Proċedura : 2017/2651(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0275/2017

Testi mressqa :

B8-0275/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/04/2017 - 5.69
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0200

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0270/2017
24.4.2017
PE603.725v01-00
 
B8-0275/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela (2017/2651(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela (2017/2651(RSP))  
B8-0275/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela u s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, partikolarment dawk tat-8 ta' Ġunju 2016(1), tat-12 ta' Marzu 2015(2) u tat-18 ta' Diċembru 2014(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema tal-Venezwela għaddiet leġiżlazzjoni li tatha d-dritt li teżerċita setgħat leġiżlattivi li kienu limitati għall-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll li tirrestrinġi l-immunità parlamentari ta' membri parlamentari, b'hekk tillimita l-kapaċitajiet tal-Assemblea Nazzjonali eletta b'mod demokratiku, li hi dominata mill-oppożizzjoni u li kkundannat l-azzjoni tal-Qorti Suprema bħala tentattiv mill-President attwali, Nicolás Maduro, biex jikkonsolida l-poter b'mezzi mhux demokratiċi;

B.  billi azzjoni ta' dan it-tip għandha preċedenti inkwetanti fl-istorja tal-Venezwela, partikolarment fit-tixjin tal-azzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali permezz tas-Sentenza 808, invokata mill-Qorti Suprema fl-1 ta' Awwissu u fil-5 ta' Settembru 2016 u li fiha ddikkjarat l-Assemblea Nazzjonali f'sitwazzjoni ta' disprezz;

C.  billi n-normi demokratiċi u kostituzzjonali tal-Venezwela qed jiġu mhedda minn dawn l-azzjonijiet, partikolarment il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat kif imniżżel fil-kostituzzjoni tal-Venezwela kif ukoll l-obbligi tal-imħallfin li jżommu l-integrità ta' dik il-kostituzzjoni;

D.  billi dawn in-normi huma meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u biex jiġu rispettati l-prinċipji bażiċi tal-governanza demokratika u tal-istat tad-dritt;

E.  billi l-pressjoni internazzjonali diġà ġiegħlet lill-President Maduro jitlob lill-Qorti Suprema tirrevedi s-sentenzi li xejnu l-Assemblea Nazzjonali, b'effett li fl-1 ta' April 2017 l-awtorità tal-Assemblea kien jidher li reġgħet ġiet stabbilita mis-sentenzi l-ġodda maħruġa mill-Qorti Suprema;

F.  billi l-Assemblea Nazzjonali tikkonsisti f'167 siġġu, li minnhom 112-il siġġu jinsabu f'idejn il-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, b'hekk iffurmat maġġoranza sinifikanti; billi l-Qorti Suprema impediet erba' membri tal-Assemblea Nazzjonali, (tlieta minnhom jiffurmaw parti mill-oppożizzjoni) milli jieħdu l-kariga, u b'hekk ċaħħdet lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;

G.  billi l-għadd ta' priġunieri politiċi fil-Venezwela tela' għal mill-inqas 111 f'dawn l-aħħar jiem, wara mewġa ta' arresti arbitrarji b'reazzjoni għall-protesti kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni bħal Leopoldo López, Antonio Ledezma u Daniel Ceballos huma fost dawn il-priġunieri;

H.  billi l-Gvern tal-Venezwela ssospenda l-elezzjonijiet lokali u reġjonali skedati għal Diċembru 2016, u ma ħalliex li jsir referendum li jirrevoka l-President Maduro, minkejja li dan hu kostituzzjonalment permessibbli; billi din is-sospensjoni ma jidhirx li se titneħħa u l-gvern hedded li jtawwalha b'mod indefinit;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur tal-kostituzzjoni tal-Venezwela mill-gvern tal-pajjiż, u jikkundanna l-użu tal-Qorti Suprema mill-President biex jattakka l-Assemblea Nazzjonali;

2.  Iqis is-sentenza tal-Qorti Suprema u tixjin tal-Assemblea Nazzjonali bħala atti politikament motivati biex irażżnu l-oppożizzjoni u jtawlu indefinittivament il-mandat tal-President Maduro; jemmen li din is-sentenza tikkostitwixxi attakk sfrenat fuq il-prinċipji tad-demokrazija, il-libertà ta' espressjoni u l-governanza tajba;

3.  Iqis, bl-istess mod, it-teħid tas-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali mill-Qorti Suprema bħala azzjoni fundamentalment mhux demokratika li hi ksur dirett tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

4.  Jitlob ir-restituzzjoni sħiħa u immedjata tas-setgħat kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali, u biex il-Gvern Venezwelan jirrikonoxxi li s-separazzjoni tas-setgħat u n-nuqqas ta' interferenza bejn l-awtoritajiet leġittimi huma fundamentali għad-demokrazija;

5.  Jitlob li jinħelsu immedjatament il-priġunieri politiċi kollha fil-Venezwela u jtenni li l-ħelsien ta' priġunieri politiċi ikun preċedentement approvat mill-Assemblea Nazzjonali permezz tal-Liġi ta' Rikonċiljazzjoni Nazzjonali (sottoposta għal veto mill-eżekuttiv); jenfasizza l-fatt li soluzzjoni paċifika għas-sitwazzjoni fil-Venezwela mhux probabli li tinstab fuq terminu twil jekk il-priġunieri politiċi jibqgħu fattur fis-sistema ta' governanza tal-Venezwela;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-kostituzzjoni tiegħu stess, partikolarment id-dritt kostituzzjonali għal libertà ta' għaqda paċifika, kif ukoll is-sigurtà u l-libertà taċ-ċittadini kollha, partikolarment dawk li jinsabu f'riskju akbar ta' intimidazzjoni, attakk u detenzjoni arbitrarja, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni u attivisti tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u membri ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Venezwela sabiex ma jkomplix jikkonsolida l-poter b'mod mhux demokratiku, kif qed jagħmel ir-reġim tal-President Maduro, u wkoll biex ineħħi s-sospensjoni tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali, b'hekk jippermetti li jseħħu proċessi elettorali ħielsa, ġusti u trasparenti;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Venezwela jippermettu għajnuna umanitarja esterna fil-pajjiż, fid-dawl ta' kriżijiet ekonomiċi severi u dawk marbuta mas-saħħa li qed jolqtu lill-Venezwela;

9.  Jitlob lill-Kunsill iqis l-għażla ta' sanzjonijiet u miżuri oħra mmirati kontra uffiċjali tal-gvern u persuni meqjusa responsabbli għal ksur tad-drittijiet tad-dimostranti, tal-oppożizzjoni politika jew ta' individwi involuti fid-difiża tad-drittijiet;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0269.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0080.

(3)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

Avviż legali - Politika tal-privatezza