Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0242/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0242/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea

31.3.2017 - (2017/2593(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Syed Kamall f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2017/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0242/2017
Testi mressqa :
B8-0242/2017
Testi adottati :

B8-0242/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea

(2017/2593(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tar-Renju Unit tat-2 ta' Frar 2017 dwar "The United Kingdom’s exit from, and new partnership with, the European Union" (Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u sħubija ġdida magħha),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Prinċipji għan-negozjati

1.  Jemmen li l-objettiv ewlieni tan-negozjati jrid ikun il-ħolqien ta' sħubija profonda, fit-tul u speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet differenti tal-partijiet kollha;

2.  Jenfasizza li dawn in-negozjati qegħdin iseħħu fost ħbieb u alleati fit-tul li kisbu ħafna flimkien; jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ kostruttiv u pożittiv ħafna muri mill-Gvern Brittaniku fl-ittra tiegħu ta' notifika ta' ħruġ mill-Unjoni Ewropea datata 29 ta' Marzu 2017; jilqa' r-reazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew; jittama li dan it-ton ikun jista' jinżamm minn dawk kollha kkonċernati matul il-proċess ta' negozjar u li l-ftehim ta' ħruġ ikun jista' għaldaqstant jiġi nnegozjat b'mod kalm, kostruttiv u pożittiv fl-interessi tal-partijiet kollha;

3.  Jiddeċiedi li jfittex li jaqdi rwol ta' appoġġ fil-proċess, billi jevita punti li mhumiex negozjabbli u talbiet eċċessivi sabiex ma jimminax l-unità tal-UE-27 jew il-mandat tal-Kummissjoni bħala n-negozjatur;

4.  Jinnota li l-Artikolu 50 jirrikjedi li l-ftehim ta' ħruġ ma' Stat Membru jieħu kont "tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea" u li għaldaqstant huwa meħtieġ li dan il-qafas għal sħubija ġdida jiġi definit fi stadju bikri tal-proċess ta' negozjar; jitlob li n-negozjati dwar it-termini ta' ħruġ u l-qafas għal sħubija futura jsiru fl-istess ħin;

Kwistjonijiet għan-negozjati

5.  Jilqa' l-kummenti magħmula mill-gvernijiet tar-Renju Unit u ta' Stati Membri oħra li trid tingħata prijorità għolja biex jintlaħaq ftehim dwar l-istatus taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea; jappoġġja bis-sħiħ ftehim reċiproku ġust u ugwali u jitlob li dan jiġi konkluż fi stadju bikri fin-negozjati;

6.  Jemmen li n-negozjati jenħtieġ li jibdew jaħdmu immedjatament fuq il-bini ta' relazzjoni ekonomika profonda fit-tul li b'mod prammatiku se tippromwovi l-prosperità tat-28 pajjiż kollha; jitlob li jkun hemm ftehim ta' kummerċ ħieles u ta' investiment kuraġġuż u ambizzjuż b'arranġamenti fir-rigward ta' aċċess għas-suq profond u reċiproku fi prodotti u servizzi u li jqis il-volum tal-kummerċ u l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ta' investiment li l-Unjoni Ewropea għandha ma' pajjiżi terzi; jitlob li jittieħed approċċ innovattiv biex jassigura livell minimu ta' frizzjoni doganali fir-relazzjoni kummerċjali futura; jissottolinja l-fatt li, għall-kuntrarju ta' pajjiżi oħra li l-Unjoni Ewropea nnegozjat magħhom, ir-Renju Unit jibda minn pożizzjoni ta' ekwivalenza statutorja bi standards regolatorji korrispondenti;

7.  Jemmen li se jkun hemm oqsma fejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit se jaqblu li huma għandhom interess reċiproku li jkomplu kooperazzjoni mill-qrib li tista', pereżempju, tinkludi attivitajiet speċifiċi fl-oqsma tal-edukazzjoni u tar-riċerka;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni futura ta' sigurtà kooperattiva bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fi żmien ta' theddid terroristiku u ibridu dejjiemi li żdied;

9.  Jinnota l-kontribuzzjoni magħmula mill-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, b'mod partikolari permezz tal-Programmi PEACE u t-Task Force għall-Irlanda ta' Fuq; jenfasizza l-importanza li l-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq tinżamm kemm jista' jkun mingħajr xkiel; jenfasizza li Żona Komuni għall-Ivjaġġar (Common Travel Area), li ppermettiet li l-kontrolli interni jinżammu b'mod minimu ilha fis-seħħ bejn l-Irlanda u r-Renju Unit mill-1952 'l hawn; jinnota li l-Ftehim ta' Belfast stabbilixxa l-"prinċipju tal-kunsens", li permezz tiegħu l-Irlanda ta' Fuq tibqa' parti integrali tar-Renju Unit sakemm maġġoranza taċ-ċittadini tagħha jibqgħu jixtiequha tibqa' hekk;

10.  Jinnota li l-ftehim ta' ħruġ jenħtieġ li jqis ukoll il-ħtiġijiet tal-poplu ta' Ġibiltà fil-kuntest ta' status fit-tul 'il barra minn dak it-territorju;

11.  Jemmen li jeħtieġ li jiġi żgurat saldu finanzjarju ġust abbażi ta' kriterji oġġettivi li jivvalutaw kemm obbligazzjonijiet kif ukoll assi;

12.  Jilqa' l-ħidma tal-kumitati tal-Parlament Ewropew sabiex jelenkaw il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati; jiddispjaċih li din il-ħidma mhijiex qed tiġi ppreżentata b'mod formali lill-Kummissjoni, iżda jitlob li dawn il-kontribuzzjonijiet madankollu jiġu kkunsidrati fin-negozjati; jitlob li l-Parlament jiġi infurmat regolarment u kif xieraq matul il-proċess ta' negozjar, biex ikunu jistgħu jitqiesu l-fehmiet tal-gruppi politiċi kollha u biex kwalunkwe kontribut mill-Parlament fil-proċess ta' negozjar jitħejja b'bona fide u bi trasparenza sħiħa;

13.  Jitlob li jkun hemm sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim li tirrispetta l-arranġamenti legali u kostituzzjonali taż-żewġ naħat;

L-urġenza ta' riforma tal-Unjoni Ewropea

14.  Jenfasizza li t-tluq imminenti ta' Stat Membru jenħtieġ li jistimula riflessjoni profonda dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea nnifisha; jemmen li l-Unjoni Ewropea kisbet ħafna mill-valur konsiderevoli tagħha matul l-ewwel erbgħin sena tal-istorja tagħha u sussegwentement kienet kapaċi tilqa' membri ġodda mill-Ewropa ċentrali u tal-lvant, waħda mill-akbar kisbiet tagħha; jiddispjaċih li l-Unjoni Ewropea xorta waħda ddgħajfet matul l-aħħar għoxrin sena minħabba nuqqasijiet politiċi kritiċi bħal:

–  l-iżbalji li saru fl-istabbiliment u l-governanza tal-euro,

–  l-ineffettività tagħha fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni,

–  l-istaġnar tal-ekonomija Ewropea li ma kenitx kapaċi toħloq biżżejjed impjiegi ġodda, biex tiġġenera aktar tkabbir ekonomiku u biex tindirizza l-kriżi tal-kompetittività tal-Ewropa,

–  iċ-ċentralizzazzjoni żejda tal-poter f'idejn l-istituzzjonijiet tagħha li ħalliet liċ-ċittadini tal-Istati Membri tagħha jħossuhom imbegħda u mingħajr setgħa;

15.  Jinnota li l-popli Ewropej jixtiequ lill-Istati Membri tagħhom jikkooperaw liberament bħala stati membri sovrani f'istituzzjonijiet kondiviżi li jiffukaw fuq għadd limitat ta' kompiti speċifiċi li ġew delegati lilhom; jemmen li referenda u elezzjonijiet madwar l-Ewropa matul dawn l-aħħar snin urew li l-popli tal-Ewropa jirrifjutaw il-mudell ċentralizzat iżżejjed ta' stat federali Ewropew ibbażat fuq il-prinċipju ta' "unjoni dejjem eqreb" bla tmiem;

16.  Jappella għal riforma tal-Unjoni Ewropea bħala komunità ta' nazzjonijiet li jikkooperaw f'istituzzjonijiet konfederali kondiviżi abbażi tal-prinċipji li ġejjin:

–  l-Unjoni Ewropea trid tirrispetta l-Istati Membri tagħha,

–  l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiffoka fuq oqsma fejn din tista' żżid il-valur,

–  l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tkun aktar flessibbli,

–  l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tkun aktar demokratikament responsabbli,

–  l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tagħti valur għall-flus,

–  l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tħares aktar 'il barra,

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.