Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0244/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0244/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US

3.4.2017 - (2016/3018(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Axel Voss, Anna Maria Corazza Bildt, Barbara Kudrycka f'isem il-Grupp PPE
Helga Stevens f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2016/3018(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0244/2017
Testi mressqa :
B8-0244/2017
Testi adottati :

B8-0244/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US

(2016/3018(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data ("id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data")[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[2], kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[3],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner[4],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2015 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-362/14 (Schrems) (COM(2015)0566),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta' Lulju 2016 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S.[5],

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 4/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US[6],

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US[7] u d-Dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Lulju 2016[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data transatlantiċi[9],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2015 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) invalidat id-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza UE-US rigward l-iskambju ta' data personali għar-raġuni li ma kinitx tagħti biżżejjed protezzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini tal-UE; billi sussegwentement, fl-2016, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim ġdid, jiġifieri t-Tarka tal-Privatezza UE-US;

B.  billi l-Parlament ma kienx involut b'mod dirett fin-negozjati, iżda f'Mejju 2016 adotta riżoluzzjoni dwar il-flussi ta' data transatlantiċi li fiha laqa' t-"titjib sostanzjali" fit-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-deċiżjoni dwar l-Isfera tas-Sikurezza, iżda talab ukoll titjib ulterjuri;

C.  billi l-Kummissjoni dalwaqt twettaq l-ewwel evalwazzjoni annwali tat-Tarka tal-Privatezza u se tippubblika r-riżultati tagħha;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US, wara aktar minn sentejn ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US fit-12 ta' Lulju 2016;

2.  Jirrikonoxxi li l-kumpaniji jistgħu jinkitbu fit-Tarka tal-Privatezza UE-US mad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, li mbagħad jivverifika li l-politiki ta' privatezza tagħhom ikunu konformi mal-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-data meħtieġa mit-Tarka tal-Privatezza;

3.  Jinnota li s'issa l-kumpaniji li ssieħbu fit-Tarka tal-Privatezza UE-US jammontaw għal 1 937;

4.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Judicial Redress Act min-naħa tal-Kungress tal-Istati Uniti, u jfakkar li l-Parlament ilu żmien twil jitlob liġi bħal din bħala kundizzjoni essenzjali għall-finalizzazzjoni tal-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-konklużjoni tan-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza;

5.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija differenti ħafna mill-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza, u tipprevedi dokumentazzjoni ferm aktar dettaljata li timponi obbligi aktar speċifiċi fuq il-kumpaniji li jixtiequ jissieħbu fil-qafas, inkluża sistema ta' kontrokontrolli li tiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data tal-UE jkunu jistgħu jiġu eżerċitati meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 irrikonoxxa t-titjib sinifikanti li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza;

7.  Jieħu nota tat-tħassib imqajjem mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-approċċ kostruttiv tiegħu, u jenfasizza wkoll li l-prinċipju ta' limitazzjoni għaż-żamma tad-data, kif imsemmi fl-Opinjoni, għandu l-ewwel jiġi ċċarat fl-Unjoni Ewropea, peress li s-sitwazzjoni u l-istandards fl-UE għadhom inċerti wara d-deċiżjoni tal-2014 tal-QtĠ-UE;

8.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 li tgħid li l-garanziji essenzjali identifikati minn dan il-Grupp ta' Ħidma għandhom ikunu validi għall-Istati Membri tal-UE wkoll;

9.  Jiddispjaċih li l-proċedura ta' adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma tipprevedix konsultazzjoni formali mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħalma huma l-kumpaniji u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs;

10.  Jinnota li filwaqt li l-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza ma kienx jirreferi għal xi restrizzjonijiet speċifiċi fuq l-aċċess min-naħa tal-Gvern Amerikan għad-data ttrasferita lejn l-Istati Uniti, id-dokumentazzjoni tal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza UE-US issa tinkludi impenji vinkolanti min-naħa tal-Gvern Amerikan fl-għamla ta' ittri mingħand id-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, is-Segretarju tal-Istat u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti;

11.  Jenfasizza li mill-2013 'il hawn il-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għaddew aktar minn għoxrin riforma ta' liġijiet u programmi ta' sorveljanza, inklużi, fost l-oħrajn, il-USA Freedom Act, li jipprojbixxi l-ġbir massiv ta' data, id-Direttiva dwar il-Politika Presidenzjali 28, li tagħmel il-protezzjoni tad-drittijiet tal-privatezza u l-libertajiet ċivili tal-persuni barra mill-Istati Uniti parti integrali mill-politika ta' sorveljanza tal-Istati Uniti, l-emendi għall-Foreign Intelligence Act, u l-Judicial Redress Act, li jestendi l-miżuri tal-protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini tal-UE; iqis li dawn ir-riformi huma kruċjali fl-evalwazzjoni tal-effett tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

12.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti, bħall-Email Privacy Bill li ġie approvat unanimament mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'April 2016 u li jemenda l-Electronic Communications Privacy Act (ECPA) tal-1986, kif ukoll l-adozzjoni tal-FOIA (Freedom of Information Improvement Act) mill-Kamra f'Jannar 2016 u s-Senat f'Marzu 2016, u jappoġġja bis-sħiħ l-iffirmar tal-abbozz f'liġi, li juri sforzi politiċi sostanzjali min-naħa tal-Istati Uniti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-privatezza għal kull individwu;

13.  Jilqa' l-ħolqien tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman fi ħdan id-Dipartiment tal-Istat, li huwa indipendenti mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u se jikkontribwixxi biex jiġu żgurati r-rimedju individwali u s-sorveljanza indipendenti; jappella biex in-nomina tal-ewwel Ombudsman ma ddumx ma ssir;

14.  Jinnota li, għalkemm il-liġi tal-Istati Uniti toffri protezzjonijiet speċifiċi kontra deċiżjonijiet negattivi f'oqsma fejn il-kumpaniji x'aktarx jirrikorru l-aktar għall-ipproċessar awtomatizzat (eż. l-impjieg, l-għoti ta' self), fit-Tarka tal-Privatezza UE-US mhija prevista l-ebda regola speċifika dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni, inkluż permezz ta' verifiki annwali konġunti;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li skont il-Qafas tat-Tarka tal-Privatezza UE-US, is-suġġetti tad-data tal-UE għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom diversi modi kif ifittxu rimedji legali fl-Istati Uniti: l-ewwel nett, l-ilmenti jistgħu jsiru direttament mal-kumpanija jew inkella permezz tad-Dipartiment tal-Kummerċ wara riferiment minn Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (DPA) jew ma' korp indipendenti għas-soluzzjoni tat-tilwim; it-tieni nett, fir-rigward ta' interferenzi mad-drittijiet fundamentali għal finijiet ta' sigurtà nazzjonali, tista' titressaq kawża ċivili quddiem qorti tal-Istati Uniti u ilmenti simili jistgħu jiġu indirizzati wkoll permezz tal-Ombudsman indipendenti li għadu kif inħoloq; fl-aħħar nett, l-ilmenti dwar interferenzi mad-drittijiet fundamentali għal finijiet ta' infurzar tal-liġi u interess pubbliku jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' mozzjonijiet li jikkontestaw it-taħrikiet; jinkoraġġixxi aktar gwida min-naħa tal-Kummissjoni u d-DPAs biex dawn ir-rimedji legali jsiru aktar aċċessibbli u disponibbli faċilment;

16.  Jinnota li, filwaqt li l-individwi għandhom il-possibbiltà li jagħmlu oġġezzjoni fil-konfront tal-kontrollur tal-UE għal kwalunkwe trasferiment tad-data personali tagħhom lejn l-Istati Uniti, u għall-ipproċessar ulterjuri ta' dik id-data fl-Istati Uniti fejn il-kumpanija tat-Tarka tal-Privatezza UE-US taġixxi bħala proċessur f'isem il-kontrollur tal-UE, it-Tarka tal-Privatezza UE-US m'għandhiex regoli speċifiċi dwar dritt ġenerali li ssir oġġezzjoni fil-konfront tal-kumpanija awtoċertifikata Amerikana;

17.  Jinnota n-nuqqas ta' prinċipji espliċiti dwar kif il-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza UE-US japplikaw għall-proċessuri (aġenti), filwaqt li jirrikonoxxi li l-prinċipji kollha japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali minn kwalunkwe kumpanija awtoċertifikata Amerikana – sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor – u li t-trasferiment għall-iskopijiet tal-ipproċessar jirrikjedi dejjem kuntratt mal-kontrollur tal-UE li jiddetermina l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, inkluż jekk il-proċessur huwiex awtorizzat iwettaq trasferimenti ulterjuri (eż. għas-sottoproċessar);

18.  Jinnota li l-Kummissjoni ppubblikat gwida għaċ-ċittadini li fiha tispjega kif id-drittijiet tal-individwi għall-protezzjoni tad-data huma ggarantiti fit-Tarka tal-Privatezza UE-US u x'inhuma r-rimedji disponibbli għall-individwi jekk iħossu li d-data tagħhom tkun intużat b'mod ħażin u li d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tagħhom ma jkunux ġew rispettati; jirrakkomanda li din il-gwida tingħata promozzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu konxji mill-vantaġġi tat-Tarka tal-Privatezza;

19.  Jilqa' r-rwol prominenti mogħti mill-qafas tat-Tarka tal-Privatezza lid-DPAs tal-Istati Membri biex jistudjaw u jinvestigaw ilmenti marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet għall-privatezza u l-ħajja tal-familja skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jissospendu t-trasferimenti tad-data, kif ukoll l-obbligu impost fuq id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti biex isolvi dawn l-ilmenti;

20.  Ifakkar li wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE f'din il-kwistjoni għandu jkun il-protezzjoni tad-data personali waqt li din tiġi ttrasferita lejn is-sieħeb kummerċjali internazzjonali ewlieni tagħha, u li t-Tarka tal-Privatezza se tgħin biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data tal-UE jakkumpanjaw it-trasferiment tad-data;

21.  Jilqa' l-fatt li l-kumpaniji m'għadhomx qed jitħallew f'limbu ġuridiku, peress li l-qafas tat-Tarka tal-Privatezza UE-US jipprovdi bażi ġuridika għat-trasferiment tad-data;

22.  Ifakkar ukoll li ċ-ċertezza legali, partikolarment regoli ċari u uniformi, jikkostitwixxu element ewlieni fl-iżvilupp u t-tkabbir tal-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs, u għalhekk iwissi kontra kwalunkwe tentattiv li jipperikola l-qafas adottat tat-Tarka tal-Privatezza UE-US u li jwassal biex eluf ta' kumpaniji ta' kull tip u daqs – kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fl-Istati Uniti – jiffaċċjaw inċertezza u jsofru impatt serju fuq l-operazzjonijiet tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu negozju minn naħa għal oħra tal-Atlantiku;

23.  Jinsisti li l-SMEs jammontaw għal 60 % tal-kumpaniji li kienu qed jistrieħu fuq il-ftehim tal-Isfera ta' Sikurezza u li l-SMEs għandhom x'jibbenefikaw l-aktar mit-Tarka tal-Privatezza UE-US il-ġdida, u jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-DPAs, tipprovdi aktar ċarezza, preċiżjoni u aċċessibbiltà fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza għal dawn il-kumpaniji;

24.  Iqis li t-Tarka tal-Privatezza hija kruċjali biex jitnaqqas id-distakk bejn l-approċċi Ewropej u Amerikani għall-privatezza u għalhekk hija essenzjali biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja fil-livell transatlantiku; jesprimi l-fiduċja tiegħu li t-Tarka tal-Privatezza UE-US se tkun soġġetta għal skrutinju strett min-naħa tar-regolaturi u tal-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmu ta' rieżami konġunt annwali hekk kif issir qafas stabbilit għall-konformità, sabiex tiġi żgurata r-robustezza u l-validità legali tagħha;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fil-qafas tat-Tarka tal-Privatezza biex twettaq rieżami perjodiku tal-konstatazzjoni tal-adegwatezza u tal-ġustifikazzjonijiet legali tagħha, bil-għan li jkun żgurat li d-data personali tkun protetta b'mod adegwat u li t-Tarka tal-Privatezza tkun qed tiffunzjona b'mod effiċjenti u mingħajr xkiel bla bżonn għad-drittijiet fundamentali l-oħra, bħad-dritt għall-privatezza u s-sigurtà, id-dritt li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni u d-dritt li wieħed imexxi negozju, u tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar ir-riżultati preċiżi u r-rimedji li tkun ħadet;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mekkaniżmu ta' rieżami konġunt annwali jiffoka fuq l-għadd ta' lmenti mressqa miċ-ċittadini, l-effikaċja u l-aċċessibbiltà tal-mekkaniżmi ta' rimedju – inkluż l-Ombudsman – għas-suġġetti tad-data tal-UE, il-progress fir-riformi tal-Istati Uniti fir-rigward tal-liġi tas-sorveljanza, il-kooperazzjoni bejn id-DPAs tal-UE u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (DoC) / il-Kummissjoni tal-Kummerċ Federali tal-Istati Uniti (FTC), ir-rwol ta' monitoraġġ/infurzar tad-DoC/FTC f'dak li għandu x'jaqsam mal-konformità tal-kumpaniji Amerikani mat-Tarka tal-Privatezza/il-politiki ta' privatezza tagħhom, u l-għadd ta' kumpaniji li jkunu ssieħbu;

27.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija parti minn djalogu usa' bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-Istati Uniti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-privatezza tad-data, il-kummerċ, is-sigurtà, kif ukoll drittijiet u objettivi relatati ta' interess komuni; jistieden lill-partijiet kollha, għaldaqstant, jaħdmu flimkien lejn il-ħolqien u t-titjib kontinwu ta' oqfsa internazzjonali u liġijiet domestiċi prattiċi li jilħqu dawn l-objettivi;

28.  Jiddeplora l-kalendarju previst għal dan id-dibattitu u jqis li l-preżentazzjoni tal-ewwel rieżami konġunt annwali jkun mument aktar propizju biex jinġibdu l-ewwel konklużjonijiet dwar il-funzjonament tal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza UE-US;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti.