Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0378/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0378/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċeljakija

15.5.2017

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8‑0378/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċeljakija

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja li llum il-ġurnata hija kkunsidrata bħala waħda mill-aktar patoloġiji frekwenti fid-dinja, iċ-ċeljakija (coeliac) spiss tibqa' ma tiġix dijanjostikata u bilkemm magħrufa u li, minħabba l-ħafna aspetti tal-preżentazzjoni klinika, id-dijanjosijiet effettivi jissottostimaw id-dimensjoni epidemjoloġika tagħha;

B.  billi, fuq il-bażi ta' bosta data, huwa mifhum li ċ-ċeljakija tirrigwarda perċentwal tal-popolazzjoni dinjija bejn 0,5 % u 1 % (Association of European coeliac societies); billi ċ-ċeljakija hija tabilħaqq kundizzjoni frekwenti fl-Ewropa kollha, iżda fil-biċċa l-kbira għadha mhux dijanjostikata biżżejjed, anki fil-pajjiżi b'livelli ogħla ta' attenzjoni u għarfien medikosoċjali;

C.  billi ċ-ċeljakija, fl-istadju inizjali tagħha, tikkaġuna sens ġenerali ta' debbulizza, u aktar tard iżda tipproduċi firxa ta' sintomi differenti; billi, b'dieta xierqa mingħajr glutina, il-pazjent b'sintomi ta' ċeljakija jista' jerġa' jieħu saħħtu għalkollox; billi l-kundizzjoni taċ-ċeljakija, jekk mhux ittrattata kif suppost, tikkawża sensiela ta' ħsarat lill-apparat diġestiv u speċifikament lill-musrana l-irqiqa;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva attivitajiet ta' prevenzjoni kif ukoll ta' għarfien tal-problema dwar din il-marda li tinħass partikolarment f'ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, sabiex il-konsegwenzi taċ-ċeljakija jkunu dejjem anqas u aktar limitati.