Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0355/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0355/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI  dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

15.5.2017 - (2017/2688(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8-0219/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Ilhan Kyuchyuk, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0349/2017

Proċedura : 2017/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0355/2017
Testi mressqa :
B8-0355/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0355/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

(2017/2688(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersess (LGBTI),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/95/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u dwar it-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru[2],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (O-000039 – B8-0219/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' April 2017 il-gazzetta indipendenti Russa Novaya Gazeta, ippubblikat l-ewwel rapporti li iżjed minn mitt raġel, gay jew perċepiti u meqjusa bħala gay, kienu ġew maħtufa u miżmuma fir-Repubblika awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata, allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;

B.  billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-vittmi li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tlett irġiel kienu nqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed maqtul mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ "qtil għall-unur";

C.  billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fuq il-post li jikkonfermaw li rġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira ta' detenzjoni mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;

D.  billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni (meqjusa bħala) gay huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-omofobija soċjetali b'saħħitha, u billi huma jirriskjaw li jispiċċaw vittmi ta' qtil għall-unur minn qrabathom;

E.  billi, wara snin ta' theddid u ripressjoni, kważi l-ebda ġurnalist inidipendenti jew attivist tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi l-uffiċjali u l-kjeriċi Ċeċeni heddew lill-gazzetta li esponiet għall-ewwel darba l-kampanja brutali kontra l-gay;

F.  billi fil-11 ta' Mejju 2017 ġew miżmuma ħames attivisti mill-pulizija Russa fiċ-ċentru ta' Moska peress li ppruvaw jieħdu petizzjoni ffirmata minn 2 miljun persuna lill-prosekuturi biex jappellaw għal investigazzjoni uffiċjali fl-allegati tortura u qtil ta' persuni gay fiċ-Ċeċenja; billi l-attivisti ġew rilaxxati aktar tard dik il-ġurnata;

G.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u għalhekk għandha d-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga r-reati mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;

H.  billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà usa', iżda wkoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni u jopponu l-attitudnijiet soċjali negattivi;

I.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 il-Federazzjoni Russa adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, b'tali mod li naqqset l-att ta' vjolenza fi ħdan il-familja minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet aktar dgħajfa għat-trasgressuri; billi l-Parlament iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni u jħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegati delitti;

2.  Jikkundanna l-istqarrija mill-kelliem għall-Gvern Ċeċen li tiċħad l-eżistenza ta' omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala "ġideb u diżinformazzjoni assoluta"; ifakkar lill-awtoritajiet li d-drittijiet għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni huma drittijiet universali u japplikaw għal kulħadd; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom miżmuma illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni legali u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;

3.  Jinnota li l-President Putin ta istruzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw il-ġrajjiet fiċ-Ċeċenja, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru appoġġ materjali u konsulenza lill-awtoritajiet Russi f'din l-investigazzjoni;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali u jħarsu l-istat tad-dritt, jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż għal persuni LGBTI, u biex jappoġġjaw tali azzjoni b'miżuri bħas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni ta' kultura ta' tolleranza u inklużjoni bbażata fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jsiru u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u ta' miżuri oħrajn li jipprevjenu, jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi ta' tali vjolenza b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;

6.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed tinvestiga l-kwistjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u jintensifikaw aktar l-isforzi biex jinvolvu ruħhom mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex tingħata għajnuna lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u sabiex din il-kampanja ta' abbuż toħroġ fid-deher; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri ta' talba għall-asil għal dawn il-vittmi skont id-dritt Ewropew u dak nazzjonali;

8.  Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha sabiex tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;

9.  Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni tar-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jippromwovu l-qerda tal-vjolenza domestika, jipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u jappoġġjaw lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika taċ-Ċeċenja.