Proċedura : 2017/2634(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0294/2017

Testi mressqa :

B8-0294/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/05/2017 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2017)0213

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 67k
10.5.2017
PE603.745v01-00
 
B8-0294/2017

imressqa skont l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tħassir tal-Guyana mit-tabella fil-punt I tal-Anness u ż-żieda tal-Etjopja f'dik it-tabella  (C(2017)01951 – 2017/2634(DEA))


Roberto Gualtieri f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Claude Moraes, Judith Sargentini f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tħassir tal-Guyana mit-tabella fil-punt I tal-Anness u ż-żieda tal-Etjopja f'dik it-tabella (C(2017)01951 – 2017/2634(DEA))  
B8-0294/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)01951) ("ir-regolament delegat emendatorju"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(1) (ir-4 Direttiva AML), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 64(5) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi(2), u b'mod partikolari l-Anness tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi (C(2016)07495 – 2016/3007(DEA))(3),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li takkumpanja r-regolament delegat emendatorju,

–  wara li kkunsidra x-xogħol li twettaq u l-konklużjonijiet li ntlaħqu s'issa miż-żewġ kumitati speċjali tal-Parlament – il-Kumitat tad-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili u l-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-regolament delegat, l-anness tiegħu u r-regolament delegat emendatorju huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom jinħtieġu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fl-entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont ir-4 Direttiva AML;

B.  billi l-aħħar Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi ilu fis-seħħ mit-23 ta' Settembru 2016;

C.  billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 se jibqa' fis-seħħ anke jekk ir-regolament delegat emendatorju jiġi miċħud;

D.  billi l-lista tal-pajjiżi tikkorrispondi mal-pajjiżi identifikati mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) fid-29 laqgħa plenarja tagħha mill-20 sal-24 ta' Frar 2017, anke wara l-emendi li introduċa r-regolament delegat emendatorju adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2017;

E.  billi, kif hemm stipulat fil-premessa 28 tar-4 Direttiva AML u ripetut fil-memorandum ta' spjegazzjoni (C(2016)04180) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu; billi l-Kummissjoni b'hekk hija libera li tmur lil hinn mill-istandards tal-FATF, jew billi żżomm pajjiż terz fil-lista tagħha anke jekk l-FATF tkun neħħietu minn dik tagħha, jew inkella billi tinkludi pajjiżi terzi addizzjonali dment li dan ikun bi qbil mal-kriterji speċifiċi stipulati fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;

F.  billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu li jrid isir b'mod komprensiv u imparzjali, u jivvaluta l-pajjiżi terzi kollha abbażi tal-istess kriterji definiti fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;

G.  billi l-Parlament ċaħad regolament delegat emendatorju preċedenti (C(2016)07495) abbażi tal-fatt li l-proċess tal-Kummissjoni ma kienx awtonomu biżżejjed u ma rrikonoxxiex in-natura mhux eżawrjenti tal-lista ta' kriterji ("b'mod partikolari") fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML, u b'hekk eskluda r-reati presupposti marbutin mal-ħasil tal-flus, bħalma huma r-reati fiskali;

H.  billi l-Parlament jibqa' tal-fehma li n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jippersistu fir-rigward ta' diversi aspetti tal-Artikolu 9(2) f'ċerti pajjiżi li mhumiex inklużi fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir fir-Regolament delegat emendatorju;

I.  billi, kif dovut, il-Parlament ħa nota tal-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017, li tirreferi għall-eżerċizzju li l-Kummissjoni qed twettaq attwalment biex telenka x'possibilitajiet għandha li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi esterni ta' informazzjoni; billi l-istabbiliment ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu għal-lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, kif mitlub mill-Parlament, huwa waħda mill-għażliet li qed jiġu vvalutati;

J.  billi l-Parlament japprezza l-ħin u r-riżorsi li l-iżvilupp ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu jista' jieħu, speċjalment minħabba l-ammont limitat ħafna ta' persunal u riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tevita reati finanzjarji, iżda jistenna impenn aktar sod mill-Kummissjoni bi stadji intermedji fissi u ambizzjużi li jridu jintlaħqu (bħal pereżempju pjan direzzjonali) sabiex tagħti messaġġ ċar dwar l-impenn konġunt tal-istituzzjonijiet lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu;

K.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament flimkien talbu lill-Kummissarju responsabbli għal dan l-att delegat jidher quddiemhom sabiex ikollhom diskussjoni xierqa dwar il-proposta u l-oġġezzjoni tal-Parlament għaliha;

1.  Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imniżżel hawn fuq, li jkun jinkludi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament biex tadotta pjan direzzjonali li jwassal għal proċess ta' evalwazzjoni awtonomu;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)

ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0008.

Avviż legali - Politika tal-privatezza