Proċedura : 2017/2636(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0396/2017

Testi mressqa :

B8-0396/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.11
CRE 14/06/2017 - 8.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0265

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 522kWORD 55k
7.6.2017
PE605.505v01-00
 
B8-0396/2017

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0217/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


Dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh (2017/2636(RSP))


Bernd Lange, Sajjad Karim f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh (2017/2636(RSP))  
B8-0396/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Bangladesh(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Jannar 2014(5), tal-21 ta' Novembru 2013(6) u tal-14 ta' Marzu 2013,(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(8) u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ''Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli"(10), u dwar ''Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv"(11),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp (SWD(2017)0147),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direzzjoni tal-politika dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħha wara l-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd - Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fir-rigward tad-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ħwejjeġ Lesti Biex Jintlibsu u tal-Maljerija fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istatus Tekniku tal-Patt ta' Sostenibbiltà tal-Bangladesh ta' Lulju 2016 u tal-24 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' missjoni tat-23 ta' Jannar 2017 tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali wara ż-żjara tad-delegazzjoni ad hoc fil-Bangladesh (Dhaka) mill-15 sas-17 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-programm tal-Bangladesh għal Xogħol Aħjar tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), imniedi f'Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Missjoni Tripartitika ta' Livell Għoli tal-ILO, u l-osservazzjonijiet tal-2017 tal-Kumitat ta' Esperti tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Konvenzjonijiet 87 u 98,

–  wara li kkunsidra l-paragrafu speċjali fir-rapport tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards tal-Konferenza tal-ILO tal-2016, u wara li kkunsidra l-ilment imressaq fl-2017 quddiem il-Kumitat tal-ILO dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni rigward it-trażżin ta' ħaddiema ta' fabbriki tal-ħwejjeġ f'Ashulia mill-gvern f'Diċembru 2016 u l-ilment imressaq quddiem il-Mandati Speċjali tan-NU, anki dan dwar it-trażżin f'Ashulia,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Aggregat Trimestrali tal-Ftehim dwar il-progress tar-rimedjazzjoni fil-fabbriki tal-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu koperti mill-Ftehim tal-31 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà fil-Bangladesh' (O-000037/2017 – B8-0217/2017),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Bangladesh sar it-tieni l-akbar produttur tal-ħwejjeġ madwar id-dinja u s-settur tat-tessuti tiegħu huwa responsabbli għal kważi 81 % tal-esportazzjonijiet totali; billi 60 % tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh tmur għall-UE, li hija s-suq ewlieni għall-esportazzjoni tal-pajjiż;

B.  billi l-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu attwalment timpjega 4,2 miljun persuna f'mhux inqas minn 5 000 fabbrika u b'mod indirett issostni l-għajxien ta' 40 miljun ruħ – madwar kwart tal-popolazzjoni tal-Bangladesh; billi l-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu kienet ta' kontribut importanti għat-tnaqqis tal-faqar u għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa; billi n-nisa, l-aktar dawk minn żoni rurali, jirrappreżentaw 80 % tas-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu fil-Bangladesh; billi, minkejja dan, 80 % tal-ħaddiema għadhom impjegati fis-settur informali; billi n-natura kumplessa tal-katina tal-provvista tal-ħwejjeġ u l-livell baxx ta' trasparenza tagħha jiffaċilitaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jżidu l-isfruttament; billi l-paga minima fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu baqgħet taħt is-soll tal-faqar tal-Bank Dinji;

C.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija xprun tal-iżvilupp; billi d-drittijiet tan-nisa jaqgħu taħt l-ispettru tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funżjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi b'mod ċar li "Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa." u, għalhekk, l-UE għandha d-dmir li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-irġiel u n-nisa jibbenefikaw b'mod ugwali mill-bidliet soċjali, mit-tkabbir ekonomiku u mill-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li titneħħa d-diskriminazzjoni u jitħeġġeġ ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa fid-dinja;

D.  billi madwar 10 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu hija impjegata f'Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni; billi l-Att dwar ix-Xogħol rigward iż-Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni ma jagħtix drittijiet bażiċi suffiċjenti lill-ħaddiema apparagun ta' ħaddiema oħra fi bnadi oħra tal-Bangladesh; billi huwa ppjanat li ssir espansjoni kbira taż-Żoni ta' Pproċessar għall-Esportazzjoni;

E.  billi l-preferenzi kummerċjali unilaterali ġenerużi skont l-inizjattiva ''Kollox ħlief armi'' għall-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), minquxa fir-regolament tal-SĠP tal-UE, li jagħtu aċċess mingħajr tariffi għat-tessuti tal-Bangladesh skont regoli flessibbli ta' oriġini, ikkontribwixxew b'mod sinifikanti għall-istorja ta' suċċess tal-esportazzjonijiet imdaqqsa tal-ħwejjeġ u tat-tkabbir tal-impjiegi tal-Bangladesh;

F.  billi dawn il-preferenzi kummerċjali huma minquxa fil-prinċipju tal-UE tal-promozzjoni ta' kummerċ ġust u ħieles, u għalhekk jippermettu li l-UE tissospendi l-benefiċċji tal-SĠP fil-każijiet l-aktar serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-Kapitolu V, Artikolu 19, punt 1(a) tar-Regolament SĠP, li jistipula li t-trattament preferenzjali jista' jiġi rtirat temporanjament minħabba għadd ta' raġunijiet, inkluż minħabba ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII, fosthom it-tmien konvenzjonjiet fundamentali tal-ILO;

G.  billi abbażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni u s-SEAE nedew, fil-bidu tal-2017, djalogu msaħħaħ dwar id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem bl-għan li tinkiseb konformità aħjar mal-prinċipji ta' dawk il-konvenzjonijiet;

H.  billi l-ILO ddedikat paragrafu speċjali għall-Bangladesh fir-rapport tal-Kumitat tagħha dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards mill-konferenza tagħha fl-2016, u sabet li l-pajjiż wettaq ksur serju tal-obbligi tiegħu skont il-Konvenzjoni 87 (il-libertà ta' assoċjazzjoni); billi fl-2015, l-ILO rrapportat li 78 % tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trade unions ġew irrifjutati, minħabba taħlita ta' ostilità fir-rigward tal-unions min-naħa ta' diriġenti tal-fabbrika u ċerti politiċi u inkapaċità amministrattiva biex dawn jiġu rreġistrati;

I.  billi, skont diversi rapporti, mill-2006, kien hemm mijiet ta' ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ li mietu f'diversi nirien f'fabbriki fil-Bangladesh, iżda sfortunatament il-bosta diriġenti u sidien tal-fabbriki responsabbli qatt ma tressqu quddiem il-ġustizzja; billi huwa stmat li kull sena jinqatlu madwar 11 700 ħaddiem f'inċidenti fatali u 24 500 oħra jmutu minn mard relatat max-xogħol, fis-setturi kollha;

J.  billi l-paga minima attwali ta' 5 300 takas (BDT) jew USD 67 fix-xahar ilha ma tiżdied mill-2013 u l-bord dwar il-paga minima ma ġiex imsejjaħ;

K.  billi mill-21 ta' Diċembru 2016, wara l-istrajks u d-dimostrazzjonijiet tal-ħaddiema tas-settur tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh favur pagi ogħla, l-awtoritajiet arrestaw u żammew b'mod arbitrarju mill-inqas 35 kap ta' union jew avukat, għalqu uffiċċji tal-NGOs u tal-unions, u ssospendew jew keċċew madwar 1 600 ħaddiem minħabba li pprotestaw kontra l-pagi baxxi fl-industrija tal-ħwejjeġ;

L.  billi l-Bangladesh jinsab fil-145 post minn 177 pajjiż fl-Indiċi tat-Trasparenza; billi l-korruzzjoni hija endemika fil-katina tal-provvista globali tal-ħwejjeġ u tinvolvi kemm il-klassi politika kif ukoll l-amministrazzjonijiet lokali;

M.  billi għadd ta' inizjattivi promettenti mmexxija mis-settur privat, bħall-Ftehim tal-Bangladesh dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini (il-Ftehim), ikkontribwixxew b'mod moderatament pożittiv għat-titjib tal-istandards tal-katina tal-provvista u tas-sikurezza tal-forza tax-xogħol matul dawn l-aħħar 20 sena f'termini ta' żieda tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katina tal-provvista tal-ħwejjeġ;

N.  billi l-konklużjonijiet tar-rieżamijiet suċċessivi tal-Ftehim fl-2014, l-2015 u l-2016 jirrappurtaw li l-awtoritajiet tal-Bangladesh kisbu titjib tanġibbli f'ċerti oqsma, u jirrikonoxxu l-kontribut tal-Ftehim għat-titjib moderat tas-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu; billi l-progress relatat mad-drittijiet tal-ħaddiema kien aktar diffiċli u f'dawn l-aħħar snin ma ġiet osservata l-ebda evoluzzjoni sostanzjali f'dan il-qasam; billi skont l-ILO, in-nuqqasijiet fl-emendar u l-implimentazzjoni tal-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladesh tal-2013 qed jirriżultaw f'ostakli gravi għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' assoċjazzjoni u għar-reġistrazzjoni tat-trade unions, speċjalment fis-settur tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni; billi l-ħaddiema fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni ġew miċħuda d-dritt li jissieħbu ma' trade union;

O.  billi wara d-diżastru, kien hemm domanda bla preċedent min-naħa tal-konsumaturi Ewropej għal aktar informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u dwar il-kundizzjoni li fihom jiġu prodotti; billi ċ-ċittadini Ewropej ressqu għadd kbir ta' petizzjonijiet u organizzaw kampanji biex jesiġu responsabbiltà akbar mid-ditti tal-ħwejjeġ biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati b'mod etiku;

Negozju responsabbli fil-Bangladesh - primarjament kompitu nazzjonali

1.  Jenfasizza li minkejja rekord impressjonanti fit-tkabbir u l-iżvilupp tul dawn l-aħħar snin, hemm bżonn li l-Bangladesh jagħmel sforzi mdaqssa fuq tul ta' żmien sabiex jikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli u aktar inklużiv; jenfasizza li f'dan is-sens huwa essenzjali li r-riformi strutturali jwasslu għal żieda fil-produttività u diversifikazzjoni ulterjuri tal-esportazzjonijiet u jissieltu kontra l-korruzzjoni;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh biex, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità, isaħħaħ il-livell ta' impenn tiegħu rigward it-titjib tas-sikurezza, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ, u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-bini u tal-fabbriki, ikompli jżid il-finanzjament tal-gvern għall-ispettorat tax-xogħol, ikompli jingaġġa u jħarreġ iżjed spetturi tal-fabbriki, jipprevedi kundizzjonijiet biex inaqqas ir-rata ta' ċaqliq tal-ispetturi tax-xogħol, jistabbilixxi pjan ta' ħidma annwali għal spezzjonijiet ta' segwitu ta' fabbriki soġġetti għal rimedju, u jestendi l-ispezzjonijiet tal-bini u tal-fabbriki għal setturi oħra;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jemenda l-Att tax-Xogħol tal-2013 sabiex jindirizza l-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv b'mod effettiv, jippromwovi d-djalogu soċjali, jiżgura r-reġistrazzjoni rapida u mhux arbitrarja tat-trade unions, jiżgura l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effikaċi tal-allegazzjonijiet ta' diskriminazzjoni kontra l-unions u prattiki tax-xogħol inġusti, jiggarantixxi qafas leġiżlattiv għall-kwistjonijiet tax-xogħol li jkun konformi b'mod sħiħ mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari b'konformità sħiħa mal-Konvenzjonijiet Nru 87 u 98 tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u negozjar kollettiv, u jiżgura li jiġi implimentat b'mod effettiv; iħeġġeġ ukoll lill-gvern biex jiżgura li l-liġi li tirregola ż-Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni tippermetti l-libertà sħiħa ta' assoċjazzjoni b'konformità mal-istess standards internazzjonali, u jinvestiga b'mod attiv, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-atti kollha ta' diskriminazzjoni kontra l-unions;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh, lill-assoċjazzjonijiet tal-industrija u lis-sidien tal-fabbriki biex iwettqu ħidma ta' rimedju għall-fabbriki kollha tal-ħwejjeġ lesti biex jintlibsu orjentati lejn l-esportazzjoni, u jiżguraw li t-tiswijiet u l-ispezzjonijiet ta' segwitu l-oħra jitwettqu u jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-utilità tal-fondi mmobilizzati mid-donaturi u l-importanza ta' appoġġ finanzjarju effikaċi;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh biex immedjatament jerġa' jlaqqa' l-bord dwar il-paga minima u jistabbilixxi frekwenza iqsar għar-reviżjoni tal-pagi;

Inizjattivi tas-settur privat - kontribuzzjoni effettiva u siewja

6.  Jistieden lill-bejjiegħa bl-imnut u d-ditti internazzjonali u lis-settur privat tal-Bangladesh jibqgħu impenjati li jħarsu l-liġijiet tax-xogħol u jimplimentaw miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva, u jtejbu r-rekord tagħhom fir-rigward tal-prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż billi jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema fis-settur tal-ħwejjeġ tal-Bangladesh u jiġi ffaċilitat l-għoti ta' informazzjoni trasparenti dwar liema fabbriki qed jipproduċu l-oġġetti, u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-inizjattivi rilevanti; jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ħidma tad-ditti u l-bejjiegħa bl-imnut globali biex jiġi adottat kodiċi ta' kondotta unifikat għall-awditjar tal-fabbriki fil-Bangladesh;

7.  Jenfasizza l-kisbiet tal-involviment tas-settur tan-negozju privat, f'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Bangladesh u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-pajjiż, permezz tal-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini; jinnota, madankollu, li minkejja l-progress miksub rigward is-sikurezza kontra n-nirien u s-sikurezza tal-bini, is-sħab tal-Ftehim xorta għadhom imħassba dwar il-pass kajman biex jiġu rimedjati kompletament il-kwistjonijiet kritiċi ta' sikurezza; jistieden lill-partijiet tal-Ftehim itawlu l-impenn tagħhom permezz tiegħu għal perjodu ieħor ta' ħames snin, qabel ma jispiċċa l-ftehim attwali fit-12 ta' Mejju 2018; jistieden lill-gvern, kif ukoll lis-settur tan-negozju tal-Bangladesh, jirrikonoxxu l-utilità tal-impenn tal-bejjiegħa bl-imnut fil-Bangladesh permezz tal-Ftehim, u jappoġġaw l-estensjoni tal-mandat mogħti lis-sħab tal-Ftehim fil-Bangladesh;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh u lis-settur privat ikomplu bl-inizjattivi tagħhom immirati lejn il-kumpens finanzjarju u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, jiżviluppaw strateġija effettiva ta' impjieg mill-ġdid u joffru appoġġ għall-ħiliet intraprenditorjali u tal-għajxien;

L-UE u l-komunità internazzjonali - responsabbiltà kondiviża

9.  Jappoġġa l-attivitajiet ta' segwitu tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh u d-djalogu msaħħaħ tal-Kummissjoni u s-SEAE dwar id-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem mal-Bangladesh, bl-għan li jkun hemm konformità aħjar mal-prinċipji tal-konvenzjonijiet elenkati fir-regolament tal-SĠP;

10.  Jappoġġa l-eżami mill-Kummissjoni tal-possibilità ta' inizjattiva madwar l-UE kollha b'rabta mas-settur tal-ħwejjeġ, b'inizjattivi volontarji u kodiċi ta' kondotta stretti bħala l-prinċipji ewlenin tagħha; jieħu nota tad-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp, u jtenni t-talba tiegħu li ma tillimitax ruħha biss għal dak id-dokument ta' ħidma, iżda li tinkludi l-kunsiderazzjoni possibbli ta' leġiżlazzjoni vinkolanti dwar id-diliġenza dovuta; jenfasizza barra minn hekk li l-koordinazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-impenn tal-gvernijiet li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' qafas xierqa jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-effiċjenza tal-inizjattivi privati u pubbliċi tal-katina tal-valur u jgħinu biex jinkisbu riżultati pożittivi b'rabta mal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-importanza kemm tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi sabiex tiżdied it-trasparenza, kif ukoll tal-appoġġ tal-isforzi favur it-titjib tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali, is-sikurezza tal-prodotti u l-konsum sostenibbli;

11.  Huwa tal-fehma li l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, fejn l-UE hija attur ewlieni, jista' jservi bħala mudell għat-twaqqif ta' sħubiji simili ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika l-kooperazzjoni tagħha fil-livell internazzjonali ma' organizzazzjonijiet bħall-ILO, l-OECD u n-NU fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u s-CSR;

12.  Jappoġġa l-isforzi tal-grupp ta' ħidma miftuħ tan-NU, stabbilit bl-għan li jfassal trattat vinkolanti tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv ffin-negozjati li jirriżultaw;

13.  Jenfasizza li jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà ma tmurx għall-aħjar u t-theddid li mill-estremisti fil-Bangladesh ma jiġix indirizzat b'mod sistematiku, dan se jkollu effett dirett fuq l-investiment fil-pajjiż, li fl-aħħar mill-aħħar se jżomm lura l-iżvilupp fit-tul u l-ħajjiet taċ-ċittadin komuni;

Konklużjonijiet

14.  Jenfasizza li s-settur tal-ħwejjeġ ta' kwalità għolja huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Bangladesh, u li l-espansjoni tiegħu ippermettiet lil numru kbir ta' ħaddiema, speċjalment lin-nisa, jimxu mill-ekonomija informali għal dik formali; iwissi kontra inizjattivi li jistgħu jwasslu għad-diżimpenn ta' negozji tal-UE u oħrajn mill-Bangladesh, u li jkunu ta' ħsara mhux biss għar-reputazzjoni tal-pajjiż iżda, l-aktar importanti, għall-prospetti futuri ta' żvilupp tiegħu;

15.  Jenfasizza li huwa l-kompitu kondiviż tal-Gern tal-Bangladesh, is-settur privat lokali, il-komunità internazzjonali u s-sħab kummerċjali li jikkontribwixxu għall-għan prijoritarju ta' aġir ta' negozju responsabbli;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0414.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0175.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0024.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0196.

(5)

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 149.

(6)

ĠU C 436, 24.11.2016, p. 39.

(7)

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 149.

(8)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(9)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.

(10)

ĠU C 24, 22.1.2016, p. 28.

(11)

ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2016)0299.

Avviż legali - Politika tal-privatezza