Proċedura : 2017/2654(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0335/2017

Testi mressqa :

B8-0335/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 51k
15.5.2017
PE603.760v01-00
 
B8-0335/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja  (2017/2654(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Agea, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja  (2017/2654(RSP))  
B8-0335/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni dwar Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja, tal-14 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' April 2017 dwar l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun, tal-4 u l-5 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE kienet attur marġinali fis-Sirja, u billi l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja għandha l-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni billi tistabbilixxi l-mod li bih l-UE tista' taqdi rwol aktar importanti u tikkontribwixxi b'mod aktar attiv għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja taħt il-qafas eżistenti miftiehem fi ħdan in-NU;

B.  billi, minkejja dan ir-rwol politiku limitat, l-UE hija attur kruċjali fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, billi sa Jannar 2017 kienet immobilizzat b'mod kollettiv (l-UE u l-Istati Membri) aktar minn EUR 9,4 biljun b'rispons għall-kriżi Sirjana kemm fis-Sirja kif ukoll fir-reġjun, u dan jagħmilha l-akbar donatur; billi l-UE appoġġat ukoll b'mod sostanzjali l-pajjiżi ġirien li ospitaw ir-rifuġjati;

C.  billi aktar minn 13,5 miljun Sirjan għadhom fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja, inklużi 6,3 miljun persuna spostati f'pajjiżhom, 1,5 miljun persuna li jgħixu f'kundizzjonijiet ta' assedju, u 5 miljun rifuġjat Sirjan oħra ospitati mill-pajjiżi ġirien u mir-reġjun b'mod ġenerali.

D.  billi l-parteċipanti fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun impenjaw EUR 5,6 biljun għall-2017, u għamlu impenji pluriennali ta' EUR 3,47 biljun għall-perjodu 2020-2018;

E.  billi aktar minn 80 ruħ inqatlu f'attakk apparentament kimiku fil-belt ta' Khan Sheikhoun fil-Majjistral tas-Sirja fl-4 ta' April 2017, li tinsab f'idejn ir-ribelli; billi kemm l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u n-NU ddikjaraw li qed jinvestigaw dan l-attakk;

F.  billi l-attakki bil-missili min-naħa tal-Istati Uniti, li mmiraw il-bażi tal-ajru Skhairat f'Homs, bi tweġiba għall-attakk apparentament kimiku, żiedu t-tensjonijiet bejn ir-Russja u l-Istati Uniti, li akkużat lill-Gvern Sirjan li ppjana l-attakk fil-provinċja ta' Idlib; billi dan wassal lir-Russja biex tiffriża ftehim kritiku dwar il-kooperazzjoni militari mal-Istati Uniti fis-Sirja;

G.  billi fil-15 ta' April 2017, attakk b'bomba qrib Rashideen fil-provinċja ta' Aleppo fuq konvoj ta' ċivili li kienu qed jiġu evakwati, qatel mill-inqas 126 persuna, inklużi mill-inqas 60 tifel u tifla;

H.  billi l-belt Sirjana ta' Deir ez-Zor, fejn oriġinarjament kienu jgħixu madwar 200 000 persuna, ġiet iżolata minħabba assedju ta' tliet snin tal-ISIS/Da'esh, u b'hekk il-Programm Dinji tal-Ikel kellu jistabbilixxi pont bl-ajru sabiex jitwettaq tfigħ mill-ajru ta' konsenji tal-għajnuna; billi dan l-aħħar is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar, u qed ikun neċessarju li jiġi limitat it-tfigħ mill-ajru ta' konsenji tal-għajnuna, u b'hekk iċ-ċivili, fil-biċċa l-kbira nisa u tfal, qed jitħallew mingħajr xorb ħlief għall-ilma tax-xmara mhux ittrattat tal-Ewfrati;

I.  billi s-sanzjonijiet kontra s-Sirja destabbilizzaw l-ekonomija tal-pajjiż u, bl-imblukkar tal-aċċess għall-materja prima, muniti barranin u tagħmir ieħor, inklużi spare parts għat-tiswija ta' impjanti tal-elettriku, tagħmir mediku u tagħmir għas-sikurezza tad-demm, il-popolazzjoni Sirjana qed tiġi kkastigata u mitfugħa aktar lura; jenfasizza l-fatt li, anke meta l-oġġetti ma jkunux milquta minn sanzjonijiet, id-diffikultajiet burokratiċi u s-sistema kumplessa tar-rekwiżiti ta' liċenzjar jagħmluha diffiċli għall-popolazzjoni ċivili biex tikseb anki prodotti bażiċi bħall-mediċini;

J.  billi r-raba' rawnd ta' taħdidiet tal-Proċess ta' Astana dwar is-Sirja fit-3 u l-4 ta' Mejju ntemmu bl-iffirmar min-naħa tar-Russja, it-Turkija u l-Iran ta' dokument li jipprevedi l-ħolqien ta' erba' ''żoni ta' deskalazzjoni'' fuq il-post fejn ma titħalla ssir l-ebda attività militari, inkluż permezz ta' ''assi tal-ajru''; billi l-Gvern Sirjan laqa' l-ftehim, filwaqt li l-gruppi armati tal-oppożizzjoni rrifjutaw ir-rwol tal-Iran fil-ftehim;

K.  billi l-President tal-Istati Uniti Donald Trump awtorizza l-forniment ta' armamenti lill-ġellieda Kurdi YPG biex jappoġġaw l-operazzjoni tat-teħid tal-belt Sirjana ta' Raqqa mill-ISIS/Da'esh; billi Ankara kkunsidrat din il-mossa bħala ''inaċċettabbli'';

L.  billi t-Turkija reċentement intensifikat l-attakki fuq ż-żoni miżmuma mill-Forzi Demokratiċi tas-Sirja (FDS) fit-Tramuntana tas-Sirja;

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill u l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar is-Sirja; ifakkar fil-bżonn li l-UE jkollha rwol attiv fl-iffaċilitar ta' soluzzjoni politika fis-Sirja;

2.  Jemmen li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u jenfasizza l-ħtieġa għal soluzzjoni politika, filwaqt li jibqa' jkun hemm impenn għar-rispett sħiħ għas-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tar-Repubblika Għarbija Sirjana;

3.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, u jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe proċess politiku għandu jkun inklużiv u mmirat li jerġa' jagħmel lis-Sirja stat multikonfessjonali bħalma kienet tradizzjonalment;

4.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Stephan De Mistura, u jistieden lill-partijiet fil-kunflitt Sirjan jikkooperaw b'mod kostruttiv u b'rieda tajba;

5.  Ifakkar lill-partijiet kollha fir-responsabbiltajiet tagħhom fil-kunflitt skont id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fid-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja;

6.  Jieħu nota pożittiva tal-progress fit-taħdidiet ta' Astana u tal-iffirmar tal-memorandum ta' żona ta' deskalazzjoni bejn ir-Russja, it-Turkija u l-Iran; jittama li dan il-ftehim se joffri żoni sikuri għall-kenn u se jiffaċilita t-twassil tal-għajnuna umanitarja lill-persuni spustati li qed jaħarbu mill-vjolenza; jistieden lill-garanti ta' Astana jiżguraw li l-waqfien mill-ġlied jiġi rispettat permezz ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ trilaterali;

7.  Jittama li l-ftehim ta' deskalazzjoni ta' Astana u t-taħditiet b'mod ġenerali se jkollhom effett pożittiv fuq it-taħditiet ta' Ġinevra; jenfasizza l-bżonn li l-Istati Uniti u r-Russja jaħdmu flimkien biex jistabbilizzaw is-sitwazzjoni u jappoġġaw il-proċess politiku mmexxi min-NU; jilqa' l-fatt li ż-żewġ partijiet qablu li jissoktaw bil-komunikazzjonijiet bejn il-korpi militari rispettivi tagħhom sabiex jiġu evitati kolliżjonijiet fl-ajru fis-Sirja;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk apparentament kimiku f'Khan Cheikoun; jenfasizza l-ħtieġa għal investigazzjoni internazzjonali verament imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-attakk; jikkundanna bl-istess mod kull attakk ieħor fuq il-popolazzjoni ċivili, kull min jista' jkun responsabbli; jenfasizza l-ħtieġa għal responsabbiltà għal reati bħal dawn, f'konformità man-normi internazzjonali eżistenti;

9.  Iġedded is-sejħa tiegħu lill-Gvern Sirjan biex jagħti aċċess lill-pajjiż lill-osservaturi internazzjonali indipendenti, bħal pereżempju lill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana;

10.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun tal-4 u l-5 ta' April 2017, jistieden lill-parteċipanti jwettqu l-wegħdiet tagħhom u jibdlu l-konklużjonijiet tal-konferenza f'riżultati konkreti għas-Sirja u l-ġirien tagħha fir-reġjun;

11.  Huwa konxju li l-ħtiġijiet umanitarji se jibqgħu essenzjali fis-snin li ġejjin u jistieden lill-UE taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha u tagħmel impenn fit-tul biex tappoġġa lill-popolazzjoni ċivili, b'attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet ta' aktar minn 7 miljun mara u tifla affettwati mill-kunflitt; jilqa' l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi ġirien li jospitaw rifuġjati Sirjani, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-rifuġjati, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, ma jiġux sfruttati fil-pajjiżi ospitanti u li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati bis-sħiħ;

12.  Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali ma jmexxux aġenda mmirata biex taqsam lill-pajjiż; itenni t-talba tiegħu għal approċċ aktar impenjat min-naħa tal-atturi reġjonali biex jiżguraw li l-appoġġ materjali u finanzjarju ma jilħaqx lill-gruppi terroristiċi bħall-Al-Qaida, l-Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL/Da'esh), Fateh al Sham (ex Jabhat al-Nusra) u gruppi oħra assoċjati;

13.  Jiddenunzja bil-qawwa l-użu ta' mblokki u tal-ġuħ kontra persuni ċivili bħala metodu ta' kumbattiment; jitlob li jittieħdu passi biex jippermettu aċċess umanitarju rapidu, sikur u sostnut lill-aġenziji umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-sħab ta' implimentazzjoni tagħhom, inkluż minn naħa għal oħra tal-linji ta' kunflitt;

14.  Ifaħħar l-iżviluppi li saru mill-FDS ħdejn il-fortizza tal-ISIS/Da'esh ta' Raqqa fit-Tramuntana tas-Sirja; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru tat-Turkija kontra l-forzi Kurdi fis-Sirja li qed ixekklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza