Proċedura : 2017/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0349/2017

Testi mressqa :

B8-0349/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.15
CRE 18/05/2017 - 11.15

Testi adottati :

P8_TA(2017)0231

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 47k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0349/2017
15.5.2017
PE603.774v01-00
 
B8-0349/2017

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8-0219/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))


Soraya Post, Tanja Fajon, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))  
B8-0349/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersess (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u dwar it-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru (1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 mill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni (VP/RGħ) dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (O-000039/2017 – B8-0219/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' April 2017 il-gazzetta indipendenti Russa Novaya Gazeta, ippubblikat l-ewwel rapporti li iżjed minn mitt raġel, gay jew perċepiti u meqjusa bħala gay, kienu ġew maħtufa u miżmuma fir-Repubblika awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata, allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;

B.  billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-vittmi li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tlett irġiel kienu nqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed maqtul mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ "qtil għall-unur";

C.  billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fuq il-post li jikkonfermaw li rġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira ta' detenzjoni mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;

D.  billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni (meqjusa bħala) gay huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-omofobija soċjetali b'saħħitha, u billi huma jirriskjaw li jispiċċaw vittmi ta' qtil għall-unur minn qrabathom;

E.  billi, wara snin ta' theddid u ripressjoni, kważi l-ebda ġurnalist inidipendenti jew attivist tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi l-uffiċjali u l-kjeriċi Ċeċeni heddew lill-gazzetta li esponiet għall-ewwel darba l-kampanja brutali kontra l-gay;

F.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għalhekk għandha d-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga r-reati mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;

G.  billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà usa', iżda wkoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni u jopponu l-attitudnijiet soċjali negattivi;

H.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 il-Federazzjoni Russa adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, b'tali mod li naqqset l-att ta' vjolenza fi ħdan il-familja minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet aktar dgħajfa għat-trasgressuri; billi l-Parlament iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni u jħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegati delitti;

2.  Jikkundanna l-istqarrija mill-kelliem għall-Gvern Ċeċen li tiċħad l-eżistenza ta' omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala "ġideb u diżinformazzjoni assoluta"; ifakkar lill-awtoritajiet li d-drittijiet għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma drittijiet universali u japplikaw għal kulħadd; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom miżmuma illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;

3.  Jinnota li l-President Putin ta istruzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw il-ġrajjiet fiċ-Ċeċenja, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru appoġġ materjali u ta' konsulenza lill-awtoritajiet Russi f'din l-investigazzjoni;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jħarsu l-istat tad-dritt, jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż għal persuni LGBTI, u biex jappoġġjaw tali azzjoni b'miżuri bħas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kultura ta' tolleranza u inklużjoni bbażata fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u ta' miżuri oħrajn biex jipprevjenu, jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi ta' tali vjolenza b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;

6.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, għal investigazzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u bir-reqqa dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed tinvestiga l-kwistjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u jintensifikaw aktar l-isforzi biex jinvolvu ruħhom mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex tingħata għajnuna lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u sabiex din il-kampanja ta' abbuż toħroġ fid-deher;

8.  Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha sabiex tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;

9.  Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni tar-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu jippromwovu l-qerda tal-vjolenza domestika, jipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u jappoġġjaw lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika taċ-Ċeċenja.

(1)

ĠU L 93, 24.3.2017, p. 21.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0502.

Avviż legali - Politika tal-privatezza