MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja
15.5.2017 - (2017/2688(RSP))
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Malin Björk, Marisa Matias, Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Marina Albiol Guzmán, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Eleonora Forenza, Dennis de Jong, Sabine Lösing, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Rina Ronja Kari, Maria Lidia Senra Rodríguez, Stefan Eck, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Josu Juaristi Abaunz, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0349/2017
B8-0353/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra, b'riservi, il-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 (Id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni lesbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (O-000039/2017 – B8-0219/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali u Russi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-midja indipendenti lokali u internazzjonali, irrapurtaw li minn Frar 2017 iżjed minn mitt raġel kienu ġew arrestati illegalment għaliex suspettati li huma gay u miżmuma f'tal-inqas żewġ ħabsijiet illegali fir-Repubblika Awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;
B. billi l-vittmi ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tliet irġiel inqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ "qtil tal-unur";
C. billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni (meqjusa bħala) gay huma partikolarment vulnerabbli minħabba omofobija soċjetali b'saħħitha, u billi hemm riskju li jispiċċaw vittmi ta' qtil tal-unur minn qrabathom;
D. billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fuq il-post li jikkonfermaw li rġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira ta' detenzjoni mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;
E. billi, wara snin ta' theddid u ripressjoni, kważi l-ebda ġurnalist jew attivist indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi l-uffiċjali u l-kjeriċi Ċeċeni heddew lill-gazzetta li esponiet għall-ewwel darba l-kampanja brutali kontra l-gay;
F. billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandha għalhekk id-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi l-istat u l-istituzzjonijiet parlamentari u ġudizzzjarji huma obbligati u għandhom aċċess għall-mezzi kollha meħtieġa biex jinvestigaw ir-reati mwettqa mill-awtoritajiet taċ-Ċeċnija;
G. billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;
H. billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà usa', kif ukoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni;
I. billi l-President Putin inkariga lill-Ombudsperson Russa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Tatyana Moskalkova, tifforma grupp ta' ħidma biex tinvestiga l-allegazzjonijiet;
J. billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI jippreskrivu attitudni proattiva minn naħa tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati nazzjonali tal-Istati Membri, fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet LGBTI; billi dawn il-Linji Gwida jistipulaw li l-ġlieda kontra l-vjolenza fobika fil-konfront tal-LGBTI u l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI huma oqsma prijoritarji;
K. billi fl-2017, it-tieni Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija ser jiġi evalwat, kif ser ikunu wkoll il-Linji Gwida dwar l-LGBTI;
L. billi fis-7 ta' Marzu 2017 id-Duma Russa adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, naqqset "is-swat fi ħdan il-familja" minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet iktar dgħajfa għal dawk li jwettqu r-reati; billi l-Parlament iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja, tortura u qtil ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni u immedjatament jeħilsu lil dawk li huma arrestati illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni legali u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;
2. Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-gvern taċ-Ċeċenja li tiċħad l-eżistenza ta' persuni omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala "ġideb u diżinformazzjoni assoluta"; ifakkar lill-awtoritajiet li d-dritt għall-ħajja, għal-libertà u s-sigurtà tal-persuna huwa dritt bażiku tal-bniedem u japplika għal kulħadd;
3. Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed jinvestiga l-kwistjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u jintensifikaw aktar l-isforzi lejn l-involviment mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jirrispettaw l-istat tad-dritt, jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż għal persuni LGBTI, u biex jappoġġjaw tali azzjoni b'miżuri bħas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kultura ta' tolleranza u inklużjoni abbażi ta' nonvjolenza, tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u oħrajn biex jipprevjenu, jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi ta' tali vjolenza b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex jgħinu lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u biex joħorġu fid-deher din il-kampanja ta' abbuż;
7. Jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw li jżidu l-ispazju ta' risistemazzjoni għall-vittmi, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miċ-Ċeċenja u biex iħaffu r-risistemazzjoni diretta ta' individwi li qegħdin jaħarbu minħabba tħassib dwar is-sikurezza;
8. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar ir-rapporti li l-awtoritajiet taċ-Ċeċenja jixtiequ jeħilsu mill-persuni gay kollha qabel ma jibda Ramadan;
9. Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni mir-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-qerda tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, tipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u tappoġġja lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;
Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni Lesbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transġeneru u Intersess (LGBTI)
10. Jilqa' l-Linji Gwida tal-Kunsill Affarijiet Barranin għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, adottati fl-24 ta' Ġunju 2013; jibqa' konvint li l-Linji Gwida jagħtu impetu importanti għall-promozzjoni tad-drittijiet ta' persuni LGBTI fid-dinja kollha;
11. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livelli ta' inkonsistenza ta' sensibilizzazzjoni u implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-LGBTI min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE u tar-rappreżentanzi tal-Istati Membri;
12. Jistieden, f'dan ir-rigward, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex iħeġġu implimentazzjoni aktar strateġika u sistematika tal-Linji Gwida, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-persunal tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex b'mod effettiv iqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u f'fora multilaterali, kif ukoll li jkunu appoġġjati l-isforzi mis-soċjetà ċivili;
13. Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha sabiex tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika taċ-Ċeċenja.
- [1] ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2016)0502.