Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0354/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0354/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

15.5.2017 - (2016/2998(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Lars Adaktusson, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Sandra Kalniete, David McAllister, Michael Gahler, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Lorenzo Cesa, Bogdan Andrzej Zdrojewski f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0345/2017

Proċedura : 2016/2998(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0354/2017
Testi mressqa :
B8-0354/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0354/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

(2016/2998(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Lulju 2016 u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa' prijorità kruċjali għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabilità u s-sigurtà reġjonali;

B.  billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri stabbiliti fl-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat ta' Iżrael sigur u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex biex it-taħditiet diretti favur il-paċi bejn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana jerġgħu jibdew minnufih;

C.  billi t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi kontra persuni ċivili u l-inċitament favur il-vjolenza qed jaggravaw bil-kbir in-nuqqas ta' fiduċja u huma fundamentalment inkompatibbli ma' riżoluzzjoni paċifika;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri stabbiliti fl-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tal-jedd għal awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

2.  Jenfasizza l-importanza li l-partijiet jerġgħu jibdew in-negozjati sustantivi mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li jilħqu paċi ġusta, dejjiema u komprensiva; jappella liż-żewġ partijiet biex jevitaw passi li jistgħu jagħtu x-xrara għal eskalazzjoni ulterjuri, inklużi miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tan-negozjati, jheddu l-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jiġġeneraw nuqqas ulterjuri ta' fiduċja; jappella liż-żewġ partijiet biex jiddikjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati, biex b'hekk jiddassoċjaw irwieħhom mill-ilħna li jirrifjutaw din is-soluzzjoni;

3.  Jemmen li t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi u l-inċitament favur il-vjolenza huma fundamentalment inkompatibbli mal-progress fir-rigward ta' soluzzjoni ta' żewġ stati paċifiċi; jinnota li, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja u tiġi evitata eskalazzjoni li ddgħajjef ulterjorment il-prospettivi għall-paċi, huwa kritiku li jiġi rispettat l-impenn favur azzjoni effikaċi kontra l-vjolenza, it-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għaliha;

4.  Jisħaq, filwaqt li jfakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali, li d-deċiżjonijiet riċenti biex jiġi stabbilit insedjament ġdid fil-qalba tax-Xatt tal-Punent, biex jinħarġu sejħiet għal offerti għal kważi 2 000 unità fl-insedjamenti u biex art oħra fil-qalba tax-Xatt tal-Punent tiġi ddikjarata bħala "art statali" jdgħajfu ulterjorment il-prospettivi favur soluzzjoni ta' żewġ stati vijabbli;

5.  Jisħaq li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà indikat waqt id-diskors tagħha waqt it-28 Summit tal-Lega tal-Istati Għarab nhar id-29 ta' Marzu 2017 li s-soluzzjoni ta' żewġ stati tibqa' l-uniku mod realistiku biex jintemmu l-kunflitt u l-pretensjonijiet kollha, u li l-UE se tkompli taħdem favur l-għaqda tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi għal dan l-għan, inkluż ma' sħabna l-Amerikani";

6.  Jilqa' l-fatt li l-UE lesta tinvolvi ruħha ulterjorment mas-sħab reġjonali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi li tipprovdi elementi kruċjali għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani, kif ukoll l-opportunità biex jinbena qafas ta' sigurtà reġjonali; jisħaq li l-UE, anke permezz tal-azzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tagħha, se taħdem b'mod attiv mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab fil-Kwartett, favur approċċ multilaterali mġedded lejn il-proċess ta' paċi;

7.  Jisħaq li r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti biex tinkiseb is-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jiddeplora n-nuqqas kontinwu ta' għaqda bejn il-Palestinjani; jappoġġa l-appell tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex iqiegħdu r-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-Awtorità Palestina fl-Istrixxa ta' Gaża fil-quċċata tal-prijoritajiet; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jerġgħu jagħtu bidu għall-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana jeħtiġilha tieħu responsabilità akbar f'dan ir-rigward u tassumi l-funzjoni governattiva tagħha fl-Istrixxa ta' Gaża, inkluż fl-oqsma tas-sigurtà u tal-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE trawwem inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja bejn l-atturi politiċi, mhux statali u ekonomiċi u biex jiġi stabbilit mudell ta' kooperazzjoni rigward kwistjonijiet konkreti; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-oqsma ta' politika fejn il-kooperazzjoni hija tal-akbar importanza għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, bħal pereżempju fil-qasam tal-ilma u tal-enerġija, u l-ħtieġa li jiġu appoġġati u jintużaw bħala bażi l-attivitajiet konġunti li jeżistu fir-reġjun, bħal pereżempju interkonnessjoni tal-ilma u tal-enerġija bejn Iżrael, it-Territorji Palestinjani u l-Ġordan;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant tal-Kwartett, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Knesset u l-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.