imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-perċentwal ta' nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji
Dominique Martin
Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-perċentwal ta' nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji
B8-0288/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża, l-hekk imsejħa "direttiva dwar in-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji";
B. billi din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jadottaw liġijiet li jintroduċu kwoti obbligatorji, jiġifieri li mill-inqas 40 % tal-membri tal-bordijiet tal-kumpaniji privati u pubbliċi jkunu nisa;
C. billi l-involviment fil-bordijiet tal-kumpaniji għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza professjonali u l-kwalitajiet tal-kandidati, u mhux fuq il-ġeneru tagħhom;
D. billi l-Parlament Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni filwaqt li xi Stati Membri opponewha, hekk li l-ħidma leġiżlattiva dwar id-direttiva m'għamlitx progress fil-livell tal-Kunsill;
1. Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-fehma tal-Istati Membri u ma tkomplix il-ħidma leġiżlattiva dwar din id-direttiva;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tħalli lill-Istati Membri, li huma f'qagħda aħjar biex jiddeċiedu rigward il-politiki tagħhom dwar l-impjiegi, jistabbilixxu r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-kumpaniji.