imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani (2016/2998(RSP))
Hilde Vautmans, Marietje Schaake
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani(2016/2998(RSP))
B8‑0352/2017
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tan-NU, inkluża r-Riżoluzzjoni 2334/2016 adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-23 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem f'Golan, reġjun Sirjan okkupat, ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali fl-10 ta' Jannar 2017,
– wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tas-6 ta' Jannar 2017 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tat-18 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kwartett ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, f'bosta okkażjonijiet, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni ("ir-Rappreżentant Għoli") esprimiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-Unjoni fil-proċess ta' paċi;
B. billi ż-żmien li matulu d-diplomazija Ewropea baqgħet osservatur għandu għaldaqstant jintemm;
C. billi f'April 2015, ir-Rappreżentant Għoli ħatret Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani ("ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE");
D. billi l-okkupazzjoni issa ilha aktar minn 50 sena u l-Ftehimiet ta' Oslo I ġew iffirmati fl-1993;
E. billi jeżisti proċess li għadu għaddej f'għadd ta' Stati Membri biex jiġi rikonoxxut l-Istat tal-Palestina;
F. billi l-Unjoni tqis li, fl-ambjent politiku internazzjonali attwali li qed jinbidel, il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani jirrikjedi, aktar minn qatt qabel, koordinament b'saħħtu u unità b'saħħitha bejn il-partijiet, ir-reġjun u l-komunità internazzjonali;
G. billi l-protezzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana u tad-drittijiet tagħha, inklużi d-drittijiet tal-priġunieri, fix-Xatt tal-Punent, b'attenzjoni partikolari għaż-Żona C, u f'Ġerusalemm tal-Lvant, hija ta' importanza fundamentali għall-preservazzjoni tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;
H. billi, f'April 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddenunzja l-fatt li l-awtoritajiet f'Gaża wettqu tliet eżekuzzjonijiet bi ksur tal-obbligi tal-Palestina taħt id-dritt internazzjonali;
I. billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar fornitur ta' għajnuna finanzjarja lill-Awtorità Palestinjana u hija wkoll l-akbar sieħba kummerċjali tal-Iżrael; billi l-Iżrael għandu aċċess għall-fondi tal-UE taħt l-Orizzont 2020, u huwa parti għall-ftehimiet dwar prodotti agrikoli, industrijali u farmaċewtiċi;
J. billi, apparti l-isforzi maħsuba biex jinbeda mill-ġdid il-proċess ta' paċi, jeżistu proġetti ta' kooperazzjoni konkreti bħat-trasferiment tal-ilma bejn il-Baħar l-Aħmar u l-Baħar Mejjet li jagħtu viżjoni ta' tama, paċi u rikonċiljazzjoni, li huma elementi li r-reġjun tant jeħtieġ.
1. Itenni l-appoġġ tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, fejn l-Istat tal-Iżrael, bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u ddikjara li m'għandu jiġi rikonoxxut ebda bdil tal-fruntieri ta' qabel l-1967 għajr dak miftiehem mill-partijiet, inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;
2. Jopponi b'qawwa kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' linji ta' politika u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja u jinħoloq mezz li jwassal għal negozjati sinifikattivi; jitlob, għal dan il-għan, lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-UE f'Ġerusalem u f'Tel Aviv ikomplu jwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-post u l-implikazzjonijiet aktar ġenerali tagħhom, u jitlobhom ukoll iqisu azzjoni ulterjuri bil-għan li jipproteġu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, li kulma jmur qiegħda tiddgħajjef minn fatti ġodda li qed iseħħu fuq il-post;
L-ostakli għas-soluzzjoni ta' żewġ stati
3. Iqis, f'dan il-kuntest, li l-eżistenza u l-bini tal-insedjamenti Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, huma illegali skont id-dritt internazzjonali, u jikkostitwixxu ostaklu kbir għas-soluzzjoni ta' żewġ stati;
4. Jiddispjaċih, b'mod partikolari, dwar l-approvazzjoni tal-'Liġi dwar ir-Regolamentazzjoni' min-naħa tal-Knesset fis-6 ta' Frar 2017, li tippermetti leġiżlazzjoni retroattiva tal-insedjamenti mibnija fuq proprjetajiet tal-Palestinjani mingħajr l-approvazzjoni tas-sid privat leġittimu; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni sussegwenti tal-Gvern Iżraeljan tat-30 ta' Marzu 2017 li jippubblika l-offerti għal insedjamenti ġodda 'l ġewwa ħafna mix-Xatt tal-Punent;
5. Jistieden, għaldaqstant, lill-Iżrael biex iżarma l-insedjamenti mhux uffiċjali mibnija minn Marzu 2001 'il hawn, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali tal-Kwartett 2002, u jtemm kull attività b'rabta mal-insedjamenti; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Iżraeljani sabiex itemmu l-imblokk ta' Gaża minnufih, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtieġa li jiġu protetti ċ-ċittadini tagħha mill-attakki terroristiċi;
6. Jikkundanna t-twaqqigħ ta' strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-territorji okkupati; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet iffinanzjati mill-UE li qed jaħdmu fuq il-post biex jaħdmu mal-ministeri Iżraeljani ħalli jimpedixxu dan it-twaqqigħ milli jerġa' jseħħ;
7. Ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-istati u l-atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, huwa pedament għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.
8. Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni politika u ekonomika li kulma jmur qiegħda tmur għall-agħar tikkostitwixxi sfida għall-Awtorità Palestinjana biex turi bis-sħiħ it-tmexxija tagħha bil-għan li tesprimi ruħha b'leħen Palestinjan uniku fil-mejda tan-negozjati, u tfixkel il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-inċitament, speċjalment fejn huma involuti ż-żgħażagħ Palestinjani;
9. Jisħaq fuq il-punt li l-Awtorità Palestinjana għandu jkollha leħen wieħed fin-negozjati mal-Iżrael, biex b'hekk tirrappreżenta mhux biss lix-Xatt tal-Punent iżda wkoll lill-Istrixxa ta' Gaża; jappella lil Hamas jaċċetta li l-Awtorità Palestinjana tirrappreżenta wkoll lil Gaża;
10. Ifakkar li l-vjolenza kontinwata, l-atti reċenti ta' terroriżmu kontra l-Iżraeljani u l-inċitament favur il-vjolenza huma fundamentalment inkompatibbli mal-isforzi favur soluzzjoni ta' żewġ stati paċifika, u li dawn qed jaggravaw bil-kbir l-isfiduċja bejn il-komunitajiet; jiddispjaċih li, hija u twettaq attakki terroristiċi, l-Awtorità Palestinjana qed tkompli twettaq martirju bil-qtil tal-Palestinjani fl-Iżrael;
11. Jappella lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Awtorità Palestinjana jimplimentaw operazzjonijiet effikaċi bis-sħiħ u f'waqthom, pereżempju ż-żarmar tal-armi illeċiti u l-kontrattakk kontra l-attivitajiet ta' gruppi militanti Palestinjani, bħall-isparar tar-rockets lejn l-Iżrael;
12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet f'Gaża jwaqqfu l-eżekuzzjonijiet u jappella lill-Awtorità Palestinjana tistabbilixxi moratorju uffiċjali fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bil-għan li din tiġi abolita;
13. Jitlob liż-żewġ naħat jieħdu passi immedjati biex jipprevjenu l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi atti terroristiċi, kif ukoll provokazzjoni, inċitament u distruzzjoni;
Inizjattiva Ewropea ġdida favur il-paċi: nitkellmu b'leħen wieħed
14. Ifakkar lill-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni ta' Venezja ta' Ġunju 1980, meta l-Istati Membri tal-UE ħadu r-responsabilità tagħhom fil-proċess ta' paċi, u jitlob li tiġi adottata Dikjarazzjoni ta' Venezja ġdida f'okkażjoni tal-50 sena ta' okkupazzjoni f'Ġunju ta' din is-sena; jistieden lir-Rappreżentant Għoli juża din id-dikjarazzjoni l-ġdida biex jimpenja ruħu fl-istabbiliment ta' inizjattiva Ewropea ta' paċi;
15. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE jkollha rwol ewlieni u rikonoxxibbli fil-Kwartett u fin-negozjati mal-partijiet involuti fir-reġjun; jilqa', għaldaqstant, il-ħatra min-naħa tar-Rappreżentant Għoli ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani bħala sinjal ċar tal-impenn tal-UE;
16. Jiddispjaċih, madankollu, li mindu nħatar r-Rappreżentant Speċjali, l-Unjoni ma tidhirx li għandha rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, għaldaqstant, biex jagħmlu użu aħjar mir-relazzjonijiet politiċi u l-għarfien espert istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha, ibbażati kif inhuma fuq il-prossimità ġeografika tal-Ewropa, ir-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi mar-reġjun tal-Lvant Nofsani, bil-għan li jiżguraw rwol politiku aktar attiv u effiċjenti fil-proċess ta' paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Istati Għarab u l-Iżrael b'mod ġenerali;
17. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-isforzi li għaddejjin biex isir progress fl-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi, kif ukoll l-impenji mġedda tal-Kwartett u tal-Eġittu; jirrikonoxxi l-inizjattiva ta' Franza biex tlaqqa' konferenza għall-paċi internazzjonali;
18. Jissottolinja li, bil-għan li jingħata sostenn lil inizjattiva Ewropea ta' paċi ġenwina, l-ewwel dmir tal-Istati Membri huwa li jikkontribwixxu b'mod attiv fit-tiswir ta' pożizzjoni Ewropea unita u jżommu lura milli jieħdu inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni Ewropea;
19. Jissottolinja li l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewropej ma jistgħux jitolbu lill-Unjoni biex tkun proattiva fir-reġjun jekk il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom jimpedixxu lill-Unjoni milli titkellem b'leħen wieħed permezz tar-Rappreżentant Għoli;
20. Jissottolinja li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE kemm mas-sħab Iżraeljani kif ukoll ma' dawk Palestinjani ser jiddependi wkoll fuq l-impenn tagħhom lejn paċi dejjiema abbażi ta' soluzzjoni ta' żewġ stati;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.