Proċedura : 2017/2703(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0402/2017

Testi mressqa :

B8-0402/2017

Dibattiti :

PV 13/06/2017 - 11
CRE 13/06/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2017 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0264

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 432kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0397/2017
7.6.2017
PE605.512v01-00
 
B8-0402/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))


Michael Gahler, Bogdan Brunon Wenta, Mariya Gabriel, Paul Rübig, Cristian Dan Preda, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, György Hölvényi, Maurice Ponga, Joachim Zeller, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Željana Zovko, Brian Hayes, Ádám Kósa, Anna Záborská, Adam Szejnfeld, Dariusz Rosati, Francesc Gambús, Julia Pitera, Andrzej Grzyb, Jarosław Wałęsa, Ivo Belet, Tomáš Zdechovský, Rosa Estaràs Ferragut, Claude Rolin, Andrey Kovatchev, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Lorenzo Cesa, Daniel Caspary f'isem il-Grupp PPE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2017/2703(RSP))  
B8-0402/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tal-10 ta Marzu 2016(1), tat-23 ta' Ġunju 2016(2), tat-28 ta' Novembru 2016 u tal-25 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Marzu 2017 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-omiċidju ta' esperti tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/905 tad-29 ta' Mejju 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-28 ta' Marzu 2017 tal-Unjoni Afrikana, tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar is-sitwazzjoni fil-provinċji Kasaï fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dwar id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tas-16 ta' Frar 2017 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,  

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u għar-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u tas-6 ta' Marzu 2017 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar it-tħassib tiegħu dwar l-isfidi tal-implimentazzjoni tal-ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016 u fejn jisħaq dwar l-importanza tal-investigazzjonijiet dwar il-vjolenza reċenti fil-Kasaï,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Jannar 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, dwar il-konklużjoni ta' ftehim politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mo partikolari r-riżoluzzjonijiet  2348(2017), li ġġedded il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni presidenzjali tal-KSNU li tilqa' l-iffirmar ta' ftehim politiku komprensiv u inklużiv dwar il-kalendarju elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs it-terminu tat-28 ta' Diċembru 2016 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, iffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżijiet umanitarji u militari persistenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo diġà kkawżaw il-mewt ta' madwar 5 miljun persuna;

B.  billi s-sitwazzjoni qed tkompli tiddeterjora, partikolarment fil-Lvant tal-pajjiż, fejn il-gruppi armati barranin u domestiċi, inklużi l-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) jibqgħu jwettqu massakri sporadiċi ta' persuni ċivili, spiss għal raġunijiet etniċi u b'impunitá totali, kif ukoll abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, bħal attakki immirati kontra l-persuni ċivili, vjolenza sesswali u sessista mifruxa, ir-reklutaġġ u l-użu sistematiku ta' tfal għal skopijiet militari, u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji;

C.  billi sa minn Awwissu 2016, il-provinċja Kasaï rat żieda qawwija ta' vjolenza bejn il-forzi tal-gvern u tal-milizzja; billi din il-vjolenza diġá kkawżat il-mewt ta' mijiet ta' persuni u sfurzat lil miljun persuna biex jaħarbu minn djarhom; billi r-rapporti tan-NU ddokumentaw ksur massiv tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-massakri ta' persuni ċivili, kif ukoll l-eżistenza ta' 40 oqbra tal-massa;

D.  billi n-nuqqas ta' azzjoni u s-silenzju min-naħa tal-President Kabila dwar dawn l-atroċitajiet li qed jiġi allegat li twettqu kemm mill-gruppi ta' ribelli armati kif ukoll mill-forzi militari tal-istat, huma preokkupanti ħafna;

E.  billi n-nisa u t-tfal huma l-vittmi primarji tal-kunflitt; billi l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru hi mifruxa, u spiss tintuża bħala tattika tal-gwerra;

F.  billi d-19 ta' Diċembru 2016 immarka t-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tal-President Kabila; billi qed jittardja l-elezzjoni u żamm il-poter, biex b'hekk aggrava t-tensjoni politika, l-inkwiet u l-vjolenza madwar il-pajjiż u kkawża l-mewt ta' għexieren ta' persuni;

G.  billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jirrapporta kontinwament dwar l-aggravar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fil-pajjiż, inkluż bl-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti paċifiċi, kif ukoll żieda fi proċessi b'motivazzjoni politika;

H.  billi fil-31 ta' Diċembru 2016, taħt l-awspiċi tal-Konferenza Episkopali Kattolika, intlaħaq ftehim inklużiv dwar it-tranżizzjoni, li ppermetta lill-President Kabila jibqa' fil-poter dment li l-elezzjonijiet jinżammu sal-aħħar tal-2017, u sakemm jinħatar Prim Ministru mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni; billi, sal-lum, ma sar l-ebda progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim u l-gvern ta x'jifhem li minħabba limitazzjonijiet finanzjarji, l-elezzjonijiet ma kienux ser jseħħu din is-sena;

I.  billi kemm l-UE u l-Istati Uniti adottaw sanzjonijiet fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo; billi f'Mejju 2017, l-UE estendiet is-sanzjonijiet tagħha għal disa' uffiċjali u membri tal-gvern talli kkontribwew għal atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

J.  billi l-atturi umanitarji jikkalkulaw li 7.3 miljun persuna, li minnhom 4.4 miljun huma tfal, attwalment jinsabu fi bżonn ta' assistenza u nuqqas ta' aċċess bażiku għall-ilma tax-xorb, sanità, servizzi mediċi u edukazzjoni; billi 5.9-il miljun persuna qed ibatu minn insigurtà tal-ikel; billi l-kunflitt u l-operazzjonijiet militari li għadhom għaddejjin ikkawżaw spustamenti furzati sinifikanti b'madwar 2.3-il miljun persun spustati internament u b'450 000 persuna li ħarbu lejn pajjiżi ġirien;

K.  billi hu mistenni li dawn iċ-ċifri preokkupanti jiżdiedu u s-sitwazzjoni ser tkompli tmur għall-agħar bit-tkomplija tal-kunflitt, speċjalment minħabba l-aċċess limitat għall-persuni milquta;

L.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) rrapporta żieda fil-każijiet ta' sekwestri u attakki fil-konfront tal-ħaddiema u l-konvojs umanitarji, li ġiegħlu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom; billi, dan l-aħħar żewġ investigaturi tan-NU ġew sekwestrati u maqtula fil-provinċja Kasaï;

M.  billi l-assistenza umanitarja tal-UE fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo s'issa laħqet l-EUR 22.7 miljun fl-2017;

N.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, tal-pulizija u tal-armata;

1.  Jibqa' mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni politika, ta' sigurtá u umanitarja attwali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li baqgħet sejra għall-agħar; jikkundanna bil-qawwa il-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mwettqa kontra l-persuni ċivili, bħal dawk li jinvolvu l-ħtif, il-qtil, it-tortura, l-istupru u vjolenza sesswali oħra; ifakkar lill-gvern dwar ir-responsabbiltà tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u li jipproteġi l-popolazzjoni ċivili;

2.  Jappella għal investigazzjoni sħiħa, dettaljata u trasparenti fil-ksur qawwi u mifrux tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali li qegħdin iseħħu madwar il-pajjiż u partikolarment fir-reġjun Kasaï, sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jinżammu responsabbli;

3.  Itenni l-appell tiegħu għall-organizzazzjoni b'suċċess u f'waqtha tal-elezzjonijiet, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni tal-Kongo u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern Kongoliż li jiggarantixxi ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi sal-aħħar ta' din is-sena;

4.  Jilqa' l-ftehim politiku li ntlaħaq f'Diċembru 2016 u jfaħħar l-isforzi ta' medjazzjoni tas-CENCO; jesprimi tħassib, madankollu, dwar in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tiegħu, speċjalment mill-President u l-gvern; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet interessati politiċi kollha sabiex jilħqu qbil malajr dwar il-modalitajiet prattiċi tal-perjodu tranżitorju u biex iħaffu t-tħejjijiet elettorali;

5.  Jinsisti fuq l-obbligu tal-gvern li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda hija l-bażi ta' ħajja politika u demokratika dinamika, u li għandu jkun pprojbit kwalunkwe użu ta' forza kontra d-dimostrazzjoni paċifika;

6.  Jilqa' l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati tal-UE fuq dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, u jappella li dawn jiġu estiżi jekk ikun meħtieġ;

7.  Jitlob lid-delegazzjoni tal-UE tibqa' ssegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija;

8.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet għal elezzjoni li tirnexxi u għal ambjent politiku stabbli; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO u t-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili u tħares id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest elettorali;

9.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kif ukoll fl-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-repubblika Demokratika tal-Kongo;

10.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tikkostitwixxi theddida serja għall-istabbiltà tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali kollu kemm hu; itenni l-appoġġ tiegħu lill-Unjoni Afrikana bħala faċilitatur tad-djalogu politiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Unjoni Afrikana fil-prevenzjoni ta' kriżi politika fir-reġjun u jappella għall-intensifikazzjoni tal-impenn tagħha favur il-konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni Kongoliża; jappella lill-Unjoni Afrikana u lill-UE jiżguraw djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar sabiex jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri;

11.  Jiddispjaċh għan-nuqqas ta' progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Qafas u jappella lill-partijiet kolha sabiex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-isforzi ta' stabbilizzazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ tal-UE għandu jiffoka aktar fuq id-demokrazija u l-bini tal-istat, inkluż l-approfondiment tar-riformi fis-settur tas-sigurtà u tal-istituzzjonijiet pubbliċi;

12.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu dwar s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom lin-nies tar-RDK bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi ta' spostament, nuqqas ta' sikurezza tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali;

13.  Jikkundanna l-attakki kollha mwettqa fuq il-persunal u l-faċilitajiet umanitarji;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0085.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0290.

(3)

ĠU L 138I, 29.5.2017, p. 6.

Avviż legali - Politika tal-privatezza