Proċedura : 2017/2687(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0332/2017

Testi mressqa :

B8-0332/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0229

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0300/2017
15.5.2017
PE603.757v01-00
 
B8-0332/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (2017/2687(RSP))


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Notis Marias, Raffaele Fitto, Arne Gericke, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Anna Elżbieta Fotyga, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (2017/2687(RSP))  
B8-0332/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Qarn tal-Afrika(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku tal-2013 bejn il-Kenja, is-Somalja u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) li jirregola r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, il-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica u l-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja, Christos Stylianides dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Kenjan tal-20 ta' Mejju 2016, li jagħlaq il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dadaab.

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-2017 tal-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kenja qed tospita madwar 500 rifuġjat, u n-numru qed ikompli jiżdied minħabba n-nuqqas ta' sigurtà li dejjem qed jaggrava fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel; billi, skont l-istatistika tan-NU ta' April 2017, madwar 245,000 rifuġjat jgħixu fil-ħames żoni li jagħmlu parti mill-kumpless tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kumplessi, u l-biċċa l-kbira minnhom joriġinaw mis-Somalja;

B.  billi l-kumpless tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li qed ifittxu kenn, dawk li qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fl-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari mill-gwerra ċivili fis-Somalja;

C.  Billi f'Mejju 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar li l-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab se jagħlaq f'Novembru 2016 minħabba kwistjonijiet ta' sigurtà, wara li sejjaħlu "bejta għal Al-Shabaab"; billi f'Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ippospona l-għeluq tal-kamp għal sitt xhur oħra minħabba "raġunijiet umanitarji";

D.  billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri fil-Kenja imblukkat d-deċiżjoni tal-gvern li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati, peress li kkunsidrat li d-deċiżjoni tiegħu kienet eċċessiva, arbitrarjia u sproporzjonata;

E.  billi fl-2013 gie ffirmat il-Ftehim Tripartitiku bejn il-Kenja, is-Somalja u l-UNHCR li jirregola r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, sabiex jiġi żgurat ir-rimpatriju volontarju b'mod sikur u dinjituż tar-rifuġjati Somali f'żono stabbli fis-Somalja; billi deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' ritorn għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni li hija oġġettiva, preċiża u newtrali u fuq għażla libera; billi, skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija attwalment sodisfatta f'Dadaab;

F.  billi l-Qarn tal-Afrika huwa wieħed mir-reġjuni bl-akbar nuqqas ta' sigurtà alimentari fid-dinja u billi hemm ir-riskju li n-nixfa li qiegħda taggrava se tħalli miljuni ta' nies fis-Somalja jaffaċċjaw dik li se tkun it-tielet karestija ta' dawn l-aħħar 25 sena; billi s-sitwazzjoni qed tinbidel malajr ħafna u hemm aktar minn 6,2 miljun persuna li għandhom bżonn ta' ikel u ilma, u din tista' tikkawża aktar spostament intern;

G.  billi aktar minn 25,000 ruħ fis-Somalja mietu mill-kolera jew dijarea akuta, u l-epidemija tista' tirdoppja sa dan is-sajf, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); billi r-rata ta' fatalità għall-marda hija diġà 2.1 % fis-Somalja, id-doppju tal-livell limitu ta' emerġenza;

H.  billi r-reġjun huwa affettwat minn sfidi relatati mal-migrazzjoni irregolari, l-ispostament sfurzat, it-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu u l-kunflitt armat;

I.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja għadha perikoluża u imprevedibbli u baqgħu jsiru attakki minn Al-Shabaab u gruppi armati u terroristiċi oħra; billi fis-6 ta' April 2017, il-President Mohamed Abdullahi 'Farmajo' iddikjara li s-Somalja kienet żona ta' gwerra u offra amnestija lill-membri tal-grupp militanti Iżlamista Al-Shabaab, inkluż taħriġ, impjieg u edukazzjoni, jekk jabbandunaw l-armi tagħhom fi żmien 60 jum;

K.  billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-għoti ta' finanzjament biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid li jirrappreżentaw Al Shabaab u gruppi oħra; billi fit-23 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana sejħet laqgħa ta' konsultazzjoni ta' livell għoli, fil-preżenza tal-UE u n-NU, dwar il-futur tal-AMISOM u l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà u r-riforma fis-Somalja;

L.  billi fil-11 ta' Mejju 2017 l-UE ħabbret appoġġ ġdid ta' EUR 200 miljun għas-Somalja fil-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja;

M.  billi l-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 286 miljun b'appoġġ għas-Somalja permezz tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (għall-perijodu 2014-2020), li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-funzjonijiet tal-istat, it-titjib tas-sigurtà alimentari u r-reżiljenza kif ukoll l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fuq il-migrazzjoni fit-12 ta' Novembru 2015, sabiex jindirizza l-kawżi prinċipali tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari u biex jikkontribwixxi għal ġestjoni tajba tal-migrazzjoni;

N.  billi l-UE ilha żmien twil sħab mas-Somalja fl-għajnuna għall-iżvilupp, l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi u l-għajnuna umanitarja; billi għall-perjodu 2015-2020, il-kooperazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, inklużi l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, tammonta għal EUR 3.4 biljun;

1.  Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun ta' Dadaab għar-rwol enormi li żvolġew fl-ilqugħ ta' għadd kbir ta' rifuġjati tul dawn l-aħħar diċenni;

2.  Jenfasizza li d-djalogu dwar l-isfidi li jirriżultaw minn deċiżjonijiet reċenti dwar l-għeluq possibbli tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab għandu jiġi konkretizzat fi ħdan il-qafas ta' Ftehim Tripartitiku bejn il-Kenja, is-Somalja u l-UNHCR;

3.  Jinnota li l-instabbiltà persistenti fir-reġjun kif ukoll in-nixfa li dejjem qed taggrava u r-riskju relatat ta' karestija ma jikkontribwixxux għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jippermettu r-ritorn sikur u dinjituż fuq skala kbira ta' rifuġjati;

4.  Jissottolinja għalhekk li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa' impenjata li taħdem mal-Gvernijiet tal-Kenja u tas-Somalja, kif ukoll organizzazzjonijiet reġjonali u l-komunità internazzjonali usa' sabiex tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni mtawwla tar-rifuġjati u biex jiġi żgurat li r-rifuġjati li jibqgħu f'Dadaab jirċievu għajnuna adegwata u opportunitajiet għal soluzzjonijiet aktar dejjiema;

5.  Jinsisti li kwalunkwe ritorn organizzat ta' rifuġjati minn Dadaab ikun jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards għar-rimpatriju volontarju; jistieden lill-Gvern tal-Kenja biex jiżgura li r-rifuġjati jiġu pprovduti b'informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-kundizzjonijiet fis-Somalja;

6.  Jappella lill-UE u l-komunità internazzjonali biex jiżguraw li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi ta' nies vulnerabbli rilokati lejn reġjuni sikuri, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-UE għall-AMISOM bħala parti integrali mill-approċċ komprensiv u fit-tul tal-UE biex tappoġġa l-isforzi ta' sigurtà u iżvilupp fis-Somalja; jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa ambjent ideali għan-netwerks tat-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin, kif ukoll il-kuntrabandisti ta' armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu l-finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u mal-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba bl-għan li jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

8.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant; jissottolinja l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun;

9.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex jissodisfaw l-impenji tagħhom lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel bl-għan li tiġi evitata l-karestija imminenti, titrawwem is-sigurtà, jiġu rikonċiljati l-ilmenti muniċpali, tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tingħata assistenza fit-tlestija ta' reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul; jilqa' l-appoġġ il-ġdid tal-UE ta' EUR 200 miljun imħabbar waqt il-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja; jenfasizza li l-impenn jeħtieġ tmexxija soda u determinazzjoni minn ġewwa s-Somalja;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Kenja u tas-Somalja, u l-President u l-Assemblea tal-Unjoni Afrikana.

(1)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 38.

Avviż legali - Politika tal-privatezza