Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0401/2017

Testi mressqa :

B8-0401/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0397/2017
7.6.2017
PE605.511v01-00
 
B8-0401/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo  (2017/2703(RSP))


Elena Valenciano, Maria Arena, Cécile Kashetu Kyenge, Soraya Post f'isem il-Grupp S&D

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo  (2017/2703(RSP))  
B8-0401/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tat-23 ta' Ġunju 2016(1), tal-1 ta' Diċembru 2016(2) u tat-2 ta' Frar 2017(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / il-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u mill-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2016 u tad-29 ta' Mejju 2017 dwar l-adozzjoni ta' sanzjonijiet kontra individwi responsabbli għall-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2348(2017) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-7910 laqgħa tiegħu fil-31 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni diffiċli umanitarja u tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo kompliet tmur għall-agħar b'riżultat tal-kriżi politika kkawżata min-nuqqas ta' konformità mal-Kostituzzjonai nazzjonali;

B.  billi f'Awwissu 2016 kien hemm ġlied armat bejn l-armata Konġoliża u l-milizzji lokali fil-provinċja ta' Kasai Ċentrali u nfirex fil-provinċji tal-madwar - Kasai tal-Lvant, Lomami u Sankuru - u kkawża kriżi umanitarja u wassal għal aktar minn 42 qabar tal-massa, il-qerda ta' djar, skejjel u faċilitajiet mediċi, u l-ispostar intern ta' aktar minn 1.3 miljuni ċivili;

C.  billi l-iskoperta f'Marzu 2017 tal-assassinju ta' esperti tan-NU wasslet għal talbiet biex issir investigazzjoni internazzjonali;

D.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU nieda appell għal USD 64.5 miljun f'April 2017 għal assistenza umanitarja urġenti fir-reġjun ta' Kasai; billi kważi 400 000 tifel u tifla jinsabu f'riskju ta' malnutriment akut fir-reġjun usa' ta' Kasai bħala riżultat tal-vjolenza;

E.  billi l-kriżi f'Kasai qed isseħħ fil-kuntest tat-tranżizzjoni politika fir-RDK wara t-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tal-President Kabila u l-impenn tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jirrispettaw u jimplimentaw il-Ftehim Politiku tal-31 ta' Diċembru 2016 taħt l-awspiċju tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO);

F.  billi kien hemm rapporti li qed jiżdiedu min-naħa tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jesprimu tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed teħżien fil-pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni, l-għaqda u d-demostrazzjoni fil-pajjiż, il-forza eċċessiva użata kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u l-oppożizzjoni politika, u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, b'mod partikolari mwettqa mill-armata u l-milizzji;

G.  billi eluf ta' persuni ħarbu mill-ħabs ta' Makala, u ħafna oħrajn ħarbu mill-ħabsijiet ta' Kasangulu u Kalemie;

H.  billi s-sitwazzjoni fil-pajjiż għandha implikazzjonijiet għar-reġjun; billi l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss paċifiċi, trasparenti, bla intoppi u f'waqthom hija vitali għas-sigurtà tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

I.  billi, taħt il-mandat tagħha li ġġedded f'April 2017, MONUSCO jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċivili u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku tal-31 ta' Diċembru 2016;

J.  billi l-UE adottat miżuri restrittivi fit-12 ta' Diċembru 2016 kontra seba' individwi b'rispons għall-ostakolar tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u fid-29 ta' Mejju 2017 kontra disa' individwi oħra li għandhom pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fl-amministrazzjoni tal-Istat u fil-katina tal-kmand tal-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

1.  Jinsab imħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u umanitarja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe att ta' vjolenza minn kull naħa, u jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jiggarantixxu s-sigurtà tal-popolazzjoni b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali;

2.  Ifakkar li l-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi liċ-ċivili fit-territorju tiegħu u li huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluża protezzjoni minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

3.  Ifakkar l-impenji li ħadet ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo taħt il-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-libertà ta' espressjoni u tal-mezzi tax-xandir, il-governanza t-tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi;

4.  Jappoġġja l-ħolqien ta' kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali sabiex tixħet dawl fuq il-vjolenza fir-reġjun ta' Kasai u biex jiġi żgurat li l-awturi ta' dawn il-massakri jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

5.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet; itenni t-talbiet tiegħu għal elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi trasparenti, liberi u ġusti qabel tmiem l-2017 f'konformità mal-ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016; jitlob l-implimentazzjoni bikrija tal-impenji tal-ftehim, b'mod partikulari l-emendar u l-adozzjoni tal-liġijiet meħtieġa fil-parlament Kongoliż qabel tmiem is-sessjoni parlamentari;

6.  Jinnota r-rati għolja ta' parteċipazzjoni s'issa mill-inizjattivi ta' reġistrazzjoni ta' votanti mwettqa mill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI); ifakkar li s-CENI trid tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva; jitlob il-ħolqien immedjat ta' kunsill nazzjonali għall-monitoraġġ tal-ftehim u l-proċess elettorali, skont il-ftehim politiku tal-2016;

7.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timmobilizza aktar riżorsi biex tindirizza l-kriżi umanitarja fil-privinċja ta' Kasai; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Kongo jiżguraw il-kunsenja bla intoppi u f'waqtha tal-għajnuna mill-organizzazzjonijiet umanitarji lill-popolazzjoni;

8.  Jinnota bi tħassib ir-riskju ta' destabbilizzazzjoni reġjonali; ifakkar b'mod partikolari r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie u l-Unjoni Afrikana fil-medjazzjoni biex tinġieb lura l-istabbiltà fil-pajjiż;

9.  Ifakkar l-importanza li l-individwi jinżammu responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u azzjonijiet oħra li jdgħajfu soluzzjoni kunsenswali u paċifika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jappoġġja l-użu ta' sanzjonijiet immirati tal-UE kontra l-individwi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, bi sħubija man-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie biex jinvolvu ruħhom fi djalogu bl-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali; ifakkar ukoll fil-possibiltà li l-miżuri restrittivi jiġu estiżi fil-każ ta' vjolenza ulterjuri, kif previst fil-Ftehim ta' Cotonou;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0479.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0017.

Avviż legali - Politika tal-privatezza