MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
15.5.2017 - (2017/2654(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Sandra Kalniete, David McAllister, Michael Gahler, Eduard Kukan, Tokia Saïfi, Tunne Kelam, Lorenzo Cesa, Dubravka Šuica, Bogdan Andrzej Zdrojewski f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0331/2017
B8‑0342/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,
– wara li kkunsidra l-communiqué finali tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja (il-''Communiqué ta' Ġinevra'') tat-30 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tal-15 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea dwar Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja, tal-14 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2016 u dwar Strateġija tal-UE għas-Sirja tat-3 ta' April 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-30 ta' Diċembru 2016 dwar it-tħabbir ta' waqfien mill-ġlied fis-Sirja u tat-23 ta' Marzu 2017 dwar is-Sirja, u d-Dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ f'isem l-UE tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo, tas-6 ta' April 2017 dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja, u tas-7 ta' April 2017 dwar il-bumbardament mill-Istati Uniti fis-Sirja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015) u 2268 (2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja huwa li tistabbilixxi kif l-UE tista' taqdi rwol akbar biex tikkontribwixxi għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja fil-kuntest tal-qafas eżistenti approvat min-NU, u tgħin fil-bini tal-istabbiltà u tappoġġa r-rikostruzzjoni ta' wara l-ftehim ladarba tkun inbdiet tranżizzjoni kredibbli;
B. billi l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja hija rieżami tal-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll tat-theddida tad-Da'esh, u ġiet riveduta u aġġornata l-aħħar mill-Kunsill fit-23 ta' Mejju 2016;
C. billi mindu faqqgħet il-gwerra fl-2011, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, immobilizzat aktar minn EUR 9.4 biljun b'rispons għall-kriżi Sirjana kemm fis-Sirja kif ukoll fir-reġjun, u b'dan il-mod saret l-akbar donatur;
D. billi fil-5 ta' April 2017, il-VP/RGħ, il-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza u s-Sotto-Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, il-Kuwajt, in-Norveġja, il-Qatar u r-Renju Unit ippresedew Konferenza dwar l-Appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun fi Brussell;
E. billi wara sitt snin ta' gwerra 13,5 miljun Sirjan jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja, inklużi 6,3 miljun persuna spustati internament; billi 4,7 miljun Sirjan jinsabu f'żoni diffiċli biex jintlaħqu u assedjati, u kważi 5 miljun rifuġjat Sirjan huma ospitati mill-ġirien tagħhom u mir-reġjun aktar wiesa';
F. billi l-ksur kważi ta' kuljum tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħall-attakki maħsuba kontinwi fuq infrastruttura ċivili, inklużi s-sistemi ta' distribuzzjoni tal-ilma, faċilitajiet mediċi u l-iskejjel, wasslu għal nuqqas kbir ta' servizzi essenzjali;
G. billi fl-4 ta' April 2017 ġie rrappurtat attakk fiż-żona ta' Khan Shaykhoun fin-Nofsinhar ta' Idlib, fis-Sirja, b'ħafna mill-vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass; billi l-Istati Uniti infurmat lill-UE li, abbażi tal-valutazzjoni tagħha li r-reġim Sirjan kien uża armi kimiċi, nediet attakk fuq il-bażi tal-ajru militari ta' Al-Shayrat fil-Governorat ta' Homs, is-Sirja, bl-intenzjoni li timpedixxi u tiskoraġġixxi t-tixrid u l-użu ta' armi kimiċi;
H. billi fit-12 ta' April 2017, ir-Russja vvutat kontra riżoluzzjoni tal-UNSCR li kienet tikkundanna l-użu rrappurtat ta' armi kimiċi fis-Sirja u tistieden lill-Gvern Sirjan jikkoopera ma' investigazzjoni dwar l-inċident;
I. billi fil-15 ta' April 2017, madwar 5 000 ruħ li kienu ġew evakwati sfaw attakkati f'Rasheedin, fil-Punent ta' Aleppo, is-Sirja, huma u jivvjaġġaw mill-bliet assedjati ta' Foah u Kefraya lejn żoni kkontrollati mill-gvern; billi nqatlu għexieren ta' persuni, fosthom tfal, filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti;
J. billi d-Da'esh qed iwaħħax lir-residenti fil-Provinċja ta' Raqqa, filwaqt li jqajjem il-biża' tat-tiġrif tad-diga ta' Tabqa; billi fit-28 ta' Marzu 2017, saru rondi tad-Da'esh b'megafoni fi bliet u komunitajiet li jinsabu fil-Punent tal-belt ta' Raqqa, li infurmaw li d-diga kienet ''kważi ċertament se tiġġarraf'' minħabba l-bombi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh;
K. billi r-raba' rawnd ta' taħdidiet intra-Sirjani li saru f'Ġinevra fi Frar 2017 identifika erba' temi għal negozjati futuri (il-governanza, il-kostituzzjoni, l-elezzjonijiet u l-ġlieda kontra t-terroriżmu); billi l-ħames rawnd ta' taħdidiet intra-Sirjani f'Ġinevra tlesta fil-31 ta' Marzu 2017;
1. Jilqa' l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja, inklużi l-għanijiet strateġiċi tal-UE dwar is-Sirja u l-objettivi tal-UE għas-Sirja; jissottolinja l-fatt li t-tkomplija tal-gwerra fis-Sirja tista' twassal jew għad-diviżjoni tal-pajjiż fuq linji settarji, li tista' toħloq iżjed estremiżmu vjolenti u terroriżmu, jew l-impożizzjoni ta' kontroll militari mir-reġim fil-pajjiż kollu kemm hu;
2. Jemmen li l-gwerra tista' tintemm biss permezz ta' proċess ta' transizzjoni politika, innegozjat mill-partijiet fil-kunflitt bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja u atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jappoġġa l-għajnuna diretta tal-UE fit-taħditiet organizzati min-NU f'Ġinevra, inkluż f'diskussjonijiet tekniċi li jistgħu jmexxu 'l quddiem negozjati politiċi għat-tmiem tal-gwerra u jiddefinixxu l-parametri ta' korp governattiv tranżitorju f'konformità mal-UNSCR 2254 u l-Communiqué ta' Ġinevra;
3. Jenfasizza li l-UE se tibqa' tappoġġa approċċ qawwi dwar ''Is-Sirja kollha'' bħala l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-aċċess u l-għoti ta' assistenza lill-popolazzjonijiet li jeħtieġu l-għajnuna kollha;
4. Jenfasizza li skont l-approċċ ''Is-Sirja kollha'', l-UE se tkompli tipprovdi appoġġ għar-reżiljenza fil-pajjiż kollu; jinnota li dan l-appoġġ għandu l-għan li jżomm il-kapital uman tas-Sirja u l-għoti ta' servizzi, u li jipprovdi mezz kif il-persuni jibqgħu fi djarhom b'dinjità jew biex il-persuni spostati internament jirċievu servizzi bażiċi, u b'hekk jonqsu l-flussi migratorji;
5. Jieħu nota pożittiva li l-parteċipanti tal-Konferenza dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun irrikonoxxew il-ġenerożità kontinwa tal-pajjiżi ġirien ospitanti u l-komunitajiet tagħhom fl-għoti ta' kenn għal miljuni ta' persuni spostati; jenfasizza li l-parteċipanti impenjaw EUR 5,6 biljun għall-2017, u għamlu impenji pluriennali ta' EUR 3,47 biljun għall-perjodu 2020-2018; jenfasizza l-fatt li, barra minn hekk, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi ħabbru madwar EUR 27,9 biljun f'self;
6. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur u l-abbużi sistematiċi, mifruxin u gravi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha, b'mod partikolari mir-reġim Sirjan. jitlob li jkun hemm waqfien sħiħ mill-ġlied, il-waqfien ta' assedji u aċċess umanitarju sħiħ, mingħajr xkiel, sostenibbli u mal-pajjiż kollu;
7. Jenfasizza li t-tbatija tal-ġuħ taċ-ċivili, li tintuża bħala metodu ta' gwerra billi jiġu assedjati żoni popolati u l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet jistgħu jammontaw għal reati tal-gwerra jew reati kontra l-umanità;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fiż-żona ta' Khan Shaykhoun; jappoġġa l-Missjoni għas-Sejba tal-Fatti (FFM) tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), li qiegħda fil-proċess li tiġbor u tanalizza informazzjoni mis-sorsi kollha disponibbli dwar l-użu allegat ta' armi kimiċi; jinnota li fit-13 ta' April 2017, id-Direttur Ġenerali tal-OPCW ikkondivida mal-Kunsill Eżekuttiv il-passi immedjati meħuda minn esperti mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW biex janalizzaw l-informazzjoni disponibbli u l-valutazzjoni preliminari tagħhom li l-allegazzjoni kienet kredibbli; jiddeplora d-deċiżjoni tar-Russja li tirrifjuta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR);
9. Itenni l-appell tiegħu biex min huwa ħati tat-twettiq ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jinżamm responsabbli ta' għemilu u jiffaċċja l-konsegwenzi; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi u minoranzi reliġjużi, etniċi u oħrajn jenħtieġ li jitressqu wkoll quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabbiltà tad-delitti li jkunu twettqu;
10. Jesiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali tagħhom b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;
11. Jappoġġa l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh; jinnota li billi jnissel il-biża' fir-residenti fil-Provinċja ta' Raqqa, id-Da'esh qed jittama li jitfa' pressjoni fuq il-Koalizzjoni biex tnaqqas il-kampanja mill-ajru tagħha kontra l-grupp; jenfasizza l-fatt li d-Da'esh għadu jagħmel il-parti l-kbira mid-dħul tiegħu minn multi u taxxi imposti fuq ir-residenti tiegħu;
12. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.