Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0343/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0343/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem

15.5.2017 - (2017/2685(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Helga Stevens, Branislav Škripek, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2017/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0343/2017
Testi mressqa :
B8-0343/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0343/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem

(2017/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja[2],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja,

–  wara li kkunsidra 11-il rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Settembru 2015 l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw 160 000 persuna li jfittxu asil mill-Italja u l-Greċja; billi f'Settembru 2016, l-Istati Membri ddeċidew li 54 000 minn dawn il-postijiet jistgħu jintużaw għall-ammissjoni tar-rifuġjati Sirjani mit-Turkija;

B.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1523 tapplika sas-17 ta' Settembru 2017 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601 tapplika sas-26 ta' Settembru 2017;

C.  billi skont tagħrif tas-27 ta' April 2017, 17 903 applikant għal asil kienu ġew rilokati, 12 490 mill-Greċja u 5 413 mill-Italja; billi hemm tendenza li l-għadd ta' applikanti għal asil li jiġu rilokati kull xahar jiżdiedu, b'rekord ta' 1 600 rilokazzjoni mill-Greċja u 800 rilokazzjoni mill-Italja f'Marzu 2017; billi l-Kummissjoni stabbiliet mira ta' kull xahar ta' 3 000 rilokazzjoni mill-Greċja u 1 500 rilokazzjoni mill-Italja;

D.  billi, skont l-aħħar data tal-Eurostat disponibbli kull tliet xhur, huma eliġibbli għal rilokazzjoni biss persuni li jfittxu asil li jappartjenu għal nazzjonalità li għaliha r-rata medja ta' rikonoxximent hija ta' 75 % jew ogħla; billi qegħdin isiru kontrolli standard ta' sfond u ta' sigurtà u xi Stati Membri qed iwettqu kontrolli ta' sigurtà addizzjonali;

E.  billi l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni preżenti fl-Italja u fil-Greċja bħalissa huwa ferm inqas mill-mira tan-numri previsti fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill; billi s'issa ġew reġistrati fil-Greċja 26 997 applikant eliġibbli; billi l-Kummissjoni tistenna li dan in-numru se jibqa' stabbli, u għalhekk 14 000 persuna jkunu għad iridu jiġu rilokati; billi, jekk it-tendenzi attwali jkomplu, huwa probabbli li din il-mira tintlaħaq; billi s'issa ġew reġistrati fl-Italja 8 000 applikant eliġibbli; billi hemm reġistrazzjonijiet pendenti, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċittadini Eritrej, u sfidi loġistiċi oħrajn li jikkomplikaw il-ksib tal-miri għar-rilokazzjoni ta' applikanti eliġibbli mill-Italja;

F.  billi, b'kollox għadhom preżenti fil-Greċja madwar 62 000 rifuġjat u migrant; billi, minkejja tnaqqis drastiku fl-influss wara l-għeluq tar-rotta tal-Balkani tal-Punent u wara l-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija, għad hemm aktar migranti u rifuġjati li qed jaslu milli hemm rifuġjati li qed jiġu rilokati skont l-iskemi attwali;

G.  billi fl-Italja kien hemm rekord ta' wasliet ta' 181 436 fl-2016, żieda ta' 18 % fuq l-2015; billi 14 % minn dawn kienu minorenni mhux akkumpanjati; billi l-Finlandja biss qiegħda sistematikament taċċetta li tirċievi minuri mhux akkumpanjati taħt l-iskemi attwali;

H.  billi l-appoġġ tal-UE lill-Italja u l-Greċja fir-rigward tal-kriżi tal-migrazzjoni tmur lil hinn mir-rilokazzjoni ta' emerġenza, u tinkludi appoġġ finanzjarju, tekniku u loġistiku sinifikanti, it-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri, u ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni ma' pajjiżi terzi; billi minkejja dawn l-isforzi konġunti, is-sitwazzjoni f'uħud mill-kampijiet, postijiet ta' kenn u postijiet oħra fejn joqgħodu l-migranti u r-rifuġjati għadha inumana;

1.  Jirrikonoxxi l-isforzi li qed isiru biex jiġu appoġġjati l-Greċja u l-Italja biex ilaħħqu mal-isfidi tal-kriżi tal-migrazzjoni; jenfasizza li dan l-appoġġ mhuwiex limitat għar-rilokazzjoni iżda jinvolvi l-għodod kollha li attwalment qegħdin għad-dispożizzjoni tal-UE, inklużi s-solidarjetà finanzjarja, il-ftehimiet ta' negozjar ma' pajjiżi terzi, l-iskambju ta' informazzjoni, it-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri u l-operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri tal-art u tal-baħar, l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kawżi primarji u l-iżvilupp ta' alternattivi għall-migrazzjoni illegali;

2.  Jemmen li t-tkomplija ta' dawn l-isforzi hija meħtieġa u trid ukoll tibqa' alternattiva x'imkien ieħor fl-UE każ li jiżbroffaw kriżijiet jew jiżdiedu fl-intensità;

3.  Jemmen li jrid isir sforz speċjali għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli u li qed jaħarbu mill-gwerra u mill-persekuzzjoni;

4.  Jinnota l-ħidma li attwalment qed issir fuq l-aġġornament u r-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u tal-proċeduri tal-asil tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jadottaw approċċ realistiku;

5.  Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE għandhom realtajiet soċjali, kulturali u ekonomiċi differenti ħafna li jridu jiġu kkunsidrati; jenfasizza li huwa wkoll meħtieġ li jitqiesu l-isforzi u r-realtajiet attwali u tal-imgħoddi fir-rigward tal-ilqugħ ta' rifuġjati u migranti minn varjetà ta' sfondi, kif ukoll movimenti sekondarji tal-imgħoddi u dawk attwali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.