Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0337/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0337/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja

15.5.2017 - (2017/2654(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Javier Couso Permuy, Eleonora Forenza, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Marisa Matias, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2017/2654(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0337/2017
Testi mressqa :
B8-0337/2017
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B8‑0337/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja

(2017/2654(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-offensiva tal-ISIS/Da'esh, u b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish[1], tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja[2] u tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja[4],

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji għall-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-NU dwar l-Impatt Umanitarju tal-Miżuri Restrittivi Unilaterali relatati mas-Sirja tas-16 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt fis-Sirja issa ilu għaddej sitt snin, u ħoloq l-agħar kriżi umanitarja fid-dinja mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; billi l-persuni ċivili baqgħu jkunu l-vittmi primarji tal-kunflitt; billi 13,5 miljun ruħ fis-Sirja, kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li baqgħet fil-pajjiż, huma fil-bżonn urġenti ta' għajnuna ta' emerġenza bħal assistenza medika u ta' ikel, kif ukoll ilma u kenn; billi 6,3 miljun ruħ huma spustati internament u 4,7 miljun ruħ jgħixu f'inħawi li diffiċli jintlaħqu u assedjati; billi din il-gwerra mdemmija hija r-riżultat tal-istrumentalizzazzjoni tal-kunflitt mis-setgħat reġjonali u internazzjonali barranin;

B.  billi aktar minn 11-il miljun persuna ħarbu minn djarhom fis-Sirja għall-pajjiżi ġirien;

C.  billi l-ISIS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet krudili, inkluż l-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali u reati mhux imsemmija bħall-vjolenza sesswali, il-ħtif, it-tortura, il-konverżjonijiet furzati u l-iskjavitù tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew reklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja għall-ħelsien; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

D.  billi vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali twettqu mill-partijiet kollha; billi l-gruppi terroristiċi ma għandhom l-ebda rispett għall-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità; billi żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati sfaw deliberatament fil-mira, ilkoll azzjonijiet li, bħad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, m'għandhomx jgħaddu mingħajr ma jiġu kkastigati;

E.  billi, f'konformità mal-Komunikat ta' Ġinevra u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-partijiet kollha jridu jiġu mfakkra mill-ġdid bil-ħtieġa ta' soluzzjoni għall-kunflitt fis-Sirja permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal ftehim ta' paċi li jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-poplu Sirjan;

F.  billi kull proċess politiku bil-għan li jtemm il-kriżi Sirjana u li jikseb paċi sostenibbli jrid jitwettaq fil-qafas ta' kummissjoni tal-verità li tiggarantixxi l-għarfien, in-non-impunità, il-ġustizzja u l-maħfra, kif sar b'riżultati favorevoli fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fi bnadi oħra;

G.  billi fil-11 ta' April 2017 il-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali Tork ħabbar it-tlestija tal-ewwel fażi tal-bini ta' ħajt ta' 911-il km biex jissiġilla l-fruntiera Sirjana li, meta jitlesta, se jkun fih 67 "torri difensiv"; billi ġew dokumentati sparaturi mill-għassiesa tal-fruntiera Torok fuq Sirjani li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja, u li wasslu, sa tmiem l-2016, għall-mewt ta' mill-anqas 165 ċittadin Sirjan skont l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet tal-Bniedem;

H.  billi t-tliet pajjiżi li qed jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati Sirjani huma t-Turkija (2 973 980), il-Libanu (1 011 366) u l-Ġordan (659 246);

I.  billi tressqu 884 461 applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn Sirjani fl-Ewropa bejn April 2011 u Ottubru 2016; billi diversi Stati Membri għadhom jiċħdu d-dritt ta' ażil lil rifuġjati Sirjani u oħrajn u għadhom jiksru l-politiki u l-valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea;

J.  billi l-poplu Sirjan kien qed isofri minn faqar dejjem jiżdied anki qabel ma faqqgħet il-gwerra minħabba l-implimentazzjoni tal-miżuri imposti mill-FMI u l-Bank Dinji fuq il-Gvern Sirjan bħala kundizzjonijiet għall-krediti meħtieġa sabiex tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika iġġenerata, fost affarijiet oħra, minn sensiela ta' nixfiet li kienu għamlu ħerba fis-settur agrikolu Sirjan;

K.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu sabiex jaġevolaw in-negozju kriminali u perikoluż tat-traffikar tal-bnedmin meta jibnu l-ħitan u jkomplu jagħlqu l-fruntieri esterni tal-Unjoni tagħhom kontra l-migranti u r-rifuġjati, mingħajr ma jipprovdu possibbiltajiet ta' aċċess sigur u legali fl-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għaldaqstant qed jonqsu milli jagħtu rispons adegwat għall-kriżi tar-rifuġjati fil-viċinat tagħhom; billi l-ftehim UE-Turkija dwar il-migrazzjoni jikser il-Konvenzjoni ta' Ġinevra, minħabba l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mit-Turkija;

L.  billi s-"sanzjonijiet ekonomiċi" kontra s-Sirja imposti b'mod unilaterali mill-Istati Uniti u l-UE huma l-aktar reġimi ta' sanzjonijiet ikkumplikati u estensivi li qatt ġew imposti; billi dawn is-sanzjonijiet għandhom konsegwenzi diżastrużi għall-popolazzjoni ċivili u jfixklu l-għajnuna umanitarja; billi r-rapport "Humanitarian Impact of Syria-related Unilateral Restrictive Measures" (Impatt Umanitarju tal-Miżuri Restrittivi Unilaterali relatati mas-Sirja) tal-2016, imħejji mill-Aġenzija Żvizzera għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni SDC għall-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali għall-Asja tal-Punent tan-NU, jitlob reviżjoni ta' dawn il-politiki ta' sanzjonijiet;

M.  billi l-kunflitt fis-Sirja qed ikompli jiddeterjora b'riżultat tal-interferenza tal-interessi tas-setgħat reġjonali u internazzjonali barranin; billi l-gwerra qed toħloq taħlita frammentata ta' reġjuni segregati u f'kompetizzjoni mmexxija minn gruppi armati differenti, li jippermettu li gruppi terroristiċi bħal l-ISIS/Da'esh jiffjorixxu; billi l-Istati Uniti, it-Turkija u pajjiżi oħrajn ibbumbardjaw lis-Sirja bi ksur tad-dritt internazzjonali;

1.  Jirrifjuta mingħajr riżervi l-idea li tista' tinstab soluzzjoni fit-tul għall-kunflitt Sirjan abbażi ta' azzjonijiet militari; jistieden b'urġenza lill-partijiet biex iġeddu l-impenn tagħhom li jsibu soluzzjoni politika u jagħmlu progress fit-taħdidiet ta' Ġinevra taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa b'saħħa d-djalogu politiku paċifiku u jenfasizza l-ħtieġa ta' proċess immexxi mis-Sirjani li jissodisfa l-aspirazzjonijiet u r-rieda leġittimi tas-sezzjonijiet kollha tal-poplu Sirjan;

2.  Jappoġġja bis-sħiħ l-integrità territorjali tas-Sirja u d-dritt tal-poplu Sirjan li jiddetermina l-futur tiegħu mingħajr indħil barrani; jiddeplora ferm l-istaġnar ġdid fil-proċess politiku wara l-attakk bl-armi kimiċi u l-attakk militari unilaterali tal-Istati Uniti li twettqu bi ksur tad-dritt internazzjonali; jitlob, għalhekk, li ssir investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar dak li ġara; jinsisti għat-tmiem tal-interventi barranin illegali kollha fis-Sirja; jirrifjuta kull intervent militari unilaterali li sar mingħajr il-mandat tan-NU u bi ksur tad-dritt internazzjonali;

3.  Jappella b'urġenza għat-tmiem tal-ġlied; jilqa' r-riżultati tal-konferenza ta' Astana dwar is-Sirja; jilqa' l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied milħuq bejn il-Gvern tas-Sirja u l-oppożizzjoni armata, iżda jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied għadu fraġli u li l-ġlied għadu għaddej; jappella lil dawk garanti għall-waqfien mill-ġlied ta' Astana – ir-Russja, it-Turkija u l-Iran – biex jeżerċirtaw l-influwenza tagħhom fuq il-partijiet fil-kunflitt sabiex il-waqfien mill-ġlied jerġa' jikseb kredibbiltà;

4.  Jinnota l-memorandum dwar it-twaqqif ta' "żoni ta' de-eskalazzjoni" f'erba' reġjuni tas-Sirja, iffirmat fl-4 ta' Mejju 2017, li jipprojbixxi operazzjonijiet militari u li jippermetti l-għajnuna umanitarja, ir-restawr tal-infrastruttura u tas-servizzi essenzjali, u r-ritorn tar-rifuġjati; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li xi parteċipanti fil-konferenza ta' Astana ikkontestaw ir-riżultati ftit wara li ġew iffirmati l-ftehimiet; jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw il-ftehimiet ta' Astana, u jfakkar li kwalunkwe sforz li jista' verament iwassal għal de-eskalazzjoni tal-vjolenza, jiżgura aċċess umanitarju mingħajr xkiel u joħloq il-kundizzjonijiet għal soluzzjoni kredibbli tal-kunflitt politiku għandu jingħata appoġġ b'saħħtu;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li t-taħditiet ta' paċi suċċessivi mmexxija min-NU ma wasslux għal ftehim li jġib fi tmiemha l-gwerra; jappoġġja l-isforzi tal-parteċipanti tal-konferenza ta' Astana biex jagħtu spinta lill-proċess politiku; jistieden lir-Russja u lill-Istati Uniti, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jikkooperaw fl-isforzi biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni;

6.  Jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax bħala riżultat tal-kummerċ tal-armi u l-provvista tal-armi; jikkundanna bil-qawwa r-rwol li d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin żvolġew fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu t-terroriżmu flok ma jikkumbattuh, u għaldaqstant għandhom jitwarrbu; jappella li jiġi stabbilit embargo tal-armi fil-qafas reġjonali tal-UE biex ma jitħalliex li aktar armi Ewropej jispiċċaw f'idejn it-terroristi;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ dirett jew indirett (fil-forma ta' finanzjament, armi, taħriġ, eċċ.) li l-Istati Uniti, l-UE, it-Turkija u l-monarkiji tar-reġjun tal-Golf qed jipprovdu lill-gruppi terroristiċi; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Uniti, l-Istati Membri tal-UE u l-atturi reġjonali, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija u t-Turkija, biex jieqfu jiffinanzjaw il-gruppi tal-milizzja u, b'mod partikolari, jieqfu jixtru żejt trasportat minn ġewwa t-Turkija minn bjar taż-żejt ikkontrollati mill-ISIS/Da'esh, attività li ġiet iddokumentata f'rapporti mressqa quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà; jemmen li jinħtieġu mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet offshore li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw il-gruppi terroristiċi;

8.  Jikkundanna l-vjolazzjonijiet kostanti tas-sovranità tas-Sirja – partikolarment dawk mir-reġim Iżraeljan, li saru permanenti bl-okkupazzjoni tal-Għoljiet tal-Golan – u jikkundanna l-bumbardament unilaterali tat-territorju Sirjan bi ksur tad-dritt internazzjonali;

9.  Jinnota l-progress imwettaq fl-2016 fit-teħid lura ta' artijiet fis-Sirja minn idejn l-ISIS/Da'esh u l-Front Al-Nusrah (ANF), iżda jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li hemm żoni li għadhom taħt il-kontroll tagħhom u dwar l-impatt negattiv tal-preżenza tagħhom, l-ideoloġija estremista vjolenti tagħhom u l-azzjonijiet tagħhom li jaffettwaw l-istabbiltà fis-Sirja u fir-reġjun, inklużi l-implikazzjonijiet umanitarji devastanti għall-popolazzjonijiet ċivili;

10.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki militari tat-Turkija kontra żoni kkontrollati minn forzi Kurdi fis-Sirja; jistieden bil-qawwa lit-Turkija biex ma tkomplix tittrasferixxi l-attakki vjolenti illegali kontra l-popolazzjoni Kurda fit-Turkija għal żoni abitati minn nies Kurdi fis-Sirja u l-Iraq; jikkundanna r-ripressjoni tat-Turkija tal-popolazzjoni Kurda u l-interferenza tagħha fil-gwerra tas-Sirja, kif ukoll l-appoġġ li hija tagħti lill-gruppi terroristiċi billi ma tiħux azzjoni biex tagħlaq il-fruntieri permeabbli tagħha;

11.  Jenfasizza li l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali – bħall-attakki kontra ċ-ċivili u l-infrastruttura ċivili, u t-tfixkil tal-aċċess umanitarju lin-nies fil-bżonn minn gruppi estremisti Sirjani – huwa inaċċettabbli; itenni li t-terroriżmu jista' jingħeleb biss billi jiġu indirizzati l-għeruq tiegħu, jiġifieri l-faqar, l-isfruttament u n-nuqqas ta' abilità tas-soċjetà li taqdi l-bżonnijiet tan-nies; jemmen li r-rispett sħiħ għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali ta' stati bħalma huma s-Sirja, kif ukoll ir-rispett għan-natura multikulturali tas-soċjetajiet tagħhom, jikkostitwixxu l-uniku mezz biex jiġi evitat it-tixrid ta' ideoloġija terrorista;

12.  Huwa xxukkjat bl-użu tal-armi kimiċi fil-gwerra fis-Sirja, u jikkundannah bil-qawwa; jilqa' t-tnedija ta' investigazzjonijiet mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) dwar l-inċident fin-Nofsinhar tal-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017;

13.  Jesprimi l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-attakki mill-ajru tal-Istati Uniti fuq is-Sirja; jiddeplora bil-qawwa l-appoġġ espress mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u minn xi Stati Membri għal din l-azzjoni militari unilaterali minn membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jitlob lill-atturi kollha ma jieħdu l-ebda azzjoni li tikkontribwixxi għall-eskalazzjoni tal-vjolenza;

14.  Jikkundanna bis-saħħa d-delitti kollha mwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili tas-Sirja li jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jesprimi tħassib dwar l-użu ta' tarki umani mill-ISIS/Da'esh f'żoni urbani;

15.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi xierqa kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, b'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż billi jwaqqfu l-attakki diretti kontra faċilitajiet ċivili bħalma huma ċ-ċentri mediċi, l-iskejjel u l-istazzjonijiet tal-ilma, billi jiddemilitarizzaw immedjatament dawn il-faċilitajiet, billi jfittxu li jevitaw li jistabbilixxu pożizzjonijiet militari f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni u billi jippermettu l-evakwazzjoni tal-midruba u tal-persuni ċivili kollha li jixtiequ jitilqu miż-żoni assedjati; jissottolinja l-fatt li matul is-snin ta' kunflitt, l-attakki terroristiċi kienu fil-biċċa l-kbira mmirati lejn il-popolazzjoni ċivili u l-faċilitajiet ċivili, u li l-azzjonijiet terroristiċi biex jaqtgħu l-provvisti tal-ilma jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

16.  Jinnota bi tħassib serju li l-impunità fis-Sirja tikkontribwixxi għal vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mifruxin, u vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tintemm l-impunità għal dawn il-vjolazzjonijiet u l-abbużi, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-qafas ta' forum tal-verità li jinvolvi l-partijiet kollha fil-kunflitt ħlief għall-gruppi terroristiċi kkundannati min-NU;

17.  Jikkundanna l-ostakoli għat-twassil tal-għajnuna umanitarja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiżguraw li l-għajnuna umanitarja tilħaq lill-persuni kollha fil-bżonn fis-Sirja kollha, mingħajr eċċezzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jikkoordinaw l-għajnuna umanitarja taħt l-awspiċji tan-NU u tal-Gvern Sirjan;

18.  Jesprimi tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja, u jħeġġeġ lid-donaturi u lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirrispettaw il-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza fl-għoti ta' assistenza umanitarja;

19.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni spustati internament li qed jaħarbu mill-vjolenza fis-Sirja; jilqa' l-isforzi li saru mill-pajjiżi ġirien biex jospitaw lir-rifuġjati Sirjani, u jirrikonoxxi l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-preżenza ta' popolazzjonijiet ta' rifuġjati fuq skala kbira f'dawk il-pajjiżi; jinnota li l-ħtiġijiet finanzjarji dejjem akbar u d-diskrepanza persistenti fil-finanzjament fir-rigward tal-għajnuna umanitarja pprovduta lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet tagħhom, u jipprovdu l-appoġġ tant meħtieġ lin-NU, fl-għoti ta' assistenza umanitarja lil miljuni ta' Sirjani spustjati kemm internament kif ukoll f'pajjiżi u komunitajiet li qed jospitawhom;

20.  Iħeġġeġ lill-istati l-oħra barra r-reġjun, b'mod partikolari l-Istati Membri, biex jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' miżuri u politiki simili, bil-għan li jipprovdu lir-rifuġjati Sirjani protezzjoni u għajnuna umanitarja;

21.  Jikkundanna ċ-ċaħda de facto ta' protezzjoni internazzjonali lis-Sirjani li jidħlu fl-Unjoni Ewropea permezz tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija li bih "Il-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi mill-20 ta' Marzu 2016 ser jiġu ritornati lit-Turkija" fuq il-prinċipju li t-Turkija hija "pajjiż terz sigur", li hija premessa li l-Parlament jiċħad; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità fil-konfront tar-rifuġjati u l-immigranti li jaħarbu mill-gwerra, il-kaos, il-miżerja ekonomika, il-ġuħ u l-mewt, u li qed ibatu minħabba l-politiki ekonomiċi neoliberali globali;

22.  Jikkundanna l-pressjoni fuq il-Greċja mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew biex tirrikonoxxi lit-Turkija bħala pajjiż terz sikur, inkluż permezz tal-ittra ta' Matthias Ruete tal-5 ta' Mejju 2016 lill-Gvern Grieg;

23.  Jappella biex l-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tal-UE minnufih joħorġu viżi umanitarji lill-persuni li jfittxu l-asil mis-Sirja, u jappella sabiex l-impenji internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-migrazzjoni jiġu infurzati, b'mod partikolari permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni fil-livell tal-UE; jappella għal kooperazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw f'dawn il-programmi; jenfasizza li, fil-kuntest ta' djalogu inklużiv u kredibbli, il-poplu Sirjan jenħtieġ li jiddetermina l-proċessi u l-mekkaniżmi xierqa biex jikseb il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, il-verità u l-obbligu ta' rendikont għal vjolazzjonijiet u abbużi gravi tad-dritt internazzjonali, kif ukoll il-kumpensi u r-rimedji effikaċi għall-vittmi;

24.  Jiddeplora, b'kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi diżastrużi għall-popolazzjoni ċivili tal-miżuri restrittivi unilaterali, u r-rwol tagħhom li jimpedixxu l-għajnuna umanitarja, il-fatt li l-istrateġija l-ġdida dwar is-Sirja twiegħed li tneħħi dawn is-sanzjonijiet biss ladarba tibda sseħħ it-tranżizzjoni politika; iħeġġeġ lill-Kunsill itemm minnufih is-"sanzjonijiet ekonomiċi" kollha kontra s-Sirja, li ntwera li jolqtu l-aktar lill-popolazzjoni ċivili;

25.  Iħeġġeġ lill-UE tiddjaloga mal-partijiet kollha fil-kunflitt, bl-esklużjoni biss tal-gruppi terroristiċi: jesprimi tħassib dwar il-valutazzjoni ta' naħa waħda biss tal-kunflitt mill-UE; jenfasizza li sabiex tintemm il-gwerra u tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt, jeħtieġ ikun hemm djalogu mal-partijiet kollha tas-soċjetà Sirjana mingħajr ma jkun eskluż ħadd; ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE li r-rifjut li wieħed jiħdol fi djalogu ma' parti waħda fil-kunflitt huwa inkompatibbli mal-inkarigu ta' medjatur fl-istess kunflitt;

26.  Jilqa' r-rieda tal-UE li tikkontribwixxi b'mod attiv fir-rikostruzzjoni tas-Sirja; jilqa' wkoll il-fokus tal-istrateġija dwar is-Sirja fuq it-tħejjijiet għall-ippjanar ta' wara l-kunflitt, u l-intenzjoni li l-assistenza tiġi ffukata fuq ir-rikostruzzjoni, il-ħolqien ta' impjiegi u opportunitajiet ta' negozju, l-edukazzjoni, l-appoġġ psikosoċjali għal tfal u ż-żgħażagħ Sirjani, u l-promozzjoni ta' aċċess ugwali għall-edukazzjoni għall-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament mill-qrib fl-ippjanar strateġiku ta' dawn l-azzjonijiet;

27.  Jiċħad l-aħħar proposta mis-SEAE u l-Kummissjoni li l-FMI u l-Bank Dinji jieħdu r-riedni f'idejhom fl-isforz ta' stabilizzazzjoni makroekonomika fis-Sirja f'xenarju ta' wara l-kunflitt; jirrifjuta kull forma ta' involviment tal-FMI jew tal-Bank Dinji fil-proċess ta' rikostruzzjoni u ta' rkupru ekonomiku fis-Sirja; jenfasizza li huwa f'idejn il-poplu Sirjan li jiddeċiedi dwar kif jibni mill-ġdid jew ma' min jikkoopera;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.