Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0434/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0434/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

30.6.2017 - (2017/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

József Szájer f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0434/2017

Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0434/2017
Testi mressqa :
B8-0434/2017
Testi adottati :

B8-0434/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

(2017/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u li tiddefendi" (COM(2016)0710) u l-Annessi 1 sa 5 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jitqabblu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli;

B.  billi l-politika u l-azzjoni tal-UE, imwettqa flimkien mal-Istati Membri skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jistgħu u jrid ikollhom influwenza reali biex jiġu indirizzati kriżijiet u jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li qed tinbidel malajr;

C.  billi l-UE trid tkun impenjata lejn l-irkupru tal-kompetittività, quddiem kompetizzjoni globali ħarxa, u b'hekk tippreżerva l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq u tiżgura tkabbir sostenibbli bl-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss ta' ċittadini żgħażagħ tipprovdilhom impjiegi minflok dejn;

D.  billi l-UE qed tħabbat wiċċha ma' forom varji u kumplessi ta' theddid li qed joħolqu instabbiltà, u dan qed iwassal għal sentiment ta' nuqqas ta' sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej;

IL-PARTI 1

1.  Jinsab kunfidenti li soluzzjonijiet Ewropej msejsin fuq proċess responsabbli u kompletament demokratiku, permezz ta' UE unita u solidari bi Stati Membri magħqudin flimkien, huma essenzjali sabiex jiġu indirizzati l-ikbar sfidi u tittejjeb il-fiduċja taċ-ċittadini;

2.  Jinnota li l-kriżijiet attwali, inklużi l-konsegwenzi finanzjarji, ekonomiċi, soċjali u migratorji, wasslu għal aktar nuqqas ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini Ewropej, li qed jesprimuh permezz ta' żieda fil-partiti populisti u movimenti nazzjonalisti; jemmen li dawn l-isfidi sinifikanti ma jistgħux jiġu indirizzati minn Stat Membru individwali waħdu, iżda, pjuttost, jirrekjedu rispons konġunt mill-UE;   

3.   Jemmen li l-populiżmu jisfrutta t-tħassib tan-nies għaliex huwa bbażat fuq il-biża' u huwa sostnut mill-biża', jirnexxi fuq din l-istess biża' u huwa kawża ta' terrur, jissuġġerixxi metodi demagoġiċi, mhux realistiċi u perikolużi li jwasslu għal tamiet foloz fi żmien qasir ħafna, iżda għandhom konsegwenzi dannużi li jwasslu għal aktar diviżjonijiet, instabbiltà u kunflitti fis-soċjetà Ewropea;

4.   Jilqa' l-unità u ċ-ċarezza murija mis-27 Stat Membru dwar in-negozjati li jmiss tal-Brexit; jenfasizza li l-frammentazzjoni tad-diskussjoni f'formati varji jew gruppi ta' Stati Membri tkun kontroproduttiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tosserva bir-reqqa l-prinċipji definiti u kondiviżi b'mod konġunt bejn is-27 Stat Membru u l-Parlament;

5.   Huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li tissawwar mill-ġdid id-definizzjoni vera tas-sħubija fl-Unjoni; jenfasizza li qafas ċar huwa meħtieġ fil-futur għar-relazzjonijiet tal-UE ma' dawk li mhumiex Membri fil-viċinat tagħha (ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna, eċċ.);

6.   Iqis li ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva hija pedament tas-soċjetà Ewropea, li fuqha nbnew politiki Ewropej u li minnhom jibbenefikaw direttament iċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum tagħhom; huwa impenjat li jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina l-azzjonijiet ta' prijorità ewlenin immirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività industrijali tal-UE billi jagħmluha possibbli li kumpaniji jikkompetu fis-swieq domestiċi u globali u jsaħħu l-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' negozji, b'attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jemmen li l-modernizzazzjoni industrijali Ewropea trid tkun wiesgħa u għandha tinkludi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi, teknoloġiji u mudelli ta' negozju li huma bbażati fuq l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni konvertiti fi prodotti, servizzi u proċessi mtejba għas-suq;

8.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' approċċ komprensiv biex jiġu realizzati l-benefiċċji kollha tal-munita unika, filwaqt li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-UEM u l-kisba tal-għanijiet tat-tkabbir u l-livell massimu ta' impjiegi;

9.  Iqis li żvilupp ulterjuri tal-UEM irid ikun ibbażat u jibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza li t-tlestija tal-UEM hija meħtieġa b'mod urġenti, flimkien ma' sforzi sabiex l-istruttura istituzzjonali tagħha tkun aktar leġittima u demokratikament responsabbli;

10.  Jirrikonoxxi l-passi leġiżlattivi sinifikanti li nkisbu lejn politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-asil, u jenfasizza li l-UE rnexxielha tagħti bidu għal proċess biex tiġi artikolata l-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-asil fi żmien meta l-kriżijiet reali li jeħtieġu attenzjoni urġenti poġġew pressjoni kbira fuq il-fruntieri tal-Ewropa;

11.   Ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni billi tiġi aġġornata l-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni mal-Afrika, kif ukoll ir-rwol tagħha fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-pajjiżi ġirien tagħha;

12.  Jenfasizza li suċċess fil-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni jeħtieġ mekkaniżmu aktar ġust għad-distribuzzjoni tal-persuni li jfittxu asil li fih irid jipparteċipa kull Stat Membru; jilqa' l-kisbiet riċenti fit-tisħiħ tal-ġestjoni u l-kontroll effikaċi tal-fruntieri esterni tagħna, bħala prerekwiżit għall-Istati Membri biex jerġgħu jiksbu livell kritiku ta' fiduċja reċiproka;

13.   Jenfasizza li huwa biss bit-tisħiħ tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni li l-UE tista' tipprovdi tweġibiet kredibbli għat-theddid u l-isfidi ġodda għas-sigurtà, u b'hekk tiġġieled it-terroriżmu u ġġib il-paċi, l-istabbiltà u l-ordni fil-viċinat tagħha;

14.  Jissottolinja li l-kummerċ ħieles tejjeb b'mod sinifikanti l-livell ta' għajxien u naqqas il-faqar fl-UE u madwar id-dinja, filwaqt li ħoloq tkabbir ekonomiku u impjiegi u saħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-pajjiżi terzi; iqis li l-UE trid tkompli tiġġieled kontra t-tendenzi protezzjonisti madwar id-dinja kollha, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tressaq 'il quddiem u tiffinalizza malajr kemm in-negozjati pjanati kif ukoll dawk li għaddejjin u tesplora kontinwament possibbiltajiet għal ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles;

15.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi, b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra, dibattitu pubbliku wiesa' dwar il-futur tal-Unjoni, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet ta' kull waħda mill-istituzzjonijiet, u b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament dwar l-evoluzzjoni futura tal-Unjoni, il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Ewropa u d-Dikjarazzjoni ta' Ruma;

16.  Jenfasizza li l-UE għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi sostanzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni miftiehma jew adottata u għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-infurzar tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha;

IL-PARTI 2

Iż-żgħażagħ u t-tagħlim tul il-ħajja

17.  Jistieden lill-Kummissjoni:

–  tinvesti f'sistemi edukattivi inklużivi u effiċjenti;

–  issaħħaħ il-fondi tal-Erasmus+, li għandhom jintużaw għall-għanijiet primarji tal-programm (il-mobilità, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-isport);

–  tiffoka, flimkien mal-Istati Membri, l-ewwel u qabel kollox fuq azzjonijiet edukattivi fi gruppi ta' kull età u gruppi okkupazzjonali, u tinvesti f'qafas ta' tagħlim tul il-ħajja, b'enfasi partikolari fuq il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali u intraprenditorjali kif ukoll il-litteriżmu medjatiku u b'attenzjoni speċjali fuq in-nisa;

–  tanalizza s-swieq tax-xogħol biex tiddetermina bilanċ tajjeb bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni universitarja b'tali mod li l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jitqiesu b'mod xieraq;

–  trawwem l-intraprenditorija u tkompli tiżviluppa u tappoġġa l-ambjent legali t-tajjeb għall-SMEs skont il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir";

–  tressaq rakkomandazzjonijiet u proposti dwar kif jinżammu ħaddiema avvanzati fl-età fil-forza tax-xogħol għal perjodu itwal ta' żmien, u b'hekk jiġi mħeġġeġ ukoll it-trasferiment tal-esperjenza għall-ġenerazzjonijiet iżgħar u jitrawwem il-mentoraġġ fuq il-post tax-xogħol;

–  tieħu iktar miżuri, flimkien mal-Istati Membri, sabiex jittejbu l-attraenza u l-valur tal-ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (suġġetti STEM), u jħeġġu aktar nisa u bniet biex jibdew u jsegwu suġġetti STEM, u minnhom, l-ICT, b'mod partikolari jista' jiftaħ possibbiltajiet ġodda għalihom;

It-Tkabbir Blu u s-sajd

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar:

–  it-Tkabbir Blu biex jiġi sostnut t-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u marittimi kollha kemm huma;

–  il-mili tal-vojt li jirriżulta min-nuqqas ta' pjanijiet pluriennali skont il-PKS il-ġdida biex jiġu ġestiti l-istokkijiet importanti kollha u s-sajd fl-ilmijiet tal-UE;

Il-mezzi finanzjarji u l-qafas finanzjarju wara l-2020

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-programmi kollha tal-UE tilħaq ir-ritmu sas-sena d-dieħla, sabiex tikkumpensa għad-dewmien sinifikanti osservat fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-implikazzjonijiet ta' dan id-dewmien fuq possibbiltà ta' akkumulazzjoni ta' talbiet għal pagamenti lejn tmiem dan il-QFP; iqis li għandu jsir kull sforz sabiex tiġi evitata kriżi oħra ta' pagament, inkluż meta tintlaħaq deċiżjoni dwar livell adegwat ta' pagamenti f'baġits annwali li ġejjin;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi tagħha dwar il-QFP wara l-2020 sa mhux aktar tard minn Ġunju 2018, sabiex tippermetti li jiġu mnedija immedjatament negozjati interistituzzjonali sostanzjali; tistabbilixxi bħala objettiv il-konklużjoni b'suċċess ta' dawn in-negozjati sa tmiem il-leġiżlatura attwali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP futur, li se jiġi adottat qabel il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jingħata bidu għal djalogu strutturat dwar il-livell kumplessiv, il-prijoritajiet politiċi u baġitarji, l-arkitettura u d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà tal-QFP futur, inkluż li tintlaħaq pożizzjoni dwar id-durata tal-qafas finanzjarju;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi ambizzjużi dwar ir-riforma futura tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tippreżenta dawk il-proposti leġiżlattivi flimkien mal-proposti dwar il-QFP wara l-2020, sabiex ikun possibbli li jsiru negozjati konġunti dwar iż-żewġ punti; jissottolinja li l-Parlament se jadotta l-pożizzjoni proprja tiegħu qabel il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi, u jitlob lill-Kummissjoni tqis kif dovut il-pożizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta:

–  proposti għal regolamenti għall-politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020, minħabba l-preżentazzjoni li ġejja tal-QFP li jmiss, kemm jista' jkun kmieni fl-2018;

–  rieżami komprensiv, li jrid jiġi promulgat fil-bidu tal-2018, tar-Regolament Finanzjarju u tal-leġiżlazzjoni settorjali relatata, inkluż ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni attwalment fis-seħħ (ir-"regolament omnibus"); ir-rieżami għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar is-semplifikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u taħlita aħjar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

–  mingħajr dewmien, proposta għal leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, f'konformità mar-riżoluzzjoni dwar is-suġġett adottata mill-Parlament fis-7 ta' Ġunju 2016 b'maġġoranza kbira[1];

24.  Jimpenja ruħu li jidħol f'djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tagħha dwar il-futur tal-PAK wara l-2020, li hija mistennija qabel l-aħħar tas-sena 2017;

25.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas ta' prestazzjoni;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-White Paper, biex tiċċara l-ambizzjonijiet tagħha għall-Programm Qafas 9 (FP9), kmieni biżżejjed fl-2018 sabiex il-Parlament ifassal pożizzjoni dwar dak il-programm u anke dwar Galileo, Copernicus u COSME, b'tali mod li l-miżuri kollha jkunu jistgħu jkunu operazzjonali mill-2021 'il quddiem; jistenna li l-proposta għall-FP9 tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Parlament;

L-Implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali

27.  Jitlob lill-Kummissjoni:

–  tiżgura progress dwar it-twettiq tas-suq uniku diġitali u wkoll dwar ambjent li jappoġġa l-SMEs;

–  tappoġġa aktar id-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport Ewropew, permezz ta' inizjattivi dwar is-C-ITS u l-E-CRM u sistemi diġitali oħrajn;

–  tressaq l-inizjattivi ppjanati tagħha dwar iċ-ċibersigurtà, anke b'rispett għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA); inizjattivi simili jenħtieġ li jimmiraw li jżidu ċ-ċibersigurtà għall-industrija u finijiet ċivili oħra u jenħtieġ li jinkludu rimedji effettivi;

–  tidentifika b'urġenza, flimkien mal-Istati Membri, il-kawżi sistematiċi tad-distakk diġitali akbar bejn is-sessi u tieħu azzjoni fil-livell globali sabiex ittemm l-esklużjoni diġitali tan-nisa;

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Unjoni tal-Enerġija

28.  Jistenna li l-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni mill-qrib dwar il-proċeduri leġiżlattivi kontinwi u ta' importanza għolja fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, inkluż tul l-istadju ta' trilogu, sabiex tkun żgurata l-finalizzazzjoni b'suċċess tan-negozjati malajr kemm jista' jkun fl-2018;

L-Implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku

29.  Jistieden lill-Kummissjoni:

–  flimkien mal-Istati Membri, ittejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluż it-tneħħija tal-ostakoli regolatorji u amministrattivi eżistenti fis-settur tas-servizzi, u ukoll biex ittemm is-sovraregolamentazzjoni;

–  tinforza l-leġiżlazzjoni eżistenti, billi, l-ewwel u qabel kollox, tapplika r-regoli fis-seħħ, biex b'hekk tiżgura ambjent ekwu li jagħmilha possibbli biex jinsiltu l-benefiċċji kollha tas-suq uniku;

30.  Iqis bħala prijoritajiet politiċi dawn li ġejjin:

–  l-iżvilupp tal-potenzjal tal-industriji tal-kultura u kreattività abbażi ta' politika koerenti tal-UE, li tirrikonoxxi li dawn prinċipalment jikkonsistu f'mikrointrapriżi u f'SMEs, u li dawn huma fatturi ewlenin għat-tkabbir sostenibbli u għal impjiegi ta' kwalità;

–  it-titjib u l-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet li jiffaċilitaw it-turiżmu kulturali, bil-parteċipazzjoni sħiħa tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

–  il-proposta għal rieżami tal-IPRED (Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) sa tmiem is-sena;

–  ir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, li reġa' ġie postpost, u jiddeplora l-fatt li ż-żmien limitu stipulat fid-Direttiva (UE) 2015/79 tad-29 ta' April 2015 ġiet injorata[2], u fakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn ta' azzjoni ċara u deċiżiva fir-rigward ta' din ir-reviżjoni u tas-sikurezza stradali b'mod ġenerali;

–  segwitu f'waqtu, bi proposti konkreti, dwar is-sejbiet u s-suġġerimenti li għandhom jiddaħħlu fir-rapport strateġiku fuq inizjattiva proprja li jmiss dwar il-frodi tal-odometru, u jfakkar li din tittratta tħassib ewlieni taċ-ċittadini Ewropej u wkoll b'kunsiderazzjoni tal-fatt li diġภjeżistu mudelli li jaħdmu tajjeb f'xi Stati Membri;

Is-Saħħa

31.  Jistieden lill-Kummissjoni:

–   tieħu azzjoni biex tittratta bħala prijorità l-kwistjoni tar-reżistenza antimikrobika, bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Mejju 2015 dwar "Kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi"[3] u mal-pożizzjoni teigħu tal-10 ta' Marzu 2016, dwar il-proposta għal regolament dwar il-prodotti veterinarji mediċinali[4], u li tinkludi proposti konkreti għal azzjoni leġiżlattiva;

–   tressaq proposta leġiżlattiva dwar fuljetti ta' tagħrif għal prodotti farmaċewtiċi, bil-għan li dawn isiru aktar ċari u aktar qrib il-pazjent ('drug fact box' - tabella mediċinali informattiva);

–   tirrevedi b'urġenza d-Direttiva 2004/23/KE tal-31 ta' Marzu 2004 dwar standards ta' kwalità u sigurtà għal donazzjonijiet ta' tessuti u ċelloli umani[5] (id-Direttiva dwar it-Tessuti u ċ-Ċelloli), sabiex din tiġi allinjata mal-prinċipju ta' donazzjoni mingħajr ħlas u mar-Regolament Nru. 1394/2007 tat-13 ta' Novembru 2007 dwar prodotti mediċinali terapewtiċi avvanzati (ir-Regolament dwar Terapiji Avvanzati)[6], li barra minn hekk, għandu jsir applikabbli għall-SMEs;

Tassazzjoni aktar ġusta

32.  Jitlob lill-Kummissjoni:

–   tressaq proposti dwar sistema u rati ta' VAT definittivi;

–   tippreżenta linji gwida ċari dwar l-għajnuna statali fiskali mill-Istati Membri;

–   tevalwa l-kundizzjonijiet ta' aċċess għal beni u servizzi kulturali u tipproponi soluzzjonijiet biex ittejjibhom, inkluż billi titqies il-kwistjoni ta' varjazzjonijiet eżistenti fil-VAT fuq kotba u kotba elettroniċi;

Is-Servizzi finanzjarji

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tallinja l-approċċ tal-UE u l-kwistjonijiet relatati ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji;

Id-Diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni: sfidi u opportunitajiet

34.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu ffaċċjati u trattati x-xejriet ta' xogħol li qed jinbidlu u biex jinstab mezz għall-ħolqien tax-xogħol flimkien ma' sigurtà soċjali deċenti għall-ħaddiema, kif ukoll tesplora l-possibilitajiet għal arranġamenti ta' xogħol flessibbli bħala appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija tal-UE dwar l-awtomatizzazzjoni fis-suq tax-xogħol u takkumpanjha b'inizjattivi dwar kif għandha tiġi organizzata l-kooperazzjoni bejn il-professjonisti u r-robots, dwar kif l-awtomatizzazzjoni tista' tgħin biex timmassimizza l-benefiċċji għal min jimpjega u l-impjegati, dwar kif titjieb il-produttività, u l-effetti fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

Id-Demografija u t-tixjiħ tal-popolazzjoni

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta approċċ olistiku dwar il-kwistjoni tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa, inklużi rakkomandazzjonjiet u proposti dwar kif għandhom jiġu trattati l-problemi fis-suq tax-xogħol li jirriżultaw minn popolazzjoni li qed tixjieħ, u dwar kif għandhom jitjiebu l-indikaturi demografiċi fl-Istati Membri;

37.  Iqis li l-ħidma fuq rakkomandazzjoni dwar miżuri ta' sostenn li jwassly għal titjib fir-rata tat-twelid bħala importanti ħafna; jenfasizza li peress li bosta Stati Membri qegħdin joħorġu b'inizjattivi, ikun utli li jsir skambju ta' prattiki tajba u li jinsiltu konklużjonijiet għall-ħidma tal-UE kollha kemm hi, u wkoll li tingħata enfasi fuq il-kunċett ta' tixjiħ b'saħħtu tul il-ħajja u miżuri ta' saħħa preventiva, permezz l-iskambju ta' informazzjoni u ta' kampanji ta' informazzjoni;

Bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol

38.  Jikkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni bħala bażi tajba li issa tenħtieġ li tiġi diskussa bil-għan li jitwettqu l-istennijiet taċ-ċittadin Ewropej li jixtiequ jaħdmu u jgawdu l-ħajja fil-familja tagħhom fl-istess ħin;

Kummerċ

39.  Iqis li ftehim kummerċjali u ta' investiment ibbilanċjat mal-Istati Uniti hu fl-interess tal-UE, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati u tikseb riżultati tanġibbli;

Żona tal-Ġustizzja u d-Drittijiet Fundamentali

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex minnufih twettaq azzjoni ta' segwitu rilevanti u tissottometti proposta leġiżlattiva dwar l-istandards minimi komuni għall-proċedura ċivili;

41.  Jinsisti li l-Kummissjoni tippreżenta proposti għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru. 211/2011 tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini[7] sal-aħħar tas-sena, b'kunsiderazzjoni tas-suġġerimenti li diġà saru f'dan ir-rigward mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett tas-7 ta' Ottubru 2015[8];

42.  Jilqa' l-firma tal-Kunsill li timmarka l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni ta' Istanbul; jiddispjaċih madankollu li l-adeżjoni tal-UE hi limitata għal żewġ oqsma speċifiċi, u jistenna lill-Kummissjoni twettaq il-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li n-negozjati fil-Kunsill jiġu ffinalizzati malajr, sabiex tkun żgurata adeżjoni fuq bażi wiesa' mal-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat bis-sħiħ dwar l-aspetti rilevanti kollha tan-negozjati f'kull stadju tagħhom, sabiex tiżgura li tkun f'pożizzjoni li teżerċità d-drittijiet mogħtija lilha mit-Trattati b'mod xieraq skont l-Artikolu 218 TFUE;

43.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza ewlenija li d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012[9] (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi) u d-Direttiva 2011/99/UE tat-13 ta' Diċembru 2011[10] (id-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni) jiġu implimentati bis-sħiħ;

Il-progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattivi konkreti biex tindirizza l-isfidi marbuta mal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità transkonfinali, li għandhom jiġu identifikati fir-reviżjoni dwar l-istrateġija dwar iċ-ċibersigurtà prevista għall-ħarifa 2017;

45.  Iqis il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala prijorità politika;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

46.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-adattament leġiżlattiv meħtieġ, abbażi tal-konklużjonijiet tad-djalogu dwar interoperabbiltà rigward il-modi li bihom sistemi ta' informazzjoni eżistenti u futuri jistgħu jsaħħu kemm il-ġestjoni tal-fruntieri esterni u s-sigurtà interna tal-UE;

47.  Jistieden lill-Kummisjsoni twettaq ir-reviżjoni meħtieġa tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tad-9 ta' Lulju 2008[11] (Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża - ir-Regolament VIS), wara d-djalogu ta' interoperabbiltà;

Nindirizzaw l-għeruq tal-migrazzjoni

48.  Ifakkar lill-Kummisjsoni li għandu jiġi ppreżentat mekkaniżmu konkret ta' rappurtar li jevalwa regolarment l-effikaċja tal-isforzi attwali biex jiġu trattati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, u li l-implimentazzjoni tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-futur, jiġu mmonitorjati mill-qrib;

49.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal modi innovattivi għall-finanzjament tal-kriżi ta' migrazzjoni attwali, u jilqa' b;mod partikolari s-sħubija msaħħa li din se tfisser mas-settur privat; jemmen li l-parteċipazzjoni tas-settur privat hi ċ-ċavetta biex jitwettqu l-objettivi ta' żvilupp, u li l-immobbilizzar tal-finanzjament privat hu essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari; jinsisti li s-sorveljanza tal-parlament tal-fondi fiduċjarji u ta' mekkaniżmi oħrajn ta' taħlit għandha tiġi ggarantita fiċ-ċirkostanzi kollha;

Politiki esterni: prijoritajiet

50.  Jitlob lill-Kummissjoni:

–   tantiċipa r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI);

–   tippromwovi l-għaqda transatlantika;

–   tikkonferma l-impenn tal-Unjoni għall-Balkani u għall-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar;

–   tappoġġa s-soċjetà ċivili u l-abbiltà ta' aċċess għal informazzjoni kredibbli minkejja l-oqfsa legali dgħajfa u x-xkiel, fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u lil hinn minnu;

–   timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża;

–   ssaħħaħ il-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

–   tiżviluppa kooperazzjoni internazzjonali bejn l-ombudsman u s-sħubiji għad-drittijiet tal-bniedem;

51.  Jappoġġa ż-żamma tal-ftehim dwar il-qafas legali vinkolanti li hu msejjes fuq tliet pilastri (djalogu pubbliku msaħħaħ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ); jemmen li għandha tiġi eżaminata aktar reġjonalizzazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati r-reġjuni kollha skont il-bżonnijiet u l-ispeċifitajiet tagħhom, u ukoll billi jiġi enfasizzat il-bżonn ta' reazzjoni għall-Istrateġija UE-Afrika l-ġdida għal adozzjoni għall-2018-2020;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fuq ftehimiet bilaterali dwar is-sajd ma' pajjiżi lil hinn mill-UE, li qegħdin jersqu lejn id-data ta' skadenza tagħhom;

L-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

53.  Jistieden lill-Kummissjoni:

–   timmonitorja mill-qrib it-tibdiliet istituzzjonali u ta' politika meħtieġa sabiex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata b'mod effettiv;

–   timplimenta b'mod konġunt mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp il-ġdid, li hu mistenni li jiġi ffirmat f'Ġunju 2017;

Ir-rabta bejn is-siġurtà u l-żvilupp:

54.  Jappella għall-ħolqien ta' strument ta' finanzjament innovattiv ġdid għall-paċi u l-ġustizzja li jikkunsidra l-kriterji ta' eliġibbiltà riveduti għall-ODA (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp) dwar il-paċi u s-sigurtà sabiex jiġu riflessi r-rabtiet dejjem akbar bejn l-azzjonijiet ta' żvilupp u ta' sigurtà, partikolarment dawk li jippromwovu d-demokrazija, il-governanza t-tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

Approċċ aktar strateġiku għall-infurzar tad-dritt tal-UE

55.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fl-aħħar nett tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effikaċi u indipendenti (id-dritt amministrattiv proċedurali);

56.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb is-sistemi ta' kontroll, partikolarment fir-rigward tar-rati ta' żball;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kwalità, fir-rigward tas-sustanza u d-detall, tat-tweġibiet ipprovduti mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, sabiex it-tħassib taċ-ċittadini jiġu indirizzati aktar bir-reqqa;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull ma tista' biex tiffaċilita l-ftehim fil-Kunsill dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakesh, bil-għan li l-potenzjal sħiħ ta' dak it-trattat jinkiseb mingħajr dewmien;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.