Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0298/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0298/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

15.5.2017 - (2016/2798(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0218/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Thomas Händel f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali <<<


Proċedura : 2016/2798(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0298/2017
Testi mressqa :
B8-0298/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0298/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

(2016/2798(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2016)0383),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi[2], li permezz tiegħu n-nies jistgħu jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet il-ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020, kif stabbilit fir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)[3],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[4],

  wara li kkunsidra r-rapport Eurydice dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali preċedenti fl-edukazzjoni għolja;

–  wara li kkunsidra l-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) multilingwi, li, flimkien mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), se tuża format komuni għall-pubblikazzjoni elettronika tal-informazzjoni dwar il-kwalifiki, kif stabbilit fl-Anness VI tal-proposta,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET)[5],

–  wara li kkunsidra r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja[6], lista ta' aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità li wrew il-konformità sostanzjali tagħhom mal-Istandards u l-Linji Gwida (ESG) għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja,

–  wara li kkunsidra s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta' Krediti (ECTS)[7] li ġiet żviluppata fil-kuntest taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) stabbilita bir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009[8],

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Bolonja dwar l-Edukazzjoni Għolja, il-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015 u r-rapport bit-titolu "European Higher Education Area in 2015: Bologna process implementation report" (Iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja fl-2015: rapport dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta' Bolonja),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport[9],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent) u r-rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-oqfsa tal-kwalifiki fir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, li tirreferi b'mod espliċitu għall-QEK bħala għodda li għandha tintuża għar-rikonoxximent akkademiku;

  wara li kkunsidra l-istrateġija "Widening Participation for Equity and Growth: A Strategy for the Development of the Social Dimension and Lifelong Learning in the European Higher Education Area to 2020" (Inwessgħu l-parteċipazzjoni għall-ekwità u t-tkabbir: strateġija għall-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali u t-tagħlim tul il-ħajja fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja sal-2020), li tkopri l-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-QEK,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNESCO tal-2015 dwar ir-rikonoxximent, il-validazzjoni u l-akkreditament tat-tagħlim mhux formali u informali fl-Istati Membri tal-UNESCO,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali[10], kif emendata mid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013[11],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (O-000038/2017 – B8 0218/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi rikonoxximent, komprensjoni u evalwazzjoni xierqa tal-ħiliet jestendu lil hinn mill-oqsma ta' dak li qed jitfittex mis-suq tax-xogħol; billi l-ħiliet li huma disponibbli kif ukoll dawk li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol jibbenefikaw minn QEK li jista' jidentifika u jqabbel dawk il-ħiliet u b'hekk jinħolqu benefiċċji soċjali u ekonomiċi; billi huwa fundamentali li tingħata għajnuna lill-individwi sabiex dawn jiksbu u jaġġornaw il-kompetenzi u l-ħiliet tul ħajjithom kollha;

B.  billi komparabbiltà akbar tal-kwalifiki żżid il-possibbiltà ta' impjieg u ta' tkabbir professjonali għall-ħaddiema migranti kollha;

C.  billi jenħtieġ li l-attenzjoni tkun iffukata fuq il-ħiliet fl-ITC u li jiddaħħlu miżuri strutturali ħalli l-persuni jingħataw l-għajnuna biex jiksbu u jivvalidaw dawn il-ħiliet;

D.  billi, meta jitqiesu l-isfidi ġodda li tippreżenta s-soċjetà u t-tibdil teknoloġiku u demografiku, il-QEK, permezz tal-proċess tal-iżvilupp ulterjuri tiegħu, jista' jgħin fit-tagħlim tul il-ħajja kemm f'termini ta' appoġġ għal opportunitajiet indaqs u ġustizzja edukattiva kif ukoll f'termini ta' titjib tal-permeabbiltà bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; billi jenħtieġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ jgħinu lin-nies jadattaw ruħhom għal kwalunkwe ċirkustanza li jistgħu jiltaqgħu magħha billi jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jedukawhom b'mod olistiku sabiex isiru aktar kritiċi, kunfidenti u indipendenti, kif ukoll sabiex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa għas-seklu 21;

E.  billi l-iżvilupp kontinwu tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi – magħruf ukoll bħala tagħlim tul il-ħajja – jista' jikkontribwixxi biex jitjiebu l-għażliet individwali tal-persuni fir-rigward tax-xogħol u l-ħajja, jgħinhom jiżviluppaw fuq livell personali u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u b'hekk jinħolqu benefiċċji għas-soċjetà, kif ukoll jitjiebu l-possibbiltajiet tal-persuni li jsibu xogħol u jżommu l-karriera tagħhom;

F.  billi waħda mill-miri tal-QEK hija li jiffaċilita t-tqabbil bejn is-sistemi edukattivi u b'hekk jagħti spinta għal bidla u riformi fil-livelli nazzjonali u settorjali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-qafas ET 2020;

G.  billi minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni min-naħa tal-Istati Membri, u minkejja l-impenn li ntwera s'issa, għad baqa' nuqqas ta' trasparenza fil-kwalifiki u rata baxxa ta' rikonoxximent ta' kwalifiki barranin; billi l-QEK hemm bżonn isirulu aġġustamenti sabiex il-kwalifiki jsiru aktar u aktar trasparenti u komparabbli;

H.  billi jenħtieġ li l-QEK jipprovdi metaqafas għall-utenti u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili, u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell internazzjonali;

I.  billi n-Netherlands u l-Iżvezja biss għandhom proċeduri speċifiċi fl-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-inklużjoni ta' kwalifiki mhux formali; billi l-ebda Stat Membru m'għandu proċeduri speċifiċi għat-tagħlim informali fil-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) tiegħu;

J.  billi jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw malajr, u mhux aktar tard mill-2018, arranġamenti konformi mal-QEK għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, inklużi l-ħiliet miksuba waqt attivitajiet ta' volontarjat;

K.  billi fil-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015, l-Istati Membri ntrabtu speċifikament li jwettqu rieżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-ħsieb li jkunu konformi bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u li jirrevedu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, bil-ħsieb li jiġi żgurat li t-toroq tat-tagħlim f'qafas partikolari jipprevedu b'mod adegwat ir-rikonoxximent ta' kompetenzi miksuba qabel;

L.  billi hija r-responsabbiltà u l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-kwalità tal-kontenut tat-tagħlim u li jorganizzaw is-sistemi edukattivi; billi l-QEK ma jaffettwax din ir-responsabbiltà;

M.  billi bħalissa jeżistu differenzi fir-rikonoxximent taċ-ċertifikati bejn ir-reġjuni, partikolarment ir-reġjuni transfruntiera, u dan qed iwassal għal differenzi fl-impjegabbiltà;

N.  billi l-libreriji, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jagħtu kontribut sinifikanti għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-titjib fil-litteriżmu u fil-ħiliet diġitali;

O.  billi bħalissa fil-QEK jieħdu sehem total ta' 39 pajjiż, fosthom: l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo) u l-Iżvizzera;

1.  Jirrikonoxxi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-QEK u li tkompli tappoġġja l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ Ewropej, filwaqt li xorta waħda tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u tiżgura li jitħarsu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;

2.  Jirrimarka li l-promozzjoni tal-ħsieb kritiku u tal-ħsieb kreattiv hija kruċjali għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda li se jkunu meħtieġa fil-futur;

3.  Jirrakkomanda li jitħares is-sett rikk ta' ħiliet mhux biss tekniċi, iżda anke manwali, li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra u li ppermettew l-iżvilupp u t-tkabbir ta' setturi tal-produzzjoni artiġjanali u li għandhom jiġu preservati bħala mod kif titħares l-identità individwali ta' kull Stat Membru;

4.  Jinnota li wieħed mir-rwoli tal-QEK hu li jżid il-komparabbiltà tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri filwaqt li jħares il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi nazzjonali;

5.  Jirrimarka li l-Unjoni għandha tippermetti lil kulħadd, irrispettivament mill-età jew mill-istatus, ikollu l-ħiliet u l-kompetenzi, inklużi dawk miksuba permezz tal-volontarjat, aktar viżibbli, apprezzati u rikonoxxuti b'mod ċar u aċċessibbli, partikolarment fiż-żoni transfruntiera, irrispettivament minn fejn jew kif ikunu nkisbu; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex ikun hemm rikonoxximent aktar mgħaġġel u aktar effikaċi tal-kwalifiki kif ukoll referenzjar tal-livell korrispondenti tal-QEK;

6.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni tal-QEK sabiex tingħata spinta lill-kwalità u l-potenzjal ta' dan il-qafas;

7.  Jirrakkomanda aktar flessibbiltà fir-rigward tal-aġġornament tar-referenzjar tal-qafas nazzjonali mal-QEK;

8.  Ifakkar li wieħed mill-kompiti ewlenin tal-QEK hu li jiffaċilita u jippromwovi t-trasferiment tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni formali u informali bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ differenti, sabiex tkun faċilitata l-mobbiltà professjonali u edukattiva transnazzjonali u sabiex jiġi indirizzat l-ispariġġ fis-suq tax-xogħol Ewropew u jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet personali taċ-ċittadini u tas-soċjetà b'mod ġenerali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk it-tliet oqsma orizzontali (l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi) għandhomx jiġu riveduti ulterjorment biex jinftiehmu aħjar u jkunu aktar ċari; jitlob li l-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin tal-2006 jintuża bħala riżorsa prezzjuża u bħala d-dokument ta' referenza prinċipali sabiex ikun hemm aktar koerenza fit-terminoloġija bejn l-oqfsa differenti tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, approċċ ġenwin għall-eżiti tat-tagħlim;

10.  Jirrimarka l-importanza li jiġu analizzati u żviluppati għodod għat-tbassir tal-ħtiġijiet futuri fejn jidħlu ħiliet; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħal min iħaddem, jikkondividu l-prattika tajba f'dan ir-rigward;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-iskemi ta' taħriġ u l-apprendistati fl-iffurmar tal-ħiliet; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li fl-Istati Membri tingħata promozzjoni lil sistemi ta' edukazzjoni fuq żewġ binarji li jikkombinaw l-apprendistati fil-kumpaniji mal-edukazzjoni fl-istituti vokazzjonali; ifakkar li min iħaddem u l-imprendituri għandhom rwol kruċjali fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u fl-offerta ta' apprendistati, u hu tal-fehma li r-rwol tagħhom għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;

12.  Jirrakkomanda li l-QEK jkun marbut biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, inkluża d-domanda tas-suq tax-xogħol, sabiex itejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jgħin lill-individwi jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, għat-twettiq tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mill-QEK sabiex tiġi stimulata u ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-UE u b'hekk jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ħaddiema mobbli u flessibbli fl-Ewropa kollha fi żmienijiet ta' sfidi ekonomiċi u globalizzazzjoni tas-suq;

14.  Jenfasizza l-fatt li għadd ta' Stati Membri għadhom fl-istadji bikrija tal-implimentazzjoni tal-QNK individwali tagħhom abbażi tat-tmien livelli tal-QEK; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dan il-proċess jiġi implimentat ulterjorment;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza, b'25 lingwa, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE;

16.  Jitlob appoġġ b'saħħtu u promozzjoni tal-prinċipji Ewropej komuni li jipprovdu u jivvalidaw u jirrikonoxxu malajr il-proċessi ta' tagħlim mhux formali u informali, peress li dan huwa partikolarment importanti għall-inklużjoni ta' studenti "atipiċi"; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-għadd dejjem akbar ta' sessjonijiet ta' taħriġ ibbażati fuq l-industrija li għandhom jiġu inklużi fil-proċess ta' validazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċertifikazzjoni tal-anzjani, il-persuni b'diżabilità, in-nies li ilhom qiegħda, il-ħaddiema akbar fl-età u gruppi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa jekk il-krediti ECVET jistgħux jintużaw biex jiġi vvalidat u rikonoxxut it-tagħlim informali u mhux formali; jemmen li mhu se jkun hemm ebda żvalutazzjoni tal-kompetenzi miksuba b'mod formali;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-QEK u għodod oħra eżistenti ta' rikonoxximent u trasparenza, bħall-ECVET, l-ECTS u l-Europass, bl-appoġġ ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità, sabiex jinħolqu sinerġiji u tiżdied l-effiċjenza tal-għodod ta' trasparenza;

18.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa għodda ta' awtoevalwazzjoni għal min iħaddem biex ikun żgurat użu aktar effiċjenti tal-QEK; iħeġġeġ lil min iħaddem jaħseb b'mod kritiku dwar il-livelli ta' ħiliet u kwalifiki meħtieġa għall-impjieg;

19.  Jenfasizza r-riskji potenzjali involuti fid-definizzjoni tal-eżiti tat-tagħlim fil-QEK f'termini ta' impatt fuq il-kurrikuli; jenfasizza l-importanza tad-diversità tas-sistemi edukattivi fl-UE u fil-pajjiżi parteċipanti;

20.  Jistieden lill-Istati Membri li fadal jorbtu malajr l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK; iħeġġeġ pass aktar mgħaġġel sabiex jitneħħew l-ostakli kollha li għad fadal għar-rikonoxximent;

21.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid l-ispejjeż tat-titjib tal-QEK, peress li bħalissa mhuma previsti l-ebda spejjeż addizzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-ammont ta' xogħol involut fir-reviżjoni tal-QEF huwa sottovalutat;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji ta' dimensjoni soċjali għas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tagħhom sabiex isaħħu l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs, itejbu l-ġustizzja edukattiva, jikkombattu l-inugwaljanza u jiżguraw permeabbiltà aħjar bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' taħsibha dwar il-promozzjoni tagħha fir-rigward tal-finanzjament ibbażat fuq ir-rendiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fl-edukazzjoni għolja kif ukoll tal-miżati għat-tagħlim fil-qafas tal-aġenda tal-modernizzazzjoni, sabiex tħares ir-rwol soċjali tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ u tiżgura l-aċċess għall-kwalifiki;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-rwoli rispettivi li mistennija jkollhom l-ECVET u l-ECTS, sabiex tiżgura trasparenza akbar tar-reviżjoni għall-partijiet ikkonċernati;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-impenn li jinkludu l-metodi ta' tagħlim informali u mhux formali, li bħalissa huma esklużi mill-maġġoranza tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, u sussegwentement mill-QEK, speċjalment it-tagħlim informali, li fil-preżent huwa eskluż għalkollox;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aħjar f'dak li għandux x'jaqsam mal-kwalifiki miksuba barra l-UE sabiex dawn ikun jistgħu jiġu vvalidati u rikonoxxuti u b'hekk titrawwem l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati fis-soċjetà Ewropea, fis-suq tax-xogħol, u fis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tal-UE; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjoni li twitti t-triq għal relazzjonijiet bejn l-oqfsa reġjonali u nazzjonali tal-kwalifiki ta' pajjiżi terzi, l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tal-Istati Membri u l-QEK, b'mod partikolari l-għażla ta' djalogi strutturati mal-pajjiżi ġirien tal-UE li għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE, li possibbilment iservu biex isaħħu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK u mal-UE u jżidu l-appoġġ (pereżempju permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp) lil pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki;

27.  Jirrikonoxxi li huwa fl-interess tal-pajjiżi terzi li jużaw il-QEK bħala punt ta' referenza għas-sistemi tal-kwalifiki tagħhom u li l-QEK jiġi revedut sabiex jiġi ssimplifikat it-tqabbil formali tal-kwalifiki miksuba f'pajjiżi terzi ma' dawk miksuba fl-UE;

28.  Jinsisti li partijiet ikkonċernati rilevanti bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti aktar u jikkooperaw mill-qrib fil-ħolqien, l-implimentazzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-QEK fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali sabiex jiġi żgurat l-appoġġ usa' tiegħu;

29.  Jemmen li strument bħall-QEK jeħtieġ aġġornament u aġġustament kostanti, u għalhekk għandu jiġi appoġġjat u mtejjeb b'monitoraġġ regolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-faċilità tal-użu, il-permeabbiltà u t-trasparenza tiegħu; jenfasizza li l-QEK jkun suċċess biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom verament li jimplimentawh u jużawh;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.