Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0295/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0295/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

10.5.2017 - (2017/2656(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Birgit Sippel, Péter Niedermüller, Silvia Costa f'isem il-Grupp S&D
Sophia in ‘t Veld, Guy Verhofstadt, Nathalie Griesbeck, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst, Gabriele Zimmer, Dimitrios Papadimoulis, Martina Anderson, Malin Björk, Barbara Spinelli, Josu Juaristi Abaunz, Kostadinka Kuneva, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Sabine Lösing, Helmut Scholz, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Younous Omarjee, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Ska Keller, Ulrike Lunacek, Benedek Jávor, Eva Joly, Josep-Maria Terricabras, Helga Trüpel, Michèle Rivasi, Igor Šoltes, Jakop Dalunde, Sven Giegold f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2017/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0295/2017
Testi mressqa :
B8-0295/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0295/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija

(2017/2656(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 12, 13, 14, 16, 18 u 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-kawżi Szabóet u Vissy v l-Ungerija, Karácsony et v l-Ungerija, Magyar Keresztény Mennonita Egyház et v l-Ungerija, Baka v l-Ungerija, u Ilias u Ahmed v l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru[1] u tal-10 ta' Ġunju 2015[2] dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija[3], tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija[4] u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja[5],

–  wara li kkunsidra s-smigħ li sar fis-27 ta' Frar 2015 mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-26 ta' April 2017dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Att CLXVIII tal-2007 dwar il-promulgazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat mill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża fis-17 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu "Alarming developments in Hungary: draft NGO law restricting civil society and possible closure of the European Central University" (Żviluppi allarmanti fl-Ungerija: abbozz ta' liġi dwar l-NGOs li tirrestrinġi s-soċjeta ċivili u l-għeluq possibbli tal-Università tal-Ewropa Ċentrali),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 2017 dwar il-liġi l-ġdida tal-Ungerija li tippermetti d-detenzjoni awtomatika ta' persuni li jfittxu l-asil, u l-ittra tiegħu lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija tas-27 ta' April 2017 b'appell għal rifjut tal-liġi dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, kif ukoll proċeduri ta' ksur pendenti u futuri kontra l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni Nazzjonali Ungeriża "Inwaqqfu lil Brussell",

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos fl-Ungerija fit-28 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern lill-Viċi President Timmermans li titlob opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-att li jemenda ċerti atti relatati mat-tisħiħ tal-proċedura mwettqa fiż-żona tal-fruntiera mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, ukoll fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'dan l-att,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri (l-Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi l-Ungerija ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u billi, skont stħarriġiet tal-opinjoni, maġġoranza kbira ta' ċittadini Ungeriżi huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-UE;

D.  billi l-Karta tipprovdi li l-arti u r-riċerka xjentifika għandhom ikunu mingħajr xkiel u li l-libertà akkademika għandha tiġi rrispettata; billi tiggarantixxi wkoll il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti tal-edukazzjoni bir-rispett debitu għall-prinċipji demokratiċi;

E.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta, u billi soċjetà ċivili vibranti għandha rwol essenzjali biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku kif ukoll ir-responsabbiltà tal-gvernijiet rigward l-obbligi legali tagħhom, inklużi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

F.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 rigward l-istatus tar-rifuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

G.  billi 91,54 % tal-applikazzjonijiet għall-asil li saru fl-2016 ma ntlaqgħux; billi, mill-2015 'l hawn, liġijiet u proċeduri ġodda fl-Ungerija fil-qasam tal-asil ġiegħlu lill-persuni kollha li jfittxu l-asil jidħlu fl-Ungerija minn żona ta' transitu fit-territorju Ungeriż li tippermetti aċċess lil għadd limitat ta' persuni kuljum, eż. lil 10 persuni bħalissa; billi l-NGOs irrappurtaw darba wara l-oħra li l-migranti fuq il-fruntieri tal-Ungerija qed jiġu mġiegħla sommarjament imorru lura fis-Serbja, f'xi każijiet bi trattament krudili u vjolenti, mingħajr ma jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni; billi l-Gvern Ungeriż naqas milli jissodifa l-obbligi tiegħu rigward ir-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil skont id-dritt tal-UE;

H.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li "minħabba bidliet radikali li saru fil-liġi u fil-prattika rigward l-asil f'dawn l-aħħar xhur ġewwa l-Ungerija, il-persuni li jfittxu l-asil li jiġu rritornati fih jinsabu f'riskju konsiderevoli li jġarrbu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem" bi rbit mal-osservazzjonijiet bil-miktub li ssottometta fis-17 ta' Diċembru 2016 lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward żewġ ilmenti kontra l-Awstrija dwar it-trasferiment ta' applikanti mill-Awstrija għall-Ungerija taħt ir-Regolament Dublin III;

I.  billi 11-il rifuġjat, magħrufa bħala "l-11 ta' Röszke", li kienu preżenti fis-16 ta' Settembru 2016, l-għada ta' meta l-Ungerija għalqet il-fruntiera tagħha mas-Serbja, ġew akkużati li wettqu att ta' terrur u ngħataw sentenza ta' ħabs, fosthom Ahmed H., Sirjan residenti f'Ċipru li ngħata kundanna ta' 10 snin ħabs fi proċess inġust f'Novembru 2016, biss fuq il-bażi li uża megafon biex itaffi t-tensjonijiet u li waddab tliet oġġetti lejn il-pulizija tal-fruntiera;

J.  billi mindu adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015, tqajmu preokkupazzjonijiet dwar għadd ta' kwistjonijiet, jiġifieri l-użu ta' fondi pubbliċi, attakki kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil, is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja u l-għeluq tal-gazzetta Népszabadság, tad-drittijiet tar-Rom, inkluż l-iżgumbrament tar-Rom f'Miskolc u s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, id-drittijiet tan-nisa, is-sistema ġudizzjarja, inkluża l-possibbiltà li ġudikant jagħti sentenza ta' għomor il-ħabs mingħajr libertà kundizzjonata, l-iżgumbrament furzat tal-NGOs Ungeriżi l-Parlament tar-Rom u l-Organizzazzjoni Indipendenti taż-Żingari Phralipe mill-kwartieri ġenerali tagħhom, u r-riskju tli jingħalqu l-Arkivji Lukács;

K.  billi l-kontenut u l-lingwaġġ tal-konsultazzjoni nazzjonali "Inwaqqfu lil Brussell" – konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu u l-kampanji ta' reklamar mill-gvern li marru magħha – huma qarrieqa u ppreġudikati bil-kbir;

L.  billi, fil-kawża Szabó u Vissy v l-Ungerija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar is-sorveljanza sigrieta kontra t-terroriżmu li ddaħħlet fl-2011 kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-korrispondenza; billi fil-kawża Ilias u Ahmed v l-Ungerija, il-Qorti sabet li kien seħħ ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, tad-dritt għal rimedju effettiv rigward il-kundizzjonijiet fiż-żona ta' transitu ta' Röszke u tad-dritt għal protezzjoni minn trattament inuman u degradanti fir-rigward tal-espulsjoni tal-applikanti lejn is-Serbja; billi fil-kawża Baka v l-Ungerija, il-Qorti ddeċidiet li l-Ungerija kienet kisret id-dritt għal proċess ġust u l-liberta ta' espressjoni ta' András Baka, l-eks President tal-Qorti Suprema tal-Ungerija;

M.  billi l-aktar żviluppi reċenti fl-Ungerija, jiġifieri l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil, l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, li jikkostitwixxi theddida diretta għall-Università tal-Ewropa Ċentrali u li qajjem diżapprovazzjoni kbira fost il-pubbliku, u l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza ta' Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż) taw lok għal preokkupazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Ifakkar li l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE;

2.  Jiddispjaċih li l-iżviluppi fl-Ungerija wasslu għal deterjorament serju tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali f'dawn l-aħħar snin, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, il-libertà akkademika, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, restrizzjonijiet u ostruzzjonijiet għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dritt għal trattament ugwali, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom, il-Lhud u l-persuni LGBTI, id-drittijiet soċjali, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bosta allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess, li, meqjusa lkoll flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija tikkostitwixxi prova għall-UE, li jeħtiġilha turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddidiet u għall-vjolazzjonijiet tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li żviluppi f'xi Stati Membri oħra juru sinjali inkwetanti ta' mminar simili tal-istat tad-dritt bħal fl-Ungerija;

3.  Jistieden lill-Gvern Ungeriż jidħol fi djalogu mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, is-segregazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, u l-protezzjoni tan-nisa tqal fix-xogħol; itenni li ż-żewġ naħat għandhom jimpenjaw ruħhom f'tali djalogu b'mod imparzjali, kooperattiv u msejjes fuq l-evidenza; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bil-valutazzjonijiet tagħha;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi tal-UE mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni pubblika, tal-edukazzjoni, tal-inklużjoni soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex tiżgura li kwalunkwe proġett kofinanzjat ikun konformi bis-sħiħ mad-dritt tal-UE, sew dak primarju u sew dak sekondarju;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Ungerija, fil-frattemp, jirrevoka l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil kif ukoll l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, u jirtira l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż);

6.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tal-Parlament li tattiva l-qafas tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, hekk kif saret fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, bil-għan li tipprevjeni, permezz ta' djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, li theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt tkompli titqawwa; huwa tal-fehma li l-approċċ kurrenti tal-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċeduri ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod usa';

7.  Jemmen li s-sitwazzjoni kurrenti fl-Ungerija tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u tiġġustifika t-tnedija tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, għalhekk, biex jagħti bidu għall-proċeduri u jfassal rapport speċifiku bil-ħsieb li ssir votazzjoni plenarja fuq proposta motivata li titlob lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, skont l-Atikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

9.  Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[6] (il-Patt DRF), u wkoll sabiex jevita l-istandards doppji;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.