MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab
15.5.2017 - (2017/2687(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marie-Christine Vergiat, Marina Albiol Guzmán, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Sabine Lösing, Barbara Spinelli, Maria Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL
B8‑0336/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, li l-Kenja hija firmatarja tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva straordinarja għall-Iżvilupp fl-Afrika tal-Lvant (IGAD) tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dewwiema għal rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit fil-Belt Valletta tal-15 ta' Novembru 2015 dwar il-migrazzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-proċess ta' Khartoum tat-28 ta' Novembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku għar-Rimpatriju Volontarju ta’ Rifuġjati, iffirmat f’Novembru 2013 bejn il-Gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-Kummissarju‑Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR),
– wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-iffinanzjar umanitarju tal-Unjoni Ewropea għar-rispons tar-rifuġjati fil-Kenja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kenja, b'mod partikolari dik tat-30 ta’ April 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minkejja riżorsi naturali vasti, il-Qarn tal-Afrika huwa wieħed mill-ifqar reġjuni tad-dinja; billi s-sigurtà tal-ikel hija prekarja ħafna u miljuni ta’ persuni li jgħixu f’dik iż-żona jsofru l-ġuħ u jinsabu f’riskju ta’ karestija;
B. billi l-pajjiżi fir-reġjun bħalissa qed jiffaċċjaw l-agħar nixfa tal-aħħar sittin sena, li aggravat is-sitwazzjoni ta’ kriżi alimentari fl-Etjopja, fil-Kenja, fis-Somalja u fil-Jemen, u li tista’ twassal għal karestija ġenerali; billi l-Kenja tbati minn nixfa rikorrenti, l-aktar fiż-żoni aridi u semi-aridi fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż fejn jgħixu 5,5 miljun ruħ, prinċipalment bdiewa żgħar li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli u li jinsabu f’faqar kroniku; billi t-tibdil fil-klima qed ikollu impatt devastanti fuq il-pastoraliżmu, li huwa stil ta’ ħajja nomadika ta’ għadd kbir ta’ nies fir-reġjun;
C. billi l-Kenja hija l-ikbar ekonomija fil-Lvant tal-Afrika iżda minkejja r-riżorsi kbar tagħha, hija meqjusa fost l-agħar pajjiżi fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni Kenjana tgħix taħt il-livell tal-faqar; billi l-ekonomija Kenjana qed tħabbat wiċċha ma’ problemi endemiċi minħabba l-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn minoranza; billi l-azjendi agrikoli żgħar jirrappreżentaw 94.8 % tal-farms kollha Kenjani, iżda għandhom aċċess biss għal 11.7 % tal-art agrikola fil-pajjiż; billi fl-Afrika kien hemm mewġa reċenti ta’ ħtif tal-art li qegħdet miljuni ta’ ettari ta’ art agrikola għammiela f’idejn l-intrapriżi l-kbar, u bhekk għexieren ta’ eluf ta’ komunitajiet tal-biedja ċċaħħdu mill-għajxien ta’ kuljum tagħhom; billi l-esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-Kenja lejn l-UE huma t-te, il-kafè, il-ward u r-radanċi, il-fażola, il-piżelli, l-avokado, l-arblu tan-Nil u t-tonn; billi fil-Kenja 500 000 ettaru jintużaw għall-produzzjoni tal-bijokarburanti minn intrapriżi mill-Kanada, il-Ġappun u l-Belġju, b’impatt kbir fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali;
D. billi, wara l-intervent tal-Istati Uniti tal-1992 – tal-operazzjoni “Restore Hope” –, is-Somalja hija żona ta’ gwerra; billi l-kunflitt bejn is-Somalja, l-Etjopja u l-Kenja jirrifletti fil-biċċa l-kbira t-tfassil kolonjali tal-fruntieri, billi l-popolazzjoni Somala ġiet imqassma prinċipalment bejn dawn it-tliet pajjiżi, sitwazzjoni li wasslet għal kunflitti varji, inkluż il-massakru ta’ bosta eluf ta’ Kenjani ta’ oriġini Somala mill-armata Kenjana fis-snin 1980;
E. billi l-Pjan ta’ Azzjoni Globali ta’ Najrobi adottat fis-Summit tal-IGAD (L-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp) fis-26 ta’ Marzu 2017 ssottolinja li n-nixfa u l-konflitt armat kienu ż-żewġ raġunijiet wara l-persuni spostati fir-reġjun;
F. billi l-bosta partijiet tal-gwerra ċivili, in-nuqqas ta’ governanza fis-Somalja, it-telf tal-għajxien tagħhom minn sajjieda Somali, l-atti ta’ piraterija ‘l barra mill-kosta tas-Somalja, it-tensjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t’Isfel, bejn l-Etjopja, l-Eritrea u s-Somalja u bejn l-Eritrea u l-Ġibuti, il-parteċipazzjoni tal-Kenja u ta’ pajjiżi oħra tal-viċinat fil-forza tal-Unjoni Afrikana skjerata fis-Somalja, l-indħil u l-intervent minn partijiet esterni, u l-interessi ekonomiċi u ġeostrateġiċi tal-UE u ta’ partijiet oħra tal-Punent kollha jikkontribwixxu biex il-Qarn tal-Afrika jkun wieħed mir-reġjuni l-aktar milquta minn kunflitti madwar id-dinja; billi ħafna entitajiet kisru l-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi;
G. billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, bi kważi 250 miljun abitant, popolazzjoni li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru ta’ persuni spostati internament u ta’ rifuġjati fl-Afrika u wieħed mill-akbar ċifri fid-dinja; billi fil-31 ta’ Marzu 2017, in-numru ta’ rifuġjati u persuni li jitolbu l-asil irreġistrat mill-UNHCR fil-Kenja kien ta’ 486 037;
H. billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 għal madwar 90 000 persuna bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li qed ifittxu kenn u li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabilità fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi fl-2011, iż-żieda fil-kunflitti u l-karestiji lokalizzati ġiegħlu lil miljuni ta’ nies jitilqu mis-Somalja, u dan wassal għal mases ta’ rifuġjati f’Dadaab, fejn aktar minn 308 000 Somali rreġistrati bħalissa qed jgħixu f’kamp tar-rifuġjati; billi Dadaab, skont l-istimi tan-NU, għandu popolazzjoni attwali ta’ madwar 260 000 persuna, li 95 % minnhom ġejjin mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi l-kumpless attwalment fih ħames żoni differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, filwaqt li l-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati;
I. billi s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali ilha sseħħ għal tletin sena, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u aktar minn 1.1 miljun ruħ oħra ġew spostati ġewwa s-Somalja nnifisha; billi s-Somalja ilha wieħed mill-ħames pajjiżi minn fejn ġejjin l-aktar rifuġjati għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, billi 1,1 miljun rifuġjat bħalissa huma identifikati, li aktar minn 80 % minnhom huma ospitati fi ħdan il-Qarn tal-Afrika u r-reġjun tal-Jemen;
J. billi wara l-attakk terroristiku fuq l-Università ta’ Garissa f’April 2015, il-Viċi President tal-pajjiż, William Ruto, ta ultimatum lin-Nazzjonijiet Uniti, fejn għamel pressjoni fuq il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta’ Dadaab fi żmien tliet xhur jew inkella l-Kenja tagħlqu hija nnifisha; li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem wissa li l-għeluq tal-kamp ikollu “konsegwenzi umanitarji u prattiċi estremi”; billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rifuġjati tipprojbixxi li r-rifuġjati jintbagħtu lura lejn żoni fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun mhedda; billi l-bini ta’ ħajt ta’ separazzjoni bejn is-Somalja u l-Kenja ġie ssuġġerit ukoll;
K. billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, li jista' fil-fatt iżid dawn in-numri ulterjorment; billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", filwaqt li semma’ raġunijiet ta’ tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun;
L. billi l-awtoritajiet Kenjani, bl-appoġġ ta’ persuni responsabbli mill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, aċċelleraw imbagħad it-twettiq ta’ programm ta’ rimpatriju “volontarju” tal-2013; billi għadd ta’ NGOs u atturi internazzjonali kkundannaw il-fatt li l-programm ta’ rimpatriju stabbilit mill-Kenja għal rifuġjati Somali, f’kuntest ta’ biża’ u diżinformazzjoni, ma kienx konformi mal-istandards internazzjonali dwar ir-rimpatriju volontarju ta’ rifuġjati; billi f’Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali tal-Jubaland kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ influss ta’ rimpatriji fil-kapitali reġjonali ta’ Kismaavo; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati kienu tfal;
M. billi fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar li l-għeluq tal-kamp kien se jiġi pospost b'sitt xhur sa Mejju 2017, għal "raġunijiet umanitarji", fuq talba mill-komunità internazzjonali; billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri ta’ Najrobi ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, arbitrarju u sproporzjonat;
N. billi l-għeluq ta’ Dadaab ikollu riperkussjonijiet fuq il-ġirien kollha tiegħu, fl-ewwel lok l-Etjopja, li bħalissa qed jospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja;
O. billi l-iskarsezza tar-riżorsi li dejjem qed tikber u t-tnaqqis tad-donaturi internazzjonali għandhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni tar-rifuġjati f’Dadaab, b’mod partikolari t-tnaqqis tar-rations alimentari, in-nuqqas ta’ aċċess għal servizzi u kura medika jew għat-taħriġ u l-edukazzjoni;
P. billi f’Marzu 2017, l-UNHCR stmat li kellha bżonn USD 215 200 000 biex “iġġestixxi” sewwa l-486 037 persuna spostati fil-Kenja; billi 15 % biss tal-fondi meħtieġa ġew miġbura s’issa; billi l-UNHCR tipprevedi l-wasla ta’ 27 598 persuna ġdida fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika tar-reġjun;
Q. billi l-edukazzjoni, il-litteriżmu, id-drittijiet tan-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tal-introjtu statali fis-soċjetà, it-tnaqqis fl-inugwaljanza, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, il-vjolenza u l-intolleranza;
R. billi, bejn l-2014 u l-2020, l-UE se tipprovdi EUR 435 miljun lill-Kenja; billi l-UE hija l-attur li għandu jipprovdi l-appoġġ finanzjarju lill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (Amison) permezz tal-Fond ta’ għajnuna lill-Afrika; billi l-UE qed twettaq diversi operazzjonijiet ċivili-militari fir-reġjun bħal tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP Nestor), fil-qasam tal-PSDK (mill-2012), l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (EU NAVFOR (mill-2008) jew għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) (mill-2010); billi l-Istati Uniti għandhom il-bażi navali militari ta’ Manda Bay fil-Kenja; billi jitqiesu l-azzjonijiet destabbilizzanti tan-NATO u tal-Istati Uniti fir-reġjun;
1. Huwa estremament preokkupat dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati fil-Qarn tal-Afrika u b’mod partikolari fil-Kenja u fil-kamp ta’ Dadaab; jilqa’ b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti Superjuri ta’ Nairobi li tiddikjara li “d-deċiżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta’ Dadaab [...] hija nulla u bla effett”; jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiż jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni;
2. Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabilità fir-reġjun usa’, ir-rifuġjati mhux se jkunu għadhom jistgħu jmorru lura f'darhom; jenfasizza bl-istess mod li risposta reġjonali hija meħtieġa biex tiżgura l-protezzjoni kontinwa tar-rifuġjati ta’ Dadaab u b’mod aktar wiesa’ r-rifuġjati kollha preżenti fil-pajjiż;
3. Huwa estremament preokkupat dwar l-istrateġija ta’ “rimpatriji volontarji” sa mill-2013; jitlob li jsir dawl fuq il-possibilità ta’ “manuvri ta’ ibbulljar, biża’ u diżinformazzjoni” implimentati, inkluż dwar ir-rwol tal-UNHCR fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki;
4. Jieħu nota tal-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Najrobi, li jiddisponi għall-għeluq progressiv tal-kampijiet biex “ir-rifuġjati jingħataw il-possibilità li jaċċessaw l-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u li jkunu jistgħu jiċċaqilqu liberament”; jenfasizza li huwa importanti li dan l-għeluq jiġi ggwidat minn rispett totali tad-drittijiet tal-bniedem u ma jiddeterjorax aktar il-kundizzjonijiet ta’ għajxien tal-persuni kkonċernati;
5. Jenfasizza li l-faqar dejjem akbar taċ-ċittadini, id-deterjorament tal-prospetti ekonomiċi, iż-żieda fl-inugwaljanza u l-opportunitajiet edukattivi limitati wasslu għaż-żieda fl-ammont ta’ nies qiegħda, li min-naħa tagħha ħolqot kuntest soċjoekonomiku favorevoli għall-iżvilupp tat-terroriżmu; jinnota wkoll bi tħassib li f’ħafna reġjuni, l-Istati tas-Somalja u tal-Kenja ma joffru l-ebda servizz pubbliku kruċjali għan-nies bħall-provvista tal-ilma, it-trattament tal-ilma użat, is-servizzi ta’ kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani u Somali biex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jindirizzaw is-sitwazzjoni soċjoekonomika u jipprevjenu d-deterjorament tal-livell ta’ għajxien sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali;
6. Jitlob li l-Unjoni biex tirrilaxxa l-għajnuna umanitarja ta’ emerġenza meħtieġa sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tar-rifuġjati, minn naħa, u s-sitwazzjoni ta’ karestija fir-reġjun, min-naħa l-oħra; jistieden lill-Unjoni żżid il-proporzjon ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp uffiċjali (ODA) allokata għall-agrikoltura, kif ukoll l-ODA għall-investimenti f'farms sostenibbli żgħar u fil-pastoraliżmu, biex b'hekk jiġi garantit li l-bdiewa żgħar ikollhom aċċess għall-art, u b'hekk jissaħħaħ is-suq lokali, biex tiġi żgurata s-sovranità alimentari fil-Qarn tal-Afrika, kif ukoll bħala għajnuna għar-riġenerazzjoni tal-ibħra 'l barra mill-Qarn tal-Afrika sabiex jiġi ggarantit il-mezz ta' sussistenza għas-sajjieda u l-familji tagħhom;
7. Jitlob li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tkunx strumentalizzata sabiex tillimita jew tikkontrolla l-fruntieri jew biex tiżgura r-riammissjoni tal-migranti; jitlob li l-għajnuna mogħtija mill-Unjoni u mill-Istati Membri fill-Qarn tal-Afrika sservi, bħala prijorità, biex tindirizza l-problemi marbuta mal-inugwaljanzi profondi, mal-faqar, mal-malnutrizzjoni kronika, mal-aċċess għas-saħħa u għas-servizzi pubbliċi, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva, kif ukoll mal-ilħuq tal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob bl-istess mod li l-għajnuna għall-ikel tiżdied u tkun iddestinata, bħala prijorità, għax-xiri tal-ikel lill-bdiewa lokali; joġġezzjona bil-qawwa għall-użu tal-FEŻ għat-taħriġ ta’ forzi tal-infurzar tal-liġi jew militari;
8. Jopponi kull tentattiv ta' esternalizzazzjoni tal-politiki migratorji tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li l-proċess ta’ Khartoum, li l-Kenja u s-Somalja huma partijiet firmatarji tiegħu, ma jippermetti bl-ebda mod li jiġu ttrattati l-kawżi profondi tal-migrazzjonijiet; iqis li dawn il-politiki jmorru kontra d-dritt għall-moviment ħieles, id-dritt għall-asil u, b'mod iktar wiesa', kontra d-drittijiet tal-migranti kif definiti fil-konvenzjonijiet internazzjonali;
9. Jitlob li l-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri tagħha ssir fil-forma ta' għotjiet u mhux ta' self sabiex ma jkomplux itaqqlu l-piż tad-dejn; jiddeplora li ħafna Stati Membri tal-Unjoni ma laħqux il-mira ta' 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom u li xi uħud minnhom baxxew il-persentaġġ tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddeplora t-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-programmi ta' għajnuna għall-ikel;
10. Huwa kritiku ħafna dwar ir-rwol li kellhom id-diversi interventi tal-Punent f’dawn l-aħħar snin, li ffavorixxew ir-radikalizzazzjoni ta’ xi abitanti tal-Qarn tal-Afrika; jenfasizza li l-politiki ta’ dan it-tip jippromwovu t-terroriżmu, minflok ma jiġġielduh; huwa mħasseb dwar l-enfasi fuq “soluzzjonijiet” militari fil-politiki Ewropej tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li twassal għal għadd kbir ta’ programmi ta’ assistenza militari lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika; jiddikjara li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti f’dan ir-reġjun;
11. Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jaħdmu mal-pajjiżi Afrikani u mal-atturi reġjonali u internazzjonali biex isolvu l-kunflitti strettament permezz ta’ mezzi paċifiċi, inkluż permezz tal-indirizzar tal-kawżi oriġinali tagħhom; jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid ta' relazzjonijiet mal-Kenja u mal-pajjiżi Afrikani kollha bbażat fuq in-nuqqas ta' intervent fl-affarijiet interni tagħhom u r-rispett għas-sovranità tagħhom, u maħsub biex jappoġġa l-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u biex jippromwovi l-impjieg u l-edukazzjoni, pjuttost milli bbażat fuq "ftehimiet ta' assoċjazzjoni" li jservu l-aktar biex jistabbilixxu żoni ta' kummerċ ħieles għall-benefiċċju tal-interessi tal-kumpaniji Ewropej;
12. Jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-intrapriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi għandhom ikunu kompletament konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali tagħhom ma jonqsux mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali li għalihom ikunu soġġetti meta jistabbilixxu ruħhom jew jagħmlu attività kummerċjali fi stat terz; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jirrispettawx dawn l-istandards jew li ma jagħtux kumpens b'mod sodisfaċenti lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaqgħu direttament jew indirettament taħt ir-responsabilità tagħhom;
13. Jistieden lill-Gvern Kenjan u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini tal-impriżi estrattivi biex jimponu fuq dawn l-impriżi l-adozzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabilità u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, u biex jindirizzaw il-korruzzjoni fis-settur tal-industriji estrattivi;
14. Iqis li l-ġlieda kontra l-ħtif tal-art minn kumpaniji multinazzjonali, u b’mod partikolari dawk Ewropej, hija ċentrali biex jinkisbu kundizzjonijiet ta’ għajxien denji u sovranità alimentari fil-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika; għalhekk jitlob li din il-kwistjoni tiġi ttrattata bħala djalogu speċifiku u kruċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, lill-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.