Proċedura : 2017/2653(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0382/2017

Testi mressqa :

B8-0382/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 19
CRE 31/05/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.13
CRE 01/06/2017 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0244

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 44k
24.5.2017
PE605.483v01-00
 
B8-0382/2017

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0311/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (2017/2653(RSP))


Alain Cadec f'isem il-Kumitat għas-Sajd
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (2017/2653(RSP))  
B8-0382/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(1) u l-objettivi tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU li jmiss b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani), li se titlaqqa' fil-kwartieri ġenerali tan-NU mill-5 sad-9 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-raba' konferenza ta' livell għoli "Our Ocean", li se tiġi organizzata mill-Unjoni Ewropea f'Malta fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali dwar is-Sajd fil-Mediterran li saret f'Malta fit-30 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna" (JOIN(2016)0049),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (O-000031/2017 – B8-0311/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-oċeani u l-ibħra huma essenzjali għall-ħajja, il-benessri u l-futur tagħna; billi d-deterjorament rapidu attwali tas-saħħa tal-oċeani – minħabba t-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, l-ibbliċjar tal-koralli, iż-żieda fil-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut, u ż-żieda fl-ammont ta' żibel fil-baħar – qed iwissina li wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni sabiex nimmobilizzaw it-tmexxija neċessarja biex inħarsu l-oċeani tagħna;

B.  billi l-Kummissarju Vella appella għal azzjoni u impenn ulterjuri min-naħa tal-UE biex jitħarsu l-ibħra u l-oċeani tagħna;

1.  Jilqa' l-inizjattiva meħuda biex titlaqqa' l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU bil-għan li ssir enfasi fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq livell globali sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-oċeani;

2.  Jinnota li minkejja l-impenn tad-dinja li tnaqqas is-sajd eċċessiv sal-2015, impenn li ttieħed fl-2002 waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg, 31,4 % tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja għadhom qed jiġu soġġetti għal sajd eċċessiv; ifakkar li s-sajd eċċessiv jikkostitwixxi theddida serja, mhux biss għall-ekosistemi tal-baħar kollha kemm huma, iżda wkoll għas-sigurtà alimentari u s-sostenibilità ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali fid-dinja kollha;

3.  Jinsab imħasseb li l-aċidifikazzjoni tal-oċeani minħabba livelli dejjem ogħla ta' diossidu tal-karbonju qed ikollha impatti negattivi fuq bosta organiżmi tal-baħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri ta' adattament u mitigazzjoni transettorjali effikaċi bil-għan li tinbena reżiljenza għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-impatti ta' ħsara minħabba t-tibdil fil-klima, fuq l-oċeani kif ukoll fuq l-ekosistemi kostali;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa biex fil-ġestjoni tas-sajd globali jiġi implimentat approċċ prekawzjonarju u bbażat fuq l-ekosistemi kif minqux fit-Trattati u fil-PKS, bil-għan li jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut sfruttati u jinżammu 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati jirrispettaw ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom bħala stati tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq, b'mod partikolari billi:

•  l-istati tal-bandiera – jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ta' ġestjoni internazzjonali u nazzjonali biex jiżguraw li l-bastimenti li jkunu qed itajru l-bandiera tagħhom jirrispettaw ir-regoli;

•  l-istati tal-kosta – jiżguraw li fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isir sajd sostenibbli u jikkontrollaw l-aċċess għal dawn l-ibħra bil-għan li jipprevjenu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

•  l-istati tal-port – jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-FAO (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti);

•  l-istati tas-suq – jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm koordinament aħjar bejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-politika tal-kummerċ u tas-suq;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkonservati minn tal-anqas 10 % taż-żoni kostali u marini, f'konformità mal-SDG 14.5;

7.  Jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 14.7 f'dak li jikkonċerna ż-żieda tal-benefiċċji ekonomiċi għal stati ġżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-użu sostenibbli tar-riżorsi marini, fosthom permezz tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, l-akwakultura u t-turiżmu;

8.  Jappella biex tittejjeb il-ġestjoni tas-sajd sostenibbli, fosthom permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza;

9.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni reġjonali msaħħa bejn l-istati kollha fil-ġestjoni tas-sajd bil-għan li jsir sfruttament sostenibbli u ekwu tal-ispeċijiet migratorji, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-istimi xjentifiċi tal-istokk, il-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd kif mitlub mill-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut tal-1995 u t-tliet Konferenzi ta' Rieżami tal-2006, l-2010 u l-2016; jemmen li l-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment għandhom ikunu koperti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b'setgħat miżjuda bil-għan li jissaħħu b'mod effiċjenti d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu aktar il-prinċipji u l-objettivi tal- PKS;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba biex titqassam lill-Partijiet li mhumiex membri tal-UE.

(1)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza