunitajiet għall-inklużjoni soċjali;

G.  billi l-maġġoranza tal-inizjattivi tal-volontarjat isiru barra mill-programmi tal-UE u jeħtieġu li jkunu mirfuda minn ambjent ġuridiku u finanzjarju favorevoli;

H.  billi s-Servizz Volontarju Ewropew huwa l-qafas ta' referenza eżistenti għall-attivitajiet ta' volontarjat fl-UE, li tul l-20 sena tal-istorja tiegħu ta prova ta' effikaċja, għarfien u kisbiet fit-tagħlim; billi kwalunkwe programm ġdid ta' volontarjat madwar l-UE għandu jikkomplementa kif ukoll jibni fuq l-esperjenza tas-Servizz Volontarju Ewropew u programmi oħrajn ta' volontarjat tal-UE li kienu ta' suċċess, bħall-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE;

I.  billi l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jista' jkun opportunità għaż-żgħażagħ, li huma l-grupp primarju li fuqhom jimmira (speċjalment dawk minn komunitajiet marġinalizzati u minn sfondi soċjoekonomiċi foqra) biex jagħtu kontribut prezzjuż lis-soċjetà u sabiex iqawwi l-viżibilità tal-impenn tal-UE u jerġa' jqajjem id-dibattitu usa' dwar il-volontarjat fl-Ewropa u l-benefiċċji tiegħu għas-soċjetà;

J.  billi s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiżvolġu rwol importanti billi joffru esperjenzi ta' volontarjat lokali, nazzjonali u transfruntier ta' kwalità; billi, f'dan ir-rigward, huwa meħtieġ appoġġ kontinwu, akkumpanjat minn ambjent ġuridiku u finanzjarju favorevoli;

K.  billi aktar minn 20 000 persuna diġà rreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà minn mindu tnediet il-pjattaforma online tal-Kummissjoni f'Diċembru 2016;

L.  billi l-Kummissjoni hija mħeġġa toħloq qafas ġuridiku ċar u dettaljat għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin mill-Parlament Ewropew;

Is-solidarjetà Ewropea

1.  Jemmen li definizzjoni ċara ta' azzjoni ta' solidarjetà fil-livell tal-UE hija essenzjali; jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u tagħmilha possibbli li l-azzjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jitkejlu u jkunu effiċjenti, filwaqt li tqis l-impatt pożittiv importanti ta' azzjonijiet ta' solidarjetà kemm fuq il-parteċipanti individwali kif ukoll fuq il-komunità; jissottolinja li d-definizzjonijiet li jitqiesu neċessarji biex jiffaċilitaw dan għandhom jiġu żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati rilevanti li huma attivi fil-volontarjat, fis-servizz ċiviku u fl-azzjoni taż-żgħażagħ, f'konformità mal-valuri fundamentali tal-UE kif definiti fit-Trattati u fil-Karta;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu garantiti aċċess ugwali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; iħeġġeġ promozzjoni aktar b'saħħitha tal-possibilitajiet disponibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali u persuni li ġejjin minn sfondi żvantaġġati biex jipparteċipaw f'din l-inizjattiva;

3.  Jemmen bis-sħiħ li, filwaqt li l-aspett tat-tagħlim, li jinkludi dak li jsir permezz ta' esperjenza edukattiva mhux formali u informali, u l-impatt fuq il-voluntier individwali huma elementi importanti, l-għan ewlieni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għandu jkun li jħalli impatt pożittiv fuq il-komunità kollha bħala espressjoni ċara ta' solidarjetà u ta' responsabilità soċjali;

4.  Jemmen, barra minn hekk, li l-kollokamenti disponibbli permezz tal-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jgħinu biex jiżviluppaw il-ħiliet għall-ħajja tal-parteċipanti, ir-responsabilitajiet, is-sens ta' sjieda u ta' qsim tagħhom u jgħinu biex jingħelbu d-differenzi fil-lingwa, il-kultura, ir-reliġjon, it-twemmin jew iċ-ċirkostanzi ekonomiċi, kif ukoll l-ideat żbaljati u l-preġudizzji; jemmen li l-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tgħin ukoll biex tippromwovi esperjenza ta' ċittadinanza attiva u tgħin biex il-parteċipanti jakkwistaw analiżi kritika tar-realtà u tal-problemi tas-soċjetà li jiltaqgħu magħhom; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi meta timplimenta l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

5.  Jenfasizza li l-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja ma jistgħux ikunu dipendenti fuq iż-żgħażagħ permezz tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu investimenti kontinwi fil-protezzjoni ċivili strutturata u fl-għajnuna umanitarja;

Il-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

6.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-fażi inizjali tiegħu billi tinkorporah fi programmi eżistenti, u fi programmi edukattivi u kulturali partikolari bħall-Erasmus+ u Ewropa għaċ-Ċittadini, mingħajr ma tipprovdi biżżejjed ċarezza dwar ir-riżorsi finanzjarji u umani eżatti li għandhom jitwarrbu għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; ifakkar li, bħala koleġiżlatur dwar programmi tal-UE u awtorità baġitarja, il-Parlament ma jaqbilx li jiġu riallokati fondi minn programmi ta' prijorità, u spiss ma jkollux riżorsi suffiċjenti biex jiffinanzja azzjonijiet ewlenin u inizjattivi ġodda ta' politika;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni, fil-proposta leġiżlattiva futura tagħha dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tinkludi deskrizzjoni ċara tal-arranġamenti baġitarji li se jippermettu l-funzjonament effettiv tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà; jissottolinja li l-finanzjament tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma jridx ikollu impatt negattiv fuq programmi eżistenti, bħall-programmi Ewropa għaċ-Ċittadini u Erasmus+, u ma jfixkilx il-funzjonament ta' għodod eżistenti li rnexxew bħas-Servizz Volontarju Ewropew;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi mekkaniżmu effettiv ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tiegħu, il-kwalità tal-opportunitajiet tiegħu u s-sostenibilità tar-riżultati tiegħu;

Integrazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fi strateġija usa' dwar il-volontarjat

9.  Jissuġġerixxi li, sabiex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun ta' suċċess, il-Kummissjoni għandha tintegrah fi strateġija ta' politika usa' bl-għan li toħloq ambjent favorevoli għall-volontarjat fl-Ewropa, mingħajr ma tiddupplika inizjattivi eżistenti ta' suċċess, bħas-Servizz Volontarju Ewropew, iżda pjuttost isaħħaħhom;

10.  Jissottolinja li, fil-maġġoranza vasta tal-każijiet, il-volontarjat isir fil-livell lokali u jissodisfa l-ħtiġijiet lokali, u għaldaqstant il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għall-ewwel għandu jiffoka fuq volontarjat ibbażat lokalment, aktar milli fuq opportunitajiet transfruntiera, li jirrikjedu mobilità internazzjonali u jistgħu jeskludu persuni minn sfondi żvantaġġati;

11.  Jenfasizza li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma għandu jikkawża l-ebda piż amministrattiv addizzjonali għal individwi jew organizzazzjonijiet parteċipanti, u għandu jaħdem mill-qrib kemm jista' jkun ma' opportunitajiet tal-volontarjat eżistenti u stabbiliti sew li huma diġà pprovduti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex li tiżgura bilanċ bejn l-għadd għoli ta' reġistrazzjonijiet għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fuq il-pjattaforma online u l-għadd ta' karigi ta' volontarjat disponibbli, sabiex ma tinħoloqx frustrazzjoni fost iż-żgħażagħ li japplikaw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni tintegra l-volontarjat fil-programmi u fil-fondi Ewropej, bħall-Fondi Strutturali, il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni il-programm LIFE, u l-programmi u l-fondi għall-azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-introduzzjoni ta' punt fokali uniku għall-koordinazzjoni ta' politiki u programmi ta' volontarjat tal-UE;

14.  Jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jinkludu fil-kurrikulu tagħhom taħriġ fil-qafas tal-volontarjat b'enfasi fuq l-azzjoni ta' solidarjetà, sabiex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

Distinzjoni ċara bejn il-volontarjat u x-xogħol b'impjieg

15.  Jitlob li l-Kummissjoni, meta timplimenta l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, tagħmel distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ta' volontarjat u l-kollokamenti tax-xogħol sabiex tevita li l-volontarjat mhux imħallas jieħu post impjiegi potenzjali ta' kwalità; jenfasizza, għal dan il-għan, li l-opportunitajiet ta' volontarjat ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament li huwa speċifikament imfassal biex jiġġieled kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

16.  Jissottolinja li l-qasam tal-volontarjat għandu jkun mirfud minn fehim ċar tal-prinċipji ta' volontarjat ta' kwalità, bħal dawk deskritti fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera[7]; jenfasizza, barra minn hekk, li kwalunkwe volontarjat għandu dejjem ikun ta' appoġġ għal azzjonijiet ta' solidarjetà bla skop ta' qligħ sabiex jissodisfa ħtiġijiet identifikati tal-komunità;

17.  Jenfasizza li l-qasam okkupazzjonali għandu jiffoka fuq li jipprovdi impjiegi, traineeships u apprendistati ta' kwalità f'inizjattivi soċjali u dawk mingħajr skop ta' qligħ fis-settur tas-solidarjetà;

18.  Jissottolinja l-importanza li organizzazzjonijiet u korpi ospitanti miż-żewġ oqsma jingħataw appoġġ amministrattiv u finanzjarju xieraq , u li jiġi żgurat li jkollhom l-għarfien u l-ħiliet neċessarji sabiex ikunu kapaċi jospitaw lill-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

19.  Jitlob li l-organizzazzjonijiet ospitanti jissottoskrivu għal karta ta' kwalità li tinkludi objettivi, prinċipji u standards maqbula, bħal dawk deskritti fil-Karta Ewropea ta' Kwalità dwar l-Internships u l-Apprendistati[8]; iħeġġeġ il-komparabilità, ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul l-esperjenza b'tali mod li jikkontribwixxu għal kollokamenti sostenibbli għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li standards ċari se jgħinu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

20.  Jissottolinja l-ħtieġa li voluntiera żgħażagħ jingħataw kumpens finanzjarju adegwat, assigurazzjoni tas-saħħa, taħriġ u mentorship; jenfasizza li għandu jsir monitoraġġ tal-ammont ta' xogħol u tal-ambjent tax-xogħol tagħhom fid-dawl tal-kompiti speċifiċi li jridu jwettqu għall-kollokament ta' volontarjat tagħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

Koordinazzjoni bejn is-servizzi u konsultazzjoni mal-partijiet interessati

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina b'mod xieraq l-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u tintegraha fis-servizzi kollha tagħha u mal-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali l-oħra kollha, sabiex tiżgura implimentazzjoni koerenti u konsistenti; jissuġġerixxi li d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura jkun responsabbli għall-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

22.  Ifakkar lill-Kummissjoni, qabel ma tabbozza l-proposta leġiżlattiva, dwar il-bżonn li tiżgura l-kundizzjonijiet ġusti għal konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati ewlenin, bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-sħab soċjali Ewropej, l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq il-voluntiera u l-Istati Membri; jissottolinja li dawn il-partijiet interessati għandhom jiġu involuti regolarment fl-implimentazzjoni u, fejn xieraq, fil-monitoraġġ tal-inizjattiva;

°

°  °

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.