MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen
12.6.2017 - (2017/2727(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0407/2017
B8‑0413/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Avveniment ta' Livell Għoli għal-Impenji ta' Donazzjonijiet għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, tal-25 ta' April 2017 u l-impenn addizzjonali ta' EUR 116 miljun euro magħmul mill-UE,
– wara li kkunsidra t-talba mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali, Idriss Jazairy, tat-12 ta' April 2017, biex jitneħħa l-imblokk navali fuq il-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016[1] u tad-9 ta' Lulju 2015[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali[3] tat-28 ta' April 2016 u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-użu ta' drones armati[4] tas-27 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016, tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri - MSF),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, u l-Kummissarju Stylianides, dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet dwar "Ir-Rikonsiderazzjoni tal-Ekonomija tal-Jemen" tal-ewwel Forum tal-Kampjuni tal-Iżvilupp (29 ta' April sal-1 ta' Mejju 2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mindu l-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija, li tħaddan l-Istati Uniti u r-Renju Unit, bdiet tibbumbardja l-Jemen f'Marzu 2015, il-pajjiż ilu jegħreq dejjem aktar f'kunflitt bl-armi li jaffettwa b'mod drammatiku lill-popolazzjoni ċivili li diġà kienet ilha ħafna snin tbati minn nuqqas ta' sigurtà u minn tensjonijiet politiċi, minn livelli għoljin ta' faqar, minn qerda ambjentali drammatika u minn paraliżi ekonomika;
B. billi kważi 90 % tal-importazzjonijiet huma ta' ikel bażiku għall-pajjiż, iżda l-attakki militari rażżnu l-importazzjoni kummerċjali u ma ħallewx li kunsenji ta' għajnuna umanitarja jaslu fil-Jemen u wasslu għall-qerda tal-infrastruttura bażika, aggravata mill-kollass tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja, hekk li l-aċċess għall-ikel, il-mediċini u l-fjuwil safa llimitat drastikament;
C. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali enfasizza li l-imblokk mill-ajru u navali impost fuq il-Jemen mill-forzi tal-koalizzjoni sa minn Marzu 2015 hu fost il-kawżi prinċipali ta' din il-katastrofi umanitarja; billi rrestrinġa u ħarbat l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ikel, fjuwil u provvisti mediċi, kif ukoll ta' għajnuna umanitarja; billi l-imblokk jimponi varjetà ta' restrizzjonijiet regolatorji, fil-parti l-kbira arbitrarji, infurzati mill-forzi tal-koalizzjoni, inkluż dewmien xejn raġonevoli u/jew iċ-ċaħda ta' dħul għal bastimenti fil-portijiet tal-Jemen, li jikkostitwixxu miżura koerċitiva unilaterali illeċita (UCM) skont id-dritt internazzjonali.;
D. billi s-sitwazzjoni drammatika kompliet sejra għall-agħar b'tifqigħa tal-kolera, hekk li s-settur tas-saħħa nġieb f'xifer il-kollass; billi, fi Frar 2017, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU ddikjarat li l-Jemen kien sar "l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja"; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji jikkalkolaw li 18.8 miljun persuna (jiġifieri madwar 70 % tal-popolazzjoni) għandhom bżonn ta' assistenza umanitarja, filwaqt li aktar minn 17-il miljun persuna huma milquta minn insigurtà tal-ikel, inkluż 7 miljun persuna li jinsabu f'riskju ta' karestija (b'2 miljun minnhom ikunu tfal);
E. billi minkejja l-Avveniment ta' Livell Għoli għal-Impenji ta' Donazzjonijiet għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, ta' April 2017 - li matulu bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet wiegħdu donazzjonijiet għall-valur ta' USD 1.1 biljun - u billi sad-9 ta' Mejju 2017, id-donaturi kienu taw 28 % biss mill-USD 2.1 biljun f'għajnuna umanitarja mitluba min-NU għall-Jemen għall-2017;
F. billi sa mill-2015 huma għexieren ta' eluf il-vittmi fost il-popolazzjoni ċivili, u l-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija tinsab akkużata li f'dawn l-aħħar snin wettqet delitti tal-gwerra, attakki indiskriminati fuq skejjel, swieq, sptarijiet, tiġijiet, funeral u djar, kif ukoll miri ċivili oħrajn; billi l-grupp armat Huthi u l-alleati tiegħu bbumbardja b'mod indiskriminat żoni ċivili fil-belt Ta'iz u bl-istess mod spara artillerija lil hinn mill-fruntiera lejn l-Arabja Sawdija, u kkawża l-qtil u l-feriment ta' ċivili, u rrekluta subien mill-età żgħira ta' 15-il sena biex jiġġieldu bħala suldati tfal fuq il-front tal-kunflitt;
G. billi minkejja l-pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi, il-partijiet f'kunflitt naqsu milli jilħqu ftehim u s-seċessjoni tan-Nofsinhar tal-Jemen li ġiet imħabbra dan l-aħħar mill-eks gvernatur ta' Aden, qed tirriskja li tkompli tikkomplika n-negozjati;
H. billi iż-żjara reċenti tal-President Trump fl-Arabja Sawdija kompliet tħarrax is-sitwazzjoni, wara li hu esprima appoġġ mingħajr riżervi għall-politiki tal-pajjiż fir-reġjun, kif ukoll billi wiegħed USD 110 biljun f'esportazzjoni ulterjuri ta' armi lejn l-Arabja Sawdija; billi sa mill-bidu tal-Presidenza tiegħu kien hemm żieda qawwija f'operazzjonijiet extraterritorjali u extraġudizzjarji ta' natura letali mill-Istati Uniti fil-Jemen, partikolarment bl-użu ta' drones, b'bosta rapporti ta' vittmi ċivili, u billi hemm evidenza li l-Istati Membri tal-UE qegħdin jipprovdu appoġġ dirett jew indirett, permezz ta' intelligence u mezzi oħrajn, għal dawn l-operazzjonijiet letali;
1. Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għad-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Jemen; jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajja kaġun tal-kunflitt u għat-tbatija ta' dawk maqbuda fil-ġlied, spustati u jew li tilfu l-għajxien tagħhom, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;
2. Jappella għat-tmiem minnufih tal-imblokk navali u bl-ajru tal-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija kontra l-Jemen, dan sabiex tkun tista' titwassal l-għajnuna umanitarja, l-ilma u l-fjuwil lill-popolazzjoni ċivili;
3. Jappella b'urġenza lill-partijiet kollha biex taħt sorveljanza tan-NU, jilħqu ftehim għall-waqfien tal-ostilitajiet, bħala l-ewwel pass lejn it-tkomplija tat-taħdidiet ta' paċi taħt it-tmexxija tan-NU, u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li hu biss permezz ta' waqfien mill-ġlied urġenti li jkun jista' jinstab rimedju għat-tbatija drammatika tal-popolazzjoni ċivili;
4. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-aħbar mill-President Trump dwar iż-żieda qawwija fl-esportazzjoni ta' armi lejn l-Arabja Sawdija, u jissottolinja li l-esportaturi tal-armi li qed jalimentaw il-kunflitt fil-Jemen, huma f'riskju li jinstabu ħatja ta' kompliċità f'delitti tal-gwerra, u għall-fatt li skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, fost dawn hemm 16-il Stat Membru tal-UE, inklużi Franza u r-Renju Unit b'esportazzjonijiet għall-valur ta' biljuni ta' euro.
5. Jappella lill-Istati Membri kollha jtemmu kull appoġġ dirett jew indirett fil-qtil extraterritorjali u extraġudizzjarju tal-Istati Uniti, li jmur kontra l-prinċipji stabbiliti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
6. Itenni l-appell tiegħu biex titneda inizjattiva li jkollha l-għan li timponi embargo fuq l-armi mill-UE fil-konfront tal-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, u l-fatt li l-bejgħ kontinwu tal-liċenzjar tal-armi lill-Arabja Sawdija għaldaqstant jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008; jitlob lill-VP/RGħ tirraporta dwar liema miżuri ttieħdu biex tiġi implimentata t-talba preċedenti, kif espressa fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016;
7. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra ċ-ċivili, inkluż il-bumbardamenti, l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi u l-użu rrappurtat ta' mini antipersuna kif ukoll l-attakki li jikkawżaw il-qerda ta' infrastruttura ċivili inkluż ta' skejjel, faċilitajiet mediċi, żoni residenzjali, swieq, sistemi tal-ilma, portijiet u ajruporti; iġedded l-appell urġenti tiegħu lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
8. Jappoġġja s-sejħa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Zeid Al-Hussein, biex jiġi stabbilit korp internazzjonali indipendenti li jwettaq investigazzjoni komprensiva tad-delitti mwettqa fil-kunflitt fil-Jemen, inklużi l-allegazzjonijiet ta' kkawżar intenzjonat ta' ġuħ, abbuż, tortura, qtil immirat ta' ċivili, u ksur ieħor tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju; jenfasizza li biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt, hu indispensabbli li jiġi żgurat sens ta' responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet ;
9. Jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu biex ineħħu l-ostakoli loġistiċi u finanzjarji kollha li jaffettwaw l-importazzjoni u t-tqassim ta' provvisti ta' ikel u mediċini għaċ-ċivili fil-bżonn; iħeġġeġ lill-partijiet, biex b'mod partikolari jiżguraw it-tħaddim sħiħ u effettiv tal-punti ta' dħul kummerċjali kollha, bħall-portijiet ta' Hodeida u Aden, u jenfasizza l-importanza tagħhom bħala element essenzjali ta' appoġġ umanitarju u għal provvisti essenzjali; jappella għal ftuħ mill-ġdid tal-ajruport ta' Sana'a għal titjiriet kummerċjali sabiex il-mediċini u l-prodotti bażiċi meħtieġa b'mod urġenti, ikunu jistgħu jaslu bl-ajru, kif ukoll biex il-Jemeniti fi bżonn ta' trattament mediku jkunu jistgħu jittieħdu barra mill-pajjiż bl-ajru. jappella lill-partijiet kollha jneħħu r-restrizzjonijiet ad hoc fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u tal-persunal umanitarju fil-pajjiż;
10. Jappella lill-partijiet kollha jippermettu aċċess mingħajr xkiel għall-ġurnalisti fil-partijiet kollha tal-Jemen, u jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat tal-għaxar ġurnalisti Jemeniti li ġejjin, li għal dawn l-aħħar sentejn ilhom jinżammu b'mod arbitrarju mill-forzi Huthi, mingħajr akkuża jew proċess: Abdelkhaleq Amran, Hisham Tarmoom, Tawfiq al-Mansouri, Hareth Hamid, Hasan Annab, Akram al-Walidi, Haytham al-Shihab, Hisham al-Yousefi u Essam Balgheeth;
11. Ifakkar li ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati li jkun jinvolvi l-partijiet kollha u bis-sehem sħiħ u sinifikanti tan-nisa, dan sabiex tintlaħaq soluzzjoni politika inklużiva; itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-SEAE biex tiffaċilita t-tkomplija tan-negozjati u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirreaġixxu għal dawn l-isforzi b'mod kostruttiv u mingħajr prekundizzjonijiet;
12. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaħdmu biex ikun stabbilit Bank Ċentrali tal-Jemen, unifikat u li jiffunzjona bis-sħiħ, u jenfasizza li l-fondi ta' għajnuna internazzjonali għandhom jiġu diretti lejn is-sostenn tar-riżervi ta' appoġġ f'munita barranija, sabiex jiġu ffaċilitati l-importazzjonijiet ta' ikel u mediċini;
13. Jissottolinja l-bżonn urġenti li l-UE u l-atturi internazzjonali l-oħra jindirizzaw it-tifqigħa tal-kolera, jappoġġjaw is-sistema tas-saħħa, inkluż billi jiffaċilitaw il-provvisti u l-ħlas tas-salarji għall-ħaddiema mediċi li jinsabu fuq il-front, u li l-preżenza tagħhom hi essenzjali għar-rispons umanitarju;
14. Jappella lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet li wiegħdu għajnuna fl-Avveniment ta' Livell Għoli għal-Impenji ta' Donazzjonijiet għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, f'April 2017, sabiex jonoraw dawn il-wegħdiet mingħajr dewmien, u biex iżidu l-impenn tagħhom biex ikopru t-totalità tal-bżonnijiet identifikati min-NU;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0270.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2016)0201.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0172.