MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar stqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna
29.5.2017 - (2017/2586(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Goerens f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Rosa D’Amato f'isem il-Grupp EFDD
B8-0387/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar stqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-ftehim milħuq mill-Kunsill Affarijiet Barranin (Żvilupp), il-Kummissjoni u l-Parlament dwar Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna" (COM(2016)0740),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp[1] u b'mod partikolari dik tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005 b'tali mod li jirrifletti l-kuntest il-ġdid tal-iżvilupp globali wara l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll il-bidliet fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali tal-UE minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona;
2. Jirrikonoxxi l-importanza ta' Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp bħala dokument strateġiku ewlieni li jistabbilixxi viżjoni, valuri u prinċipji komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politiki ta' kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp;
3. Jirrikonoxxi r-rikonoxximent mill-Kunsens il-ġdid li l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis u, fit-terminu twil, il-qerda tal-faqar skont l-Artikolu 208 tat-TFUE; jemmen, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-inugwaljanzi, kif rikonoxxut mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, irid ikun ukoll waħda mill-miri; itenni li dan jenħtieġ li jsir f'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi: is-sjieda tal-prijoritajiet għall-iżvilupp minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubiji inklużivi, u t-trasparenza u r-responsabbiltà; ifakkar fil-pożizzjoni adottata mill-Parlament dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u għar-responsabbiltà, dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u dwar is-sigurtà u l-iżvilupp;
4. Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettiv ta' 0,7 % tal-ODA/GNI (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp/Dħul Nazzjonali Gross); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, u biex il-progress jiġi rrappurtat fuq bażi annwali lill-Parlament;
5. Josserva li ċerti proposti reċenti jistgħu jitqiesu bħala ffukar mill-ġdid fuq il-politika tal-iżvilupp mill-perspettiva l-ġdida tal-ġestjoni tal-migrazzjoni; jemmen li jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda kundizzjonalità bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u jopponi kwalunkwe tentattiv biex l-għajnuna tintrabat mal-kontrolli fil-fruntieri, il-ġestjoni tal-flussi migratorji jew il-ftehimiet ta' riammissjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' skrutinju parlamentari mill-qrib u ta' monitoraġġ tal-ftehimiet marbuta mal-ġestjoni tal-migrazzjoni u ta' użu marbut mal-migrazzjoni ta' fondi għall-iżvilupp;
6. Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi segwita b'mod strett ir-riforma reċenti tal-ODA dwar l-użu ta' strumenti tal-iżvilupp għall-politika tas-sigurtà billi jiġi applikat objettiv ċar dwar il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;
7. Ma jappoġġjax l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna, minħabba d-diverġenza tagħha mill-pożizzjoni tal-Parlament fuq dawn l-elementi ewlenin u l-fatt li l-Kunsens il-ġdid ikun jikkostitwixxi pass lura meta mqabbel mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp maqbul fl-2005;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2017)0026.