Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0290/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0290/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea

4.5.2017 - (2017/2545(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Karima Delli f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu


Proċedura : 2017/2545(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0290/2017
Testi mressqa :
B8-0290/2017
Testi adottati :

B8-0290/2017

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea

(2017/2545(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi[1],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar dwar takografi fit-trasport bit-triq[7],

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar il-loġistika fl-UE u t-trasport multimodali fil-kurituri l-ġodda tat-TEN-T[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar tat-trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi[10],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni (COM(2014)0222),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq[11],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-trasport u s-CO2" (COM(1998)0204),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi u l-impenn tiegħu li jżomm iż-żieda fit-temperatura globali f'dan is-seklu għal ħafna anqas minn 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew sforzi li jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 gradi Celsius aktar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat – in-navigazzjoni lejn vetturi konnessi u awtomatizzati fit-toroq Ewropej,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: pass importanti lejn mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata" (COM(2016)0766),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq, b'urġenza, proposti leġiżlattivi dwar is-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn 'il quddiem "inizjattivi fis-settur tat-toroq"), bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur;

B.  billi l-ekonomija tat-trasport bit-triq fl-UE tammonta għal 5 miljun impjieg dirett u tikkontribwixxi għal kważi 2 % tal-PDG tal-UE, bi 344 000 kumpanija tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u aktar minn 560 000 kumpanija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq[12];

C.  billi, fl-2013, l-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fl-UE ammontaw għal 5 323 biljun kilometru ta' passiġġier, li minnhom il-karozzi tal-passiġġieri ammontaw għal 72,3 % u x-xarabankijiet u l-kowċis għal 8,1 % tat-total għall-attivitajiet ta' trasport tal-passiġġieri fl-UE-28[13];

D.  billi s-sikurezza fit-toroq tibqa' kwistjoni attwali għall-UE, b'135 000 vittma midruba serjament u 26 100 mewt fl-2015;

E.  billi t-trasport bit-triq huwa l-mutur tal-ekonomija tal-UE u jenħtieġ li jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' aktar tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjieg, u jippromwovi l-kompetittività u l-koeżjoni territorjali, u billi hu meħtieġ, fl-istess ħin, li s-settur isir aktar sostenibbli u jirrispetta kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u d-drittijiet soċjali;

F.  billi t-trasport bit-triq huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fl-operazzjonijiet tal-manifattura kif ukoll tat-trasport, u billi huwa kruċjali li t-trasport bit-triq Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli u ekoloġiku, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell globali f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-ħolqien ta' atturi ġodda setgħana u mudelli ġodda ta' negozju;

G.  billi t-trasport bit-triq qed ikompli t-tneħħija gradwali tal-karburanti fossili, minħabba l-ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità ta' dan is-settur, b'mod partikolari permezz ta' karburanti alternattivi, sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi u d-diġitalizzazzjoni, b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tiegħu;

H.  billi t-trasport jaqdi rwol sinifikanti fit-tibdil tal-klima, li ammonta għal madwar 23,2 % tal-emissjonijiet totali tal-UE tal-gassijiet b'effett serra (GHG), u billi t-trasport bit-triq ammonta għal 72,8 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-UE mit-trasport fl-2014;

I.  billi l-konġestjoni fit-toroq hija stmata li tiswa lill-ekonomija tal-UE l-ekwivalenti ta' 1 % tal-PDG f'telf ta' ħin, konsum tal-karburant addizzjonali u tniġġis;

J.  billi t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq qed jiffaċċja għadd dejjem akbar ta' ostakoli regolatorji stabbiliti mill-Istati Membri;

K.  billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi ta' trasport u servizzi ta' trasport differenti huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u tal-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

L.  billi hemm nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kabotaġġ mill-Istati Membri;

M.  billi hemm differenzi kbar madwar l-UE fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u s-sikurezza fit-toroq;

It-titjib tal-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur tat-toroq

1.  Iqis li jenħtieġ li l-inizjattivi fis-settur tat-toroq jagħtu spinta tant meħtieġa għal ekonomija aktar sostenibbli, sikura, innovattiva u kompetittiva fis-settur tat-toroq Ewropew, jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tat-toroq Ewropej biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport bit-triq u l-loġistika, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fis-suq globali kif ukoll it-tlestija u t-titjib fit-tħaddim tas-suq intern għat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u l-merkanzija, u jfasslu strateġija fit-tul għas-settur tat-toroq tal-Ewropa;

2.  Iqis ukoll li jenħtieġ li l-inizjattivi tat-toroq irawmu l-iżvilupp teknoloġiku tal-vetturi, jippromwovu karburanti alternattivi, iżidu l-interoperabilità tas-sistemi u l-modi tat-trasport u jiżguraw l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-SMEs;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport meta tkun qed tfassal inizjattivi fis-settur tat-toroq; jissottolinja li t-trasport bit-triq irid jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' approċċ olistiku u fit-tul skont il-politika tat-trasport intermodali u sostenibbli tal-UE;

4.   Jenfasizza li s-settur tat-toroq huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u li l-istat tal-ekonomija huwa strettament marbut mal-kompetittività fis-settur tat-toroq tal-UE; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi maħsuba biex jappoġġjaw u jiżviluppaw b'mod sostenibbli s-settur tat-toroq b'kompetizzjoni ġusta, speċjalment għall-SMEs, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi futuri diġitali, teknoloġiċi u ambjentali f'dan is-settur, filwaqt li jitħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

5.  Jistieden lis-settur tat-toroq Ewropew iħaddan l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet kemm "minn vettura għal vettura" kif ukoll "minn vettura għall-infrastruttura" biex jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza tat-toroq u biex jitħejja l-ġejjieni tal-mobilità tat-toroq; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat it-trasferiment tat-teknoloġija għall-vetturi, li jiżdied l-appoġġ loġistiku tagħhom u li jitfasslu definizzjonijiet u regoli xierqa dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas regolatorju xieraq għas-sewqan konness u awtomatizzat kif ukoll għall-mudelli ġodda ta' negozju kollaborattiv;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-armonizzazzjoni fit-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, u b'mod partikolari għal sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-UE, peress li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni attwali jimponi spejjeż addizzjonali fuq it-trasport; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-użu ta' teknoloġiji diġitali (mingħajr karti u b'dokumenti standardizzati, takografu intelliġenti, noti ta' konsenja elettronika(e-CMR), eċċ.) sabiex ikun garantit suq intern li jiffunzjona b'mod sħiħ;

Il-faċilitazzjoni tal-mobilità transfruntiera fit-toroq

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE b'aktar reqqa u lill-Kummissjoni tissorvelja tali implimentazzjoni aktar mill-qrib, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-interpretazzjoni u l-infurzar xieraq u mhux diskriminatorju tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u tittratta l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jemmen li, meta jkun leġittimu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-liġijiet u l-miżuri li jfixklu s-suq;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib mal-Euro Contrôle Route u man-Netwerk Ewropew tal-Pulizija tat-Traffiku (TISPOL) sabiex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq fl-Ewropa u jibnu mekkaniżmu b'saħħtu biex jiżguraw l-implimentazzjoni ugwali u xierqa tal-acquis eżistenti, jiġifieri, billi jappoġġjaw lill-Istati Membri fiċ-ċertifikazzjoni, l-istandardizzazzjoni, il-kompetenza esperta teknika, il-ġbir tad-data, it-taħriġ u kompiti ta' spezzjoni, u billi jimmaniġġjaw pjattaformi għal skambju ta' informazzjoni bejn l-esperti u l-awtoritajiet nazzjonali; jitlob li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tiġi promossa l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha;

9.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kontrolli, partikolarment b'rabta mal-konformità mal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ u r-regoli dwar il-kabotaġġ, u jużaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-użu obbligatorju ta' tagħmir diġitali abbord bħal takografi intelliġenti u l-użu ta' noti ta' konsenja elettronika (e-CMR) biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-UE rilevanti, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tarmonizza aktar ir-regoli eżistenti għat-tagħmir ta' sigurtà obbligatorju f'vetturi ħfief u heavy-duty bħal trijangoli ta' twissija, ġgieget riflettivi, lampi żejda jew strumenti għat-testijiet tal-livell tal-alkoħol;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilitajiet li tnaqqas il-piżijiet burokratiċi u finanzjarji ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti sabiex tiffaċilita l-libertà tal-forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha; huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet soċjali, pereżempju, jenħtieġ li l-ħaddiema mobbli jkunu jistgħu jirrapportaw għal perjodu itwal, anke meta jaħdmu għal għadd ta' kuntratturi, irrispettivament mill-għadd ta' inkarigi;

12.  Jenfasizza li sistema koerenti, ġusta, trasparenti, nondiskriminatorja u mhux burokratika għall-pedaġġ tat-toroq implimentata fl-UE u proporzjonata għall-użu tat-triq u għall-ispejjeż esterni ġġenerati minn trakkijiet, xarabankijiet u karozzi (il-prinċipji "l-utent iħallas" u "min iniġġes iħallas"), ikollhom effett pożittiv fl-indirizzar tal-istat li qed jiddeterjora tal-infrastruttura tat-toroq, il-konġestjoni u t-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas li se jiżgura n-non-diskriminazzjoni u jevita skemi ta' pedaġġ frammentati għall-karozzi tal-passiġġieri madwar l-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS), li jenħtieġ li tinkludi element tal-kost estern abbażi tal-prinċipju "min iniġġes iħallas", li tkun kompletament interoperabbli bl-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' standards tekniċi armonizzati tal-UE tal-ġbir ta' pedaġġi, tkun ibbażata fuq it-trasparenza, l-iżvilupp u l-integrazzjoni aħjar tat-tagħmir ITS differenti installat fil-vetturi kif ukoll aktar kjarifiki dwar il-leġiżlazzjoni sabiex tiddefinixxi aħjar u tħares id-drittijiet tal-fornituri tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku u tagħmel l-obbligi tagħhom anqas onerużi;

14.  Iqis li l-Istati Membri fil-periferija u l-pajjiżi li ma jkollhom ebda alternattiva reali għat-trasport bit-triq għandhom aktar diffikultajiet biex jilħqu l-qalba tas-suq intern tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-inizjattivi fis-settur tat-toroq tagħha mekkaniżmu biex itaffi l-pedaġġi appoġġjati minn operazzjonijiet tat-trasport bit-triq mill-periferija;

15.  Jissottolinja li l-vetturi mikrija normalment ikunu l-aktar ġodda u l-aktar nodfa fis-suq, u b'hekk jikkontribwixxu għall-effiċjenza tas-settur tat-trasport bit-triq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirrieżamina r-regoli attwali dwar vetturi mikrija, li bħalissa jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta' tali vetturi għal operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali;

16.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' infurzar minn awtoritjiet nazzjonali fir-rigward tal-frodi li jikkonċerna t-takografi u l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-problemi, fost l-oħrajn, permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, is-simplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ u skambju mtejjeb ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet bl-għan ta' infurzar aħjar tar-regoli madwar l-UE u monitoraġġ aħjar ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ;

17.  Huwa tal-fehma li jenħtieġ li r-rekwiżiti leġiżlattivi jkunu proporzjonati man-natura tan-negozju u mad-daqs tal-kumpanija; iqajjem, madankollu, tħassib dwar jekk għadx hemm raġunijiet għall-eżenzjoni tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mill-applikazzjoni ta' għadd ta' regoli Ewropej, minħabba l-użu dejjem akbar tal-vetturi kummerċjali ħfief fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dijanjostiku dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u ta' sikurezza konsegwenti ta' dan l-użu dejjem akbar;

18.  Jenfasizza li jenħtieġ li l-mobilità transfruntiera fit-toroq li tikkonċerna pajjiżi ġirien fil-proċess ta' adeżjoni tiġi faċilitata b'armonizzazzjoni aħjar tal-istandards għall-infrastruttura tat-toroq, tagħmir tas-sinjali u sistemi elettroniċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-konġestjoni, speċjalment fuq in-netwerk ewlieni tat-TEN-T;

It-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u tar-regoli ta' sikurezza

19.  Jissottolinja li jenħtieġ li l-libertà ta' forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha ma tiġġustifika l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u ma ddgħajjifx il-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-perjodi ta' mistrieħ, mudelli ta' xogħol, perjodi 'l bogħod mill-bażi lokali, aċċess għall-ħiliet, taħriġ għat-titjib u żvilupp tal-karriera, saħħa u sikurezza, kura u assistenza soċjali, u r-rati minimi ta' ħlas;

20.  Jinsab imħasseb dwar prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi li jippreżentaw ukoll riskju f'termini ta' sikurezza tat-triq, relatati prinċipalment mar-regoli tal-kabotaġġ u l-hekk imsejħa "kumpaniji tal-isem", (fi kwistjonijiet partikolari li jikkonċernaw impjieg indipendenti moħbi u prattiki deliberatament abbużivi jew ċirkomvenzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti li jippermettu l-iżvilupp ta' kompetizzjoni inġusta billi b'mod illegali jnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż operattivi u li jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema, li jinħolqu bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' ċarezza tar-regoli Ewropej u l-interpretazzjonijiet u l-prattiki ta' infurzar varji fil-livell nazzjonali);

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti dwar id-dritt ta' stabbiliment sabiex jiġu eliminati l-kumpaniji tal-isem fis-settur tat-trasport bit-triq;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'urġenza, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-għeja tas-sewwieq, inkluż l-iżgurar li kwalunkwe investiment fl-infrastruttura tat-triq jinkludi titjib tal-faċilitajiet għas-sewwieqa, speċjalment fuq distanzi twal, u li l-leġiżlazzjoni dwar waqfiet ta' mistrieħ tiġi rispettata bis-sħiħ;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar il-kabotaġġ u r-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-impjieg fit-trasport bit-triq, u biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-frodi u l-abbuż;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq u biex ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom;

25.  Jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja nuqqas ta' sewwieqa professjonali u dan jirriżulta miż-żieda fid-domanda għas-servizzi tat-trasport, l-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ internazzjonali u s-sitwazzjoni demografika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess ta' rġiel u nisa żgħażagħ għall-professjoni u tindirizza l-problema ta' kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol għas-sewwieqa kif ukoll in-nuqqas ta' infrastruttura tat-toroq ta' kwalità;

26.  Jirrileva li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u d-drittijiet soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq fl-Unjoni joħolqu ostakoli amministrattivi konsiderevoli u sproporzjonati għall-operaturi, b'mod speċjali l-SMEs, iżidu l-kumplessità tal-qafas legali u jimminaw l-istabbiliment ta' suq intern fis-settur tat-trasport bit-triq fl-UE u jwasslu għal ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi u l-oġġetti;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti għall-inizjattivi fis-settur tat-toroq li se jsiru dalwaqt li jippermettu li ssir distinzjoni aktar effikaċi bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' negozju jkunu ta' natura temporanja fi Stat Membru li fih kumpanija ma tkunx stabbilita u biex jiġi żgurat li l-impjegati jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom jew fejn iwettqu l-parti l-kbira tal-attività professjonali tagħhom;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, jiġu żviluppati l-ħiliet neċessarji u tissaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi tat-trasport bit-triq tal-UE sabiex issir aktar attraenti għaż-żgħażagħ filwaqt li jiffokaw ukoll fuq l-iżgurar ta' bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għas-sewwieqa;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 92/106/KEE dwar it-Trasport Ikkombinat bl-għan li jiżdied it-trasport multimodali u jiġu eliminati l-prattiki inġusti u tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport ikkombinat;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħolqien ta' "fajl elettroniku u integrat tal-operatur" għall-operaturi kollha li joperaw fil-qafas tal-liċenzja Komunitarja, bl-għan li tinġabar id-data rilevanti kollha dwar il-karriera, il-vettura u s-sewwieq li tkun inġabret waqt il-kontrolli fit-triq;

31.  Jissottolinja li s-sistema ta' faċilitajiet ta' mistrieħ fl-UE hija insuffiċjenti u inadegwata; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni biex jistabbilixxu pjan għall-bini/forniment ta' kapaċità u ta' żoni ta' mistrieħ ta' użu faċli għall-utent, sikuri u siguri b'għadd suffiċjenti ta' postijiet ta' parkeġġ, faċilitajiet sanitarji, u lukandi ta' tranżitu, speċjalment f'punti/ċentri strateġiċi fejn jistgħu jiġu osservati volumi kbar ta' traffiku;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kwistjonijiet attwali ta' imprattiċità marbuta mas-sewqan u mal-ħinijiet ta' mistrieħ, jiġifieri, il-fatt li huma komuni sitwazzjonijiet fejn is-sewwieqa jiġu furzati jistrieħu għal għadd ta' sigħat minkejja li jkunu biss ftit kilometri 'l bogħod mill-bażi tas-servizz jew mill-post tar-residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mira għall-UE kollha għat-tnaqqis ta' korrimenti serji tat-traffiku;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tibda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-Sikurezza Ġenerali u sabiex tal-anqas jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tat-teknoloġiji u l-istandards ġodda, inklużi reġistraturi ta' data ta' emerġenza, standards ta' viżjoni diretta, assistenza intelliġenti tal-indikazzjoni ta' ħruġ mill-karreġġata u ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb is-sikurezza fit-toroq tal-UE u jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' mwiet u korrimenti serji sal-2020; jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt użata mill-Kummissjoni f'rieżami tal-qafas leġiżlattiv għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;

Il-promozzjoni tat-trasport bit-triq b'emissjonijiet baxxi

36.  Jiddikjara li hemm ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tat-trasport bit-triq u r-rwol tagħha f'netwerk tat-trasport sinkromodali modern, bl-għan li jkun hemm użu aktar effiċjenti tal-kapaċitajiet eżistenti, li tittejjeb ir-rata ta' okkupanza ta' vetturi, li jiġi promoss l-użu ta’ vetturi tal-passiġġieri iżgħar u eħfef, tal-car sharing u l-car pooling, kif ukoll it-tnaqqis minn erba' roti għal tnejn; iqis id-diġitalizzazzjoni bħala element ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi;

37.  Jenfasizza li sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 (COP21) dwar it-tibdil fil-klima, jenħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u t-titjib fil-kwalità tal-arja jinkisbu permezz tal-promozzjoni tal-elettromobilità, iċ-ċelloli tal-fjuwil u strumenti oħra avvanzati ta' sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li fihom l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ambizzjużi għal standards tas-CO2 għat-trakkijiet u x-xarabankijiet, b'mod li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra mis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob lill-Kummissjoni tistudja aktar l-opportunitajiet biex tiġi aċċelerata l-bidla lejn trasport b'emissjonijiet baxxi billi ddaħħal inċentivi għall-modifiki;

39.  Jitlob miżuri konkreti li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji "l-utent iħallas" u "min iniġġes iħallas" fit-trasport bit-triq, inklużi l-linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi ġusti jiġu żgurati fir-reġjuni kollha tal-UE;

40.  Jissottolinja li r-rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) jista' jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' vetturi aktar nodfa u kondiviżi;

41.  Jenfasizza l-importanza kbira ta' infrastruttura xierqa għall-użu ta' karburanti alternattivi għat-trasport bit-triq, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mudelli ta' inċentivi biex jitlesta n-netwerk ta' provvista għal karburanti alternattivi;

42.  Jappella biex isir monitoraġġ effikaċi tal-oqfsa ta' politika nazzjonali biex jiġi stimolat użu akbar ta' vetturi li jużaw karburanti alternattivi (eż. elettriku, ibridu, idroġenu, gass naturali kkumpressat), u jitlob li jkun hemm tnedija rapida tal-infrastruttura ta' riforniment ta' karburnat/iċċarġjar tal-batteriji meħtieġa;

43.  Jirrikonoxxi li l-vetturi tat-trasport bit-triq u l-infrastruttura innovattivi u b'emissjonijiet baxxi se jassistu biex jiffaċilitaw l-iskambji u r-rabtiet bejn it-toroq, il-ferroviji u l-portijiet, u b'hekk se titħħeġġeġ ċaqliqa ġenerali lejn forom ta' trasport aktar ekoloġiċi għall-individwi, il-passiġġieri u l-merkanzija;

44.  Jemmen li l-car pooling u l-car sharing jikkostitwixxu riżorsa ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli ta' konnessjonijiet f'reġjuni ultraperiferiċi, muntanjużi u rurali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiffaċilitaw il-ħolqien ta' mudelli ta' ekonomija kollaborattiva f'dan il-qasam;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-introduzzjoni f'għadd ta' Stati Membri ta' żoni b'emissjonijiet baxxi, u teżamina l-possibilità li tistabbilixxi kriterji/regoli komuni għall-introduzzjoni/il-funzjonament ta' dawn iż-żoni;

46.  Jinnota li s-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), bħal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi (C-ITS) u innovazzjonijiet bħal e-highway (trakkijiet elettrifikati b'teknoloġija trolley) u l-platooning, jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-effiċjenza, is-sikurezza u l-prestazzjoni ambjentali tas-sistema ta' trasport; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistimola l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi ITS u tippromwovi l-innovazzjonijiet;

47.  Jinnota li l-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija għadhom għoljin fl-attivitajiet tat-trasport bit-triq, u dan iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent; ifakkar li, fl-2012, kważi kwart (23,2 %) ta' kull vettura-km ta' vetturi li jġorru merkanzija tqila fl-UE kienu involvew vettura vojta, u li l-livell għoli ta' vjaġġi mingħajr tagħbija huwa kkawżat mir-restrizzjonijiet attwali dwar l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ li qed jillimitaw it-trasportaturi fiż-żieda ulterjuri tat-tagħbijiet tal-merkanzija u għalhekk fl-effikaċja ambjentali tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-impatt pożittiv tal-ftuħ tas-suq fuq l-effiċjenza ambjentali tat-trasport bit-triq;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi dekarbonizzat is-settur tat-trasport bit-triq, iħaffu t-tranżizzjoni mill-vetturi tat-triq tradizzjonali li jaħdmu permezz tal-karburanti fossili, għall-vetturi sostenibbli li jaħdmu permezz tal-elettriku, jiġifieri, dawk li jużaw ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu;

49.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-manwal tagħha dwar spejjeż esterni mit-trasport, inkluż data ġdida dwar l-emissjonijiet reali tas-sewqan kif ukoll il-ħsara ekonomika u soċjali minħabba t-tibdil fil-klima;

50.  Jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li l-għanijiet stabbiliti biex issir it-tranżizzjoni lejn enerġiji alternattivi u rinovabbli għat-trasport bit-triq jinkisbu permezz ta' taħlita ta' forom differenti ta' enerġija u l-metodi eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota li din it-tranżizzjoni tirrikjedi inċentivi korrispondenti u li jenħtieġ li l-għanijiet ta' tnaqqis jiġu formulati b'mod teknoloġikament newtrali;

51.  Jinnota li l-karburanti alternattivi, inklużi, iżda mhux limitati għal, gass naturali kompressat, gass naturali likwifikat u bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, jistgħu jiġu użati biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni;

o

o o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.