Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0333/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0333/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja

15.5.2017 - (2017/2654(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Ruža Tomašić, Jussi Halla-aho, Raffaele Fitto, Karol Karski, Zdzisław Krasnodębski, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská, Geoffrey Van Orden, Pirkko Ruohonen-Lerner, Branislav Škripek, Anna Elżbieta Fotyga, Mark Demesmaeker f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0331/2017

Proċedura : 2017/2654(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0333/2017
Testi mressqa :
B8-0333/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0333/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja

(2017/2654(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sirja, adottata mill-Kunsill fit-3 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati tal-2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom tal-1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Londra dwar is-Sirja ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza "Insostnu l-futur tas-Sirja u tar-reġjun", li saret fi Brussel fl-4 u l-5 ta' April 2017, kif ukoll il-konferenzi preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, li saru f'Londra, fil-Kuwajt, f'Berlin u f'Helsinki,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għat-trażżin vjolenti fis-Sirja, fosthom dawk tal-14 ta' Novembru 2016 u tal-20 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni ta' dieskalazzjoni fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, mir-Russja u mit-Turkija, fis-6 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gwerra fis-Sirja issa daħlet fis-seba' sena tagħha u billi l-kunflitt wassal għall-mewt ta' aktar minn 250 000 ruħ u ħalla lil eluf oħra midruba jew b'dannu permanenti f'ġisimhom, 13,5 miljun ruħ fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u ħames miljun ruħ bħala rifuġjati f'pajjiżi tal-viċinat;

B.  billi l-gwerra fis-Sirja gradwalment involviet lil setgħat reġjonali u globali kbar, kixfet diviżjonijiet profondi u heddet is-sigurtà reġjonali u internazzjonali inġenerali, inkluża dik tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

C.  billi r-reġim Sirjan huwa primarjament responsabbli għall-protezzjoni u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tiegħu;

D.  billi s-sistemi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali fis-Sirja huma fi stat ta' kollass minħabba l-kunflitt imdemmi;

E.  billi r-Russja hija waħda mis-sostenituri internazzjonali l-aktar importanti tal-President Sirjan Bashar al-Assad, u s-sopravivenza tar-reġim Sirjan hija ta' importanza fundamentali għaż-żamma tal-interessi Russi fil-pajjiż; billi r-Russja użat il-veto kontra riżoluzzjonijiet li kkritikaw lill-President Assad fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u għadha qed tipprovdi appoġġ militari lir-reġim Sirjan minkejja l-kundanna internazzjonali;

F.  billi d-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxu l-attakki fuq individwi jew gruppi abbażi tal-identità reliġjuża jew etnika, kif ukoll attakki kontra ċivili li ma jiħdux sehem fl-ostilitajiet, u kontra individwi li jwasslu l-għajnuna umanitarja lin-nies maqbudin fil-kunflitt; billi tali azzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

G.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, jafferma li jeħtieġ li l-aktar delitti serji ta' preokkupazzjoni għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, ma jitħallewx fl-impunità;

H.  billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mfruxa ta' żoni popolati eskalaw b'mod drammatiku, hekk li għadd kbir ta' Sirjani sfaw spostati u ħafna ġew sfurzati jitbiegħdu aktar mill-għajnuna umanitarja li tant jeħtieġu;

I.  billi ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u ebda ftehim ta' paċi sinifikanti jew li jirnexxi li permezz tiegħu l-President Sirjan, Bashar al-Assad, jibqa' fil-poter;

J.  billi, minkejja l-ħolqien tal-hekk imsejħa "żoni ta' dieskalazzjoni" fis-Sirja, fi ftehim milħuq mir-Russja, it-Turkija u l-Iran, il-bumbardamenti u l-isparar għadhom għaddejjin f'partijiet oħra tal-pajjiż; billi l-grupp tal-oppożizzjoni ewlieni Sirjan qal li ma tantx għandu fiduċja fil-ftehim;

K.  billi huwa rrappurtat li l-Gvern Sirjan qed ikompli jibni l-armi kimiċi bi ksur ta' ftehim tal-2013 biex dawn jiġu eliminati;

1.  Jikkundanna t-tbatija indiskriminata ta' ċivili innoċenti minħabba l-bumbardamenti u mezzi militari oħra, l-użu organizzat tat-tortura u tal-vjolenza sesswali, u t-tiċħid tal-għajnuna umanitarja, u jemmen li l-użu ta' munizzjon inċendjarju u munizzjon ieħor kontra bersalji u infrastruttura ċivili jikkostitwixxi delitt tal-gwerra;

2.  Jesiġi waqfien immedjat tal-bumbardamenti ta, u l-attakki indiskriminati kontra, ċivili, ħaddiema umanitarji u faċilitajiet mediċi sabiex il-każijiet mediċi l-aktar urġenti jkunu jistgħi jiġu evakwarti minn Aleppo u minn żoni assedjati oħra, u sabiex jiġu ffaċilitati taħditiet urġenti u sinifikanti bl-għan li tiġi żgurata l-paċi fis-Sirja;

3.  Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja biex jippruvaw iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet involuti kollha fil-kunflitt biex jiżguraw aċċess sikur u bla xkiel tal-aġenziji umanitarji għal dawk iċ-ċivili affettwati mill-gwerra;

4.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja u d-determinazzjoni tal-Istati Membri li jaħdmu flimkien, u mas-sħab internazzjonali, biex jiksbu soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt skont ir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Komunikat ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012;

5.  Jinkoraġġixxi l-isforzi li qed isiru mill-Istati Membri biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-Sirja wara l-kunflitt ladarba jkunu bdew proċess ta' paċi ġenwinament inklużiv u tranżizzjoni politika, inklużi l-għajnuna umanitarja immedjata, il-bini mill-ġdid ta' infrastruttura fundamentali u l-appoġġ għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

6.  Jilqa' l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li diġà saru mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lil dawk il-pajjiżi fil-viċinat tas-Sirja li qed jipprovdu kenn għar-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kunflitt; iħeġġeġ it-tkomplija ta' dan l-appoġġ;

7.  Jemmen li soluzzjonijiet għall-kunflitt fis-Sirja ma jistgħux jinstabu f'iżolament, iżda jridu jinkludu strateġija usa' għas-soluzzjoni tal-kunflitt, il-bini tal-paċi u l-għajnuna umanitarja fir-reġjun kollu, kif ukoll miżuri biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-estremiżmu;

8.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jonoraw ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi;

9.  Jikkundanna lir-Russja talli użat il-veto għal bosta riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt fis-Sirja, u minħabba l-appoġġ tagħha lir-reġim ta' Assad;

10.  Jirrifjuta kwalunkwe rwol għall-President Bashar al-Assad fis-Sirja ta' wara l-kunflitt;

11.  Jappoġġja lill-Kunsill u lil korpi internazzjonali oħra fil-kunsiderazzjoni ta' aktar miżuri ristrettivi kontra individwi u gruppi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għat-trażżin vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja;

12.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu ma' sħab u aġenziji internazzjonali biex jiksbu informazzjoni dwar, aċċess għal u l-ħelsien ta' individwi li għebu u huma detenuti illegalment mir-reġim Sirjan, u minn għadd ta' gruppi tal-oppożizzjoni armati;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex flimkien jiżguraw il-finanzjament sħiħ tal-mekkaniżmu ta' responsabbiltà tan-NU għas-Sirja bl-għan li tinġabar, titħares u tiġi analizzata evidenza ta' atroċitajiet u delitti tal-gwerra oħra mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sirja, bil-ħsieb li jinbdew proċedimenti kriminali fil-Qorti Kriminali Internazzjonali;

14.  Jappoġġja l-prosekuzzjoni fil-Qorti Kriminali Internazzjonali ta' dawk l-individwi akkużati li wettqu attakki indiskriminati kontra l-popolazzjonijiet ċivili, li ċaħħdu deliberatament lil min kien qed imut bil-ġuħ mill-għajnuna umanitarja, li użaw armi kimiċi kontra persuni innoċenti, u li organizzaw l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali, u jwiegħed li jkompli jaħdem biex min hu responsabbli jagħti kont ta' għemilu fis-Sirja;

15.  Iħeġġeġ il-bidu mill-ġdid tan-negozjati politiċi f'Ġinevra taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti mill-aktar fis possibbli bl-għan li l-kunflitt jintemm u li tittaffa t-tbatija tal-poplu Sirjan;

16.  Jappoġġja l-ħidma tal-mibgħut speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, biex jipprova jilħaq ftehim internazzjonali għal soluzzjoni paċifika sostenibbli;

17.  Jibqa' impenjat favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja;

18.  Jappoġġja lill-koalizzjoni internazzjonali fl-azzjoni militari tagħha kontra l-IS/Da'esh u gruppi terroristiċi speċifiċi oħra fis-Sirja;

19.  Jirrikonoxxi l-kontribut tal-laqgħat ta' Astana biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitt, u jfakkar lir-Russja, lill-Iran u lit-Turkija dwar ir-responsabbiltà tagħhom bħala garanti biex jiżguraw konformità sħiħa mal-waqfien mill-ġlied u mad-dieskalazzjoni tal-ġlied f'żoni speċifiċi;

20.  Jemmen li l-laqgħa ta' Astana jridu jikkomplementaw il-proċess ta' Ġinevra fid-dieskalazzjoni tal-kunflitt u fit-tlaqqigħ tal-partijiet kollha fl-interess li jintlaħaq ftehim ta' paċi sinifikanti u sostenibbli;

21.  Ifakkar lill-parteċipanti kollha tal-konferenza "Insostnu l-futur tas-Sirja u tar-reġjun" ta' April 2017 fl-impemji tagħhom u jħeġġiġhom jonoraw il-wegħdiet eżistenti tagħhom biex jappoġġjaw lill-poplu tas-Sirja u lil dawk li kienu sfurzati jaħarbu lejn pajjiżi tal-viċinat;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-viċinat tas-Sirja.