Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0435/2017

Testi mressqa :

B8-0435/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 11
CRE 04/07/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.9
CRE 05/07/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 569kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0434/2017
30.6.2017
PE605.553v01-00
 
B8-0435/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))


Sophia in 't Veld f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))  
B8-0435/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 tat-13 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi kontribut addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, li tieħu inizjattivi xierqa għal dan il-għan, li tkun impenjata li tapplika l-istat tad-dritt li huwa bbażat fuq il-valuri ċentrali Ewropej u li huwa fundamentali għall-Ewropej li jgħixu flimkien fil-paċi, li teżerċita funzjonijiet ta' koordinazzjoni, eżekuttivi u ta' ġestjoni, u li tipproponi leġiżlazzjoni;

B.  billi l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirrispetta t-Trattati u tinforza l-liġijiet tal-UE; jinnota b'dispjaċir qawwi li kemm l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u l-infurzar tal-liġijiet tal-UE u r-regoli huma dgħajfa, kif huwa ċar f'oqsma bħall-istandards ambjentali, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-moviment liberu tal-persuni, u ż-żona Schengen; billi l-Kummissjoni għandha tagħmel l-implimentazzjoni u l-infurzar prijorità ewlenija fl-2017-2018;

QASAM TA' ĠUSTIZZJA U DRITTIJIET FUNDAMENTALI BBAŻAT FUQ IL-FIDUĊJA REĊIPROKA

Ġustizzja

1.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-liġi amministrattiva tal-UE li tiggarantixxi amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti, u biex tikkunsidra l-proposta tal-Parlament għal regolament tal-UE f'dan ir-rigward;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis it-tħassib dwar l-aċċess għal u s-sjieda tad-dejta fil-ħidma tiegħu dwar il-Bini tal-Ekonomija tad-Dejta Ewropea u kwistjonijiet relatati ta' responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi intermedjarji u pjattaformi oħra onlajn sabiex jiżguraw iċ-ċertezza legali, iżżid il-fiduċja tal-konsumatur u tiżgura konformità sħiħa mad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni sħiħa tad-dejta personali fl-ambjent diġitali;

Sigurtà

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura implimentazzjoni effiċjenti u koordinata tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-perijodu 2015-2020 u l-prijoritajiet tagħha fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità, billi tiffoka fuq riżultati effettivi tas-sigurtà; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata ffukata fuq l-effikaċja operattiva tal-istrumenti tal-UE eżistenti rilevanti u n-nuqqasijiet li fadal f'dan il-qasam, qabel il-preżentazzjoni ta' proposti ġodda leġiżlattivi bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà; jiddeplora, f'dan ir-rigward, l-assenza kontinwa u sistematika ta' valutazzjoni tal-impatt għal diversi proposti ppreżentati bħala parti minn din l-aġenda;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tfittex li tadotta atti legali li jemendaw jew jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li kienu ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/JHA u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/JHA dwar l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-iskambju ta' informazzjoni dwar reati terroristiċi, billi tipproponi strument leġiżlattiv orizzontali biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u għal żieda fil-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, bil-ħsieb li jiġu żgurati skambji obbligatorju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti mingħajr dewmien bla bżonn emenda għar-regolament tat-twaqqif tal-Europol il-ġdid, sabiex tiġi żviluppata kapaċità ta' investigazzjoni Ewropea ġenwina, tagħti kapaċità legali lill-aġenzija biex titlob li tinbeda investigazzjoni kriminali, u tħeġġeġ il-qsim u l-ġbir flimkien ta' informazzjoni fil-livell tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza għarfien espert u riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi permezz ta' mezzi offlajn u onlajn, b'enfasi partikolari fuq strateġiji ta' prevenzjoni, integrazzjoni u reintegrazzjoni b'perspettiva ċara tal-ġeneru;

7.  Jappella lill-Kummissjoni biex taqdi dmirha bħala l-gwardjan tat-Trattati u tivvaluta l-konformità mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE ta' miżuri adottati riċentement mill-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sorveljanza, filwaqt li żżomm f'moħħha li kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali għandha tkun debitament motivata, prevista mil-liġi, tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u tkun soġġetta għall-prinċipju ta' proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta;

Drittijiet fundamentali

8.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel kull sforz biex tiżblokka l-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-Lista ta' Azzjonijiet tagħha dwar l-avvanz tal-ugwaljanza għal-LGBTI għal rispons Ewropew għall-problemi relatati mad-drittijiet fundamentali li jaffaċċjaw persuni LGBTI, fil-forma ta' pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tħaffef in-negozjati dwar ir-ratifika tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-ewwel strument legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-livell internazzjonali; itenni l-istedina lill-Kummissjoni biex tinkludi definizzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi u biex tippreżenta, malajr kemm jista' jkun, att leġiżlattiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-azzjonijiet deskritti fl-impenn strateġiku tagħha mingħajr dewmien u tinkorpora perspettiva sistematika u viżibbli tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-isfidi ġuridiċi li għad fadal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti jinstabu soluzzjonijiet għaż-żewġ kwistjonijiet l-aktar problematiċi relatati mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), b'mod partikolari l-fiduċja reċiproka u r-rieżami ġudizzjarja;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura f'waqtha u b'mod konformi, d-dħul fis-seħħ tal-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data, u biex tappoġġa t-tkomplija b'suċċess tal-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni ta' Regolament dwar il-Privatezza Elettronika; iħeġġeġ barra minn hekk li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika permezz tal-promozzjoni tal-użu ta' kriptaġġ minn tarf sa tarf u li jiġi pprojbit, permezz tal-liġi tal-UE, kull obbligu impost mill-Istati Membri fuq l-impriżi li jipprovdu n-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jew is-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li jkunu disponibbli għall-pubbliku li jkun jirriżulta f'dgħajfien tas-sigurtà tan-networks u s-servizzi tagħhom;

LEJN POLITIKA ĠDIDA DWAR IL-MIGRAZZJONI

13.  Jitlob li l-istrumenti legali tal-UE dwar il-migrazzjoni jiġu sostitwiti b'regolament waħdieni orizzontali sabiex tinħoloq politika legali vera tal-UE dwar il-migrazzjoni;

14.  Jitlob għal regolament awtonomu dwar il-viża umanitarja Ewropea;

15.  Jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva ta' Faċilitazzjoni biex tiġi ċċarata d-distinzjoni bejn attivitajiet ta' kuntrabandu illegali u l-azzjonijiet ta' ċittadini ordinarji li jgħinu lin-nies fil-bżonn;

16.  Jitlob għal rapporti ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ dwar il-funzjonament tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

UNJONI TA' BIDLA DEMOKRATIKA

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar Patt dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali f'forma ta' ftehim interistituzzjonali, fuq il-linji tar-rakkomandazzjoni magħmula mill-Parlament fir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja;

18.  Itenni s-sejħa tiegħu għal ħolqien ta' fond għal organizzazzjonijiet b'għotjiet għad-demokrazija li jappoġġjaw l-atturi lokali li jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Unjoni;

19.  Jiġbed l-attenzjoni lejn sforzi dejjem akbar minn Stati terzi u atturi mhux statali li jdgħajjfu, permezz ta' mezzi ibridi, inkluż permezz ta' informazzjoni ħażina, il-leġittimità tal-istituzzjonijiet demokratiċi fi ħdan l-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha kontra t-theddid ibridu u l-kapaċità tagħha biex tmexxi 'l quddiem il-komunikazzjoni strateġika ġewwa u barra l-UE, u biex ittejjeb l-abbiltà tagħha li tiġġieled b'mod xieraq l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni b'mod sistematiku;

SPINTA ĠDIDA GĦALL-IMPJIEGI, IT-TKABBIR U L-INVESTIMENT

Reviżjoni tal-QFP, il-baġit u l-impjiegi

20.  Ifakkar li taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha normalmemt tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali qabel l-1 ta' Jannar 2018; jistenna li din il-proposta se tindirizza dawn il-prijoritajiet bħal riforma komprensiva tas-sistema ta' riżorsi proprji, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, enfasi ikbar fuq l-unità tal-baġit biex jiġi żgurat kontroll parlamentari sħiħ fuq in-nefqa kollha, aktar flessibilità baġitarja, inkluż strument speċjali ġdid li għandu jiġi magħdud lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, aġġustamenti għall-perjodu tal-QFP sabiex jiġi allinjat maċ-ċikli politiċi tal-Parlament u tal-Kummissjoni u l-modalitajiet tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jiggarantixxu d-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa;

21.  Jissottolinja l-ħtieġa għal riforma sħiħa tas-sistema tar-riżorsi proprji, ibbażata fuq il-prinċipji tas-sempliċità, tal-ekwità, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward ir-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2017, pakkett leġiżlattiv ambizzjuż dwar ir-riżorsi proprji għal wara l-2020, li timmira li tiżgura li l-baġit tal-UE jiffoka fuq oqsma li jġibu l-ogħla valur miżjud Ewropew, jitneħħew gradwalment il-forom kollha ta' ribassi u jintemm l-approċċ ta' "juste retour"; jistenna li kwalunkwe riżors proprju ġdid jenħtieġ li jwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tal-ING tal-Istati Membri;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-allokazzjoni tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-livell deċiż fil-QFP fl-2013; iqis, fuq din il-bażi, li l-aġġustament tekniku għandu jevita kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni, minħabba l-importanza tiegħu għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi, billi jiżgura koeżjoni fl-UE, u, b'mod partikolari, jappoġġja l-SMEs u l-innovazzjoni u r-riċerka, kif ukoll l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-politiki urbani;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-Aġenda Urbana tal-UE u b'hekk jiġu żgurati s-soluzzjonijiet tal-politika koerenti u integrata li jeħtieġu l-ibliet fil-livell Ewropew, u biex tiġi żgurata r-rabta mal-aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna tagħha ta' kwistjonijiet relatati ma' żoni urbani u, pereżempju, tespandi l-istrument tal-valutazzjonijiet tal-impatt sabiex jinkludi d-dimensjoni urbana b'mod aktar sistematiku;

24.  Iqis li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) hija essenzjali biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għadu ogħli b'mod inaċċettabbli fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura biżżejjed fondi biex tikkumbatti l-qgħad fost iż-żgħażagħ u titkompla l-YEI sa tmiem il-QFP attwali, filwaqt li fl-istess ħin jitjieb il-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha u b'kont meħud tal-aħħar sejbiet tar-rapport speċjal tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impjiegi taż-żgħażagħ u l-użu tal-YEI (Nru 5/2017); barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex tiffaċilita l-impjieg tan-nies li għandhom aktar minn 50 sena;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati, bħala mezz biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u biex ittejjeb l-aċċess għal opportunitajiet ta' impjieg;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri fil-qafas ta' Aġenda għall-Ħiliet Ġodda, bħal pereżempju l-iżvilupp ta' għodda ta' tbassir tal-ħtiġijiet tal-ħiliet pan-Ewropej li tagħmilha possibbli li ssir stima tal-ħtiġijiet futuri tal-kompetenzi u tadattahom aħjar lejn l-impjiegi disponibbli fis-suq tax-xogħol, inkluż l-aġenda dwar it-tkabbir blu; ifakkar li, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet diġitali, żviluppati mill-Istati Membri fil-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet, huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament adegwat għall-istituzzjonijiet edukattivi biex jiżguraw l-iżvilupp ta' firxa wiesgħa ta' ħiliet diġitali li l-individwi u l-kumpaniji għandhom bżonn f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta u tevalwa l-ħtiġijiet ta' finanzjament u ta' investiment sabiex tingħeleb id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq Green Paper dwar l-inugwaljanza u kif din qed tostakola l-irkupru ekonomiku; iħeġġiġha tanalizza u tivvaluta din il-kwistjoni bħala l-ewwel pass lejn il-proposta ta' soluzzjonijiet politiċi, u sabiex tieħu azzjoni immedjata biex taqleb din it-tendenza sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar, u tiżdied il-koeżjoni soċjali;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trattament Indaqs u tniedi l-proċedura leġiżlattiva għal direttiva wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi bil-għan li tiġi eliminata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

Il-programm Orizzont 2020

29.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud enormi tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-Ewro, Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tagħha u tieħu inkonsiderazzjoni r-riżoluzzjoni tal-Parlament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem lejn is-simplifikazzjoni filwaqt li timminimizza l-ostakoli għall-parteċipazzjoni u tiżgura l-ogħla gwadann soċjoekonomiku – kemm fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul – għall-partijiet kollha tal-programm, u biex jaħdmu lejn proposta ambizzjuża għall-programm kwadru l-ġdid; jenfasizza li l-bini ta' sinerġiji mal-Fondi ESI huwa meħtieġ biex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni fi ħdan l-UE;

Politika tat-trasport aktar effiċjenti u multimodali

30.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-Artikolu 3 tar-Regolament 551/2004 li jistabbilixxi Reġjun Ewropew tal-informazzjoni għal titjir aktar 'il fuq (REIF) wieħed u biex tiżviluppa indiċi ta' konnettività fuq il-bażi ta' indiċijiet oħra eżistenti u l-ħidma esploratorja li diġà twettqet mill-Eurocontrol u mill-Osservatorju dwar l-Ajruporti;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida dwar l-għażla taż-żmien u l-istrumenti biex tiżgura l-iżvilupp ta' approċċ Ewropew dwar l-istorbju tal-ferroviji tal-merkanzija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi ffukati fuq it-tmexxija ta' aktar merkanzija mit-triq għall-ferroviji (Shift2Rail);

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta bil-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti sabiex issaħħaħ l-istabbiliment tas-suq intern Ewropew tat-trasport bit-triq; jistieden lill-Kummissjoni, fejn hu leġittimu, biex tieħu l-miżuri meħtieġa kontra l-liġijiet nazzjonali li jfixklu s-suq uniku Ewropew;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva integrata u armonizzata għall-ftuħ ta' sewqan konness u awtomatizzat, li tippermetti faċilitajiet ta' ittestjar transfruntier, l-abbozzar ta' leġiżlazzjoni Ewropea proporzjonata dwar ir-responsabbiltà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta u tappoġġja l-inizjattivi pubbliċi-privati;

34.  Jitlob li jkun hemm miżuri marittimi konkreti biex jitnaqqas ir-rimi ta' skart iġġenerat mill-bastimenti u fdalijiet mill-merkanzija fil-baħar u biex tittejjeb id-disponibbiltà u l-użu ta' faċilitajiet fil-portijiet li jirċievu l-iskart; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi b'fokus speċjali fuq it-tbaħħir awtonomu;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tipprovdi pakkett multimodali sabiex jiġi żgurat approċċ integrat tal-politiki tat-trasport, li għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għad-drittijiet tal-passiġġieri u l-mobbiltà minn bieb għal bieb integrati għall-passiġġieri u għall-merkanzija; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-attenzjoni u l-appoġġ tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tas-settur tat-trasport multimodali (Dokumenti elettroniċi) u biex tinbeda l-implimentazzjoni ta' infrastruttura u servizzi multimodali tul in-netwerks TEN-T;

UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA AKTAR PROFONDA U AKTAR ĠUSTA

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Parlament fil-qasam tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ dik il-prattika u biex tikkunsidra l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja fil-politika tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fejn jirrigwarda l-prinċipji fundamentali u l-linji gwida vinkolanti;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr bi proposti konkreti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, filwaqt li jinnota li l-finanzjament bl-imnut fl-UE għandu jaħdem fl-interessi taċ-ċittadini u jipprovdu prodotti aħjar u aktar għażla fis-suq;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri effikaċi fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u riformi strutturali biex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom, iżidu l-kompetittività u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi;

39.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-ħidma fuq it-tlestija ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), bil-għan li jinkoraġixxi l-investiment fl-UE biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti li jtejbu l-ambjent tan-negozju fl-UE sabiex jiġi attirat aktar investiment barrani dirett;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rwol tal-UE fil-qafas tal-istituzzjonijiet u l-korpi internazzjonali finanzjarji, monetarji u regolatorji(1), biex tissimplifika u tikkodifika r-rappreżentanza tal-UE f'organizzazzjonijiet u korpi multilaterali bl-għan li żżid it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-involviment tal-Unjoni f'dawn il-korpi, l-influwenza tagħha u l-promozzjoni tal-leġiżlazzjoni li tkun adottat permezz ta' proċess demokratiku;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem it-tkabbir billi tibni fuq l-approċċ tridimensjonali li għandu l-għan li jsaħħaħ l-investiment u l-finanzjament tal-innovazzjoni, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u s-CMU, it-twettiq ta' riformi strutturali biex jimmodernizzaw l-ekonomiji u l-istabbiliment ta' taħlita ta' politiki komuni;

SUQ UNIKU DIĠITALI KONNESS

42.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien ta' xi proposti leġiżlattivi li jinsabu fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE m'għandhomx jitilfu r-ritmu tal-istrateġija u jiddedikaw kull sforz possibbli biex jitwasslu u jiġu adottati l-proposti rilevanti; jistieden lit-tliet istituzzjonijiet, fiż-żmien tar-reviżjoni ta' nofs it-term tagħha, biex jintrabtu fl-ogħla livell biex jingħataw trattament prijoritarju fil-proċess leġiżlattiv sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-riżultati tagħhom;

43.  Jilqa' l-isforzi biex jiġu żviluppati u mmodernizzati l-liġijiet tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, sabiex isiru tajbin għall-era diġitali u jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għal kontenut kreattiv, biex b'hekk tinħoloq iċ-ċertezza legali filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-awturi u tal-artisti; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva għall-modernizzar tad-drittijiet tal-awtur fuq evidenza indipendenti dwar l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari fir-rigward tal-SMEs f'dan is-settur, l-aċċess għall-għarfien u l-kultura, ir-responsabbiltà intermedjarja, internet miftuħ, id-drittijiet fundamentali u l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali għas-setturi kreattivi u kulturali; iqis li d-drittijiet tal-awtur għandhom iżommu l-funzjoni primarja tagħhom, jiġifieri li jippermettu lill-awturi jiġu kkumpensati għall-isforzi tagħhom meta oħrajn jagħmlu użu minn xogħolhom, filwaqt li jiġu armonizzati l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ta' riċerka, edukazzjoni, il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-kontenut iġġenerat mill-utent; jenfasizza l-fatt li l-kontribut importanti ta' metodi tradizzjonali li jħeġġu l-kultura reġjonali u Ewropea m'għandux ikun imxekkel mill-immodernizzar ta' proposti ta' riforma;

44.  Itenni s-sejħa tiegħu għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv bħala għajn ta' impjiegi u tkabbir; jenfasizza, f'dan ir-rigward, kemm hu importanti l-infurzar u l-immodernizzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-pjan ta' azzjoni tagħha għall-ġlieda kontra l-ksur tad-DPI, inkluż rieżami tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-DPI, li ma timxix mal-era diġitali u hija inadegwata biex tiġġieled kontra l-ksur onlajn, u wkoll tagħti segwitu lill-ħidma fuq il-Green Paper dwar iċ-ċaħda tad-debitu u skemi relatati fil-kuntest ta' dritt potenzjali fl-UE kollha li jiġu rkuprati flus li jkunu ntużaw, intortament, għax-xiri ta' oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ aktar il-mandat tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jilqa' it-twaqqif mill-Kummissjoni ta' grupp ta' esperti dwar l-infurzar tad-DPI;

45.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-internet jinżamm bħala pjattaforma miftuħa, newtrali, sikura u inklussiva għall-komunikazzjoni, il-produzzjoni, il-parteċipazzjoni u l-ħolqien, u bħala fornitur tad-diversità kulturali u tal-innovazzjoni; ifakkar li dan huwa fl-interess taċ-ċittadini u tal-konsumaturi kollha tal-UE u li sejjer jikkontribwixxi għas-suċċess tal-kumpaniji Ewropej b'mod globali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-prinċipju tan-newtralità tal-internet kif adottat fil-"pakkett Kontinent Konness" jiġi applikat b'mod rigoruż;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ b'direttiva dwar l-avviżi u t-tneħħija sabiex tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali, liema direttiva jkollha l-effett li tqawwi ċ-ċarezza legali billi tarmonizza l-proċeduri u s-salvagwardji għal pjattaformi tal-internet u għall-utenti tagħhom li rigward it-tneħħija ta' kontenuti; jenfasizza li l-UE teħtieġ struttura effikaċi ta' proċess debitu biex tipproteġi liċ-ċittadini mit-tneħħija arbitarja tal-kontenuti;

47.  Jitlob li l-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni rapida tal-pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku, u jitlob li l-Kummissjoni tirrapportalu wara t-tnedija fl-2017 ta' proġett pilota fuq skala kbira dwar il-Prinċipju ta' Darba Biss għan-negozji u ċ-ċittadini (TOOP);

SUQ INTERN AKTAR PROFOND U AKTAR ĠUST B'BAŻI INDUSTRIJALI MSAĦĦA

Is-suq uniku

48.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx widen għat-talbiet ripetuti biex jinħoloq pilastru sod tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew, b'sistema ta' monitoraġġ u identifikazzjoni regolari tal-ostakli speċifiċi għal kull pajjiż fir-rigward tas-suq uniku, li x-xejra dan l-aħħar kienet li jiddaħħlu fl-Istati Membri b'impatt, frekwenza u kamp ta' applikazzjoni akbar;

49.  Itenni, għalhekk, it-talba tiegħu li l-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet iffokati fuq it-tneħħija tal-ostakli fis-suq uniku fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż; jitlob li ssir evalwazzjoni fil-fond tal-integrazzjoni tas-suq uniku kif ukoll tal-kompetittività interna; jinsisti li l-evalwazzjoni tal-istat tal-integrazzjoni tas-suq uniku għandha ssir parti integrali mill-qafas tal-governanza ekonomika;

50.  Jitlob li l-Kummissjoni tiffoka l-ħidma tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku u b'mod partikolari fuq il-proposti leġiżlattivi għal Portal Diġitali Uniku, li għandhom jiġu proposti bla dewmien, u għal Għodda ta' Informazzjoni għas-Suq Uniku; ifakkar f'dan il-kuntest li, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Istrateġija, il-Parlament kien issottolinja li d-differenzi regolatorji bejn l-Istati Membri rigward ir-rekwiżiti tat-tikkettar jew ta' kwalità joħolqu ostakli bla bżonn għall-attivitajiet ta' fornituri ta' prodotti u għall-ħarsien tal-konsumatur, u għall-valutazzjoni ta' liema tikketti huma essenzjali u liema mhumiex biex l-informazzjoni tal-konsumaturi tkun żgurata, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda miżura f'din il-materja;

51.  Jitlob li l-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tissorvelja mill-qrib l-effetti tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut mill-15 ta' Ġunju 2017, b'mod partikolari l-implimentazzjoni korretta u l-infurzar tad-Direttiva igward l-iskemi ta' eċċezzjoni, l-evoluzzjoni tad-data dwar xejriet tal-konsum u l-pjanijiet tat-tariffi bl-imnut disponibbli; iħeġġeġ li l-impatt li l-implimentazzjoni korretta tal-politiki volontarji ta' użu ġust se jkollu jiġi vvalutat;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta b'urġenza l-proposta għal regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni rivedut dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b'mod irriversibbli; ifakkar lill-Kummissjoni li l-adozzjoni ta' din il-proposta ġdida tagħha kienet waħda mill-kundizzjonijiet biex il-Parlament adotta d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, u jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tissodisfa din it-talba mill-aktar fis sabiex timla' l-lakuni u ssaħħaħ ir-reġimi ta' diżattivazzjoni fl-UE;

53.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni kienet l-ewwel pass neċessarju, iżda li ma tistax titqies suffiċjenti fiż-żmien medju u fit-tul; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tagħha u tħeji t-triq għal reviżjoni tad-direttiva mill-aktar fis possibbli, bil-għan li jintlaħaq livell ogħla ta' kooperazzjoni operattiva u strateġika bejn l-Istati Membri;

Id-drittijiet tal-konsumaturi

54.  Iqis li l-evalwazzjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur hija pass importanti lejn l-iżgurar li d-direttiva tkun laħqet l-objettivi tagħha u li l-impatti antiċipati, kif deskritti fil-valutazzjoni tal-impatt oriġinali li akkumpanjat il-proposta għal direttiva, seħħew fir-realtà;

55.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-kontroll tal-idoneità REFIT tad-dritt tal-konsumatur jiġi kkompletat fil-ħin sabiex ir-riżultati tiegħu jkunu jistgħu jilħqu jintużaw fil-mandat ta' din il-leġiżlatura, u li dan il-kontroll jinkludi r-riżultati tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur;

56.  Jinsab imħasseb dwar allegazzjonijiet li l-karatteristiċi kwalitattivi ta' prodotti, sew tal-ikel kif ukoll ta' tip ieħor, li jinbigħu fis-suq uniku taħt l-istess marka kummerċjali, bl-istess imballaġġ u bl-użu ta' kwalunkwe test ieħor ta' kummerċjalizzazzjoni, jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni tinvestiga din il-kwistjoni aktar mill-qrib;

UNJONI TAL-ENERĠIJA REŻILJENTI B'POLITIKA DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA LI TĦARES LEJN IL-FUTUR

57.  Jitlob li l-Kummissjoni, wara l-adozzjoni ta' diversi proposti leġiżlattivi dwar l-Unjoni tal-Enerġija, l-effiċjenza enerġetika, it-tfassil tas-suq, l-enerġija rinnovabbli u proposti leġiżlattivi u komunikazzjonijiet oħra relatati mal-enerġija, tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq li tiżgura li l-Istati Membri dawn jimplimentawhom bis-sħiħ; iqis li, fil-każijiet fejn ikun ċar li l-obbligi legali mhux qed jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur, bil-għan li tinbena Unjoni tal-Enerġija ġenwina;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikompleta mill-aktar fis ir-rieżami tagħha, li diġà waqa' lura, dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi, vannijiet u vetturi tqal, u tressaq proposti leġiżlattivi għal mira ta' medja ta' emissjonijiet għal flotta ta' vetturi li tkun allinjata mal-impenji li saru fil-kuntest tal-ftehim bejn il-koleġiżlaturi fl-2013;

59.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-UE żżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li l-Kummissjoni tipproponi miżuri li japplikaw fl-Unjoni kollha u li jkunu kumplementari għall-impenn tal-UE għal tnaqqis ta' 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra bil-ħsieb tad-djalogu faċilitattiv tal-2018 skont il-Ftehim; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji strateġija ta' nofs is-seklu għad-dekarbonizzazzjoni li tkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi, inklużi l-punti ta' riferiment intermedji biex jiġi żgurat li l-ambizzjonijiet tal-UE rigward it-tibdil fil-klima jitwettqu b'mod kosteffikaċi; jitlob li l-Kummissjoni tevalwa l-konsistenza tal-politiki kurrenti tal-UE bi rbit mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż rigward il-baġit tal-UE, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili u l-governanza tal-oċeani, speċjalment fir-rigward tal-importanza tal-oċeani għall-klima tagħna; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa miżuri li jappoġġjaw tranżizzjoni ordinata lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, bil-għan li timmitiga r-riskji ekonomiċi sistematiċi assoċjati ma' assi finanzjarji b'livell għoli ta' karbonju; jistenna li l-Kummissjoni tiżgura li l-programm ta' ħidma jirrifletti l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli billi tqiegħed is-sostenibbiltà fil-qalba tal-politika ekonomika, u jtenni li huwa importanti li s-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali 2014–2020 jiġi implimentat bis-sħiħ;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq bla dewmien l-inizjattivi elenkati fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari, inkluż fl-oqsma tal-politika dwar il-prodotti u l-ħela tal-ikel, u tissorvelja l-progress lejn ekonomija ċirkolari fil-qafas tas-Semestru tal-UE;

61.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali – b'rispett sħiħ għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità – sabiex tintensifika l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' liġijiet u l-istandards ambjentali;

Il-politiki tal-agrikoltura u tas-sajd

62.  Jenfasizza r-rwol importanti li s-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-forestrija sostenibbli jaqdu fl-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel fl-UE, fil-provvista ta' postijiet tax-xogħol u fit-titjib tal-istandards ambjentali, u jenfasizza wkoll il-potenzjal li għandha l-agrikoltura Ewropea biex tikkontribwixxi għall-politiki dwar it-tibdil fil-klima permezz tal-innovazzjoni u tal-adozzjoni ta' politiki li jsaħħu l-potenzjal tal-agrikoltura Ewropea rigward is-sekwestru tal-karbonju;

63.  Jitlob li l-Kummissjoni tissimplifika l-implimentazzjoni tal-PAK u tnaqqas il-burokrazija żejda bil-għan li tagħmilha aktar effiċjenti, tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-imprendituri agrikoli, u tagħti lok għall-innovazzjonijiet li huma indispensabbli għal settur agrikolu Ewropew kompetittiv u li jħares 'il quddiem; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar ikun inkluż fil-proposta li ġejja għal riforma tal-PAK li għandha tipprovdi aktar spazju u inċentivi finanzjarji għall-innovazzjoni fl-agrikoltura, maħsubin biex jiżguraw fit-tul is-sigurtà tal-ikel fl-UE, inaqqsu l-impatt tal-agrikoltura fuq il-bijodiversità u jsaħħu r-reżiljenza tagħha għat-tibdil fil-klima;

64.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposti biex tindirizza b'urġenza t-telf tal-kapital naturali li għadu għaddej fl-Ewropa, u tirrevedu l-politiki eżistenti, b'mod partikolari l-PAK, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE;

65.  Jenfasizza kemm huwa urġenti u importanti li tittieħed azzjoni kontra t-theddida dejjem tikber taż-żieda fir-reżistenza antimikrobika, billi din jista' jkollha impatt enormi fuq is-saħħa u l-produttività taċ-ċittadini kif ukoll fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tressaq proposta għal pjan ta' azzjoni tal-UE dwar kif għandu jiġi implimentat fl-Unjoni l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar ir-Reżistenza Antimikrobika; jitlob ukoll li l-Kummissjoni tqawwi l-miżuri li diġà ġew applikati fil-Pjan ta' Azzjoni attwali kontra r-reżistenza antimikrobika (AMR) u tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tiegħu mill-partijiet rilevanti kollha;

66.  Itenni li, bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni f'waqtha u xierqa tal-Politika Komuni tas-Sajd adottata fl-2013, il-Kummissjoni għandha tkompli tressaq proposti leġiżlattivi għall-adozzjoni ta' pjanijiet imġedda ta' ġestjoni pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut;

67.  Jenfasizza l-importanza tas-sistema robusta ta' kontroll stabbilita fir-Regolament dwar il-Kontroll (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009), li mmodernizza l-approċċ tal-UE dwar il-kontroll tas-sajd skont il-miżuri adottati biex jikkumbattu s-sajd illegali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq segwitu komprensiv u tipproponi r-reviżjoni tagħhom, jekk ikun hemm bżonn, bil-għan li tindirizza n-nuqqasijiet u tiżgura implimentazzjoni u infurzar xierqa;

68.  Iqis li s-sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU) huwa forma ta' kriminalità organizzata fuq l-ibħra, b'impatti ambjentali u soċjoekonomiċi diżastrużi madwar id-dinja kollha, u għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa kontra pajjiżi li ma jikkooperawx u kontra l-organizzazzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għas-sajd IUU;

IL-KUMMERĊ

69.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal aġenda tal-kummerċ ambizzjuża u bbażata fuq il-valuri li se ssaħħaħ is-sistema globali bbażata fuq ir-regoli u tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; jilqa', f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonkludi negozjati mal-Ġappun u timxi 'l quddiem f'negozjati oħra li għaddejjin bħalissa, bħal dawk mal-Messiku u mal-Mercosur, kif ukoll il-mira tagħha li tibda negozjati ġodda ma', pereżempju, l-Awstralja u n-New Zealand, u l-fatt li qed tipprova tiżblokka negozjati oħra, bħal dawk mal-Indja;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti ħajja ġdida lid-diskussjoni tad-WTO ta' wara Nairobi, peress li n-negozjati kummerċjali multilaterali jridu jibqgħu kwistjoni ta' prijorità għall-UE anki meta jirriżultaw diffiċli; iqis li jkun vallapena wkoll li, fi ħdan il-qafas tad-WTO, wieħed jeżamina oqsma u kwistjonijiet ġodda, bħall-kummerċ diġitali, u jilqa' l-inizjattivi internazzjonali meħuda mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-investimenti;

71.  Jenfasizza li l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni huma kwistjonijiet ta' urġenza u tal-akbar importanza;

ATTUR GLOBALI AKTAR B'SAĦĦTU

72.  Jitlob li l-Kummissjoni timxi ‘l quddiem bit-twaqqif tal-Fond Ewropew għad-Difiża, li jkun jinkludi finanzjament adegwat sew għar-riċerka kollaborattiva dwar it-teknoloġiji militari u sew l-akkwist ta' assi konġunti mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika l-infurzar taż-żewġ direttivi li jinkwadraw is-suq uniku tad-difiża u toħroġ b'inizjattiva dwar l-iżvilupp ta' standards industrijali komuni għat-tagħmir u l-assi militari;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lit-tensjoni tikber fil-Balkani tal-Punent u tfittex modi biex issaħħaħ l-impenn tal-UE favur rikonċiljazzjoni u riformi fil-pajjiżi kollha kkonċernati;

74.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għall-enfasi tagħha fuq il-Politika tal-Viċinat, sew dik tal-Lvant u sew dik tan-Nofsinhar, iżda jissottolinja li din il-politika trid tikseb kontenut aktar politiku, notevolment permezz ta' kombinazzjoni ta' aktar għajnuna finanzjarja, appoġġ imsaħħaħ għad-demokrazija, aċċess għas-suq u mobbiltà mtejba; jenfasizza li l-politika jeħtiġilha tidentifika oqsma ta' azzjoni b'mod ċar biex tindirizza aħjar l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi ġirien;

75.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprijoritizza d-diġitalizzazzjoni bħala parti integrali tal-istrumenti tal-politika barranija tal-UE, u tħaddanha bħala opportunità biex tkun minn ta' quddiem, pereżempju fl-oqsma tal-governanza tal-internet, id-drittijiet tal-bniedem online, in-normi statali fiċ-ċiberspazju, iċ-ċibersigurtà u l-libertà online, l-aċċess u l-iżvilupp, il-litteriżmu diġitali u n-newtralità tal-internet;

76.  Jenfasizza li l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt internazzjonali u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu denominatur komuni ċentrali fil-politiki kollha tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni ma tittraskurax l-importanza tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-miżuri kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tirsisti attivament ħalli d-drittijiet tal-bniedem jiġu implimentati b'mod effikaċi permezz tal-ftehimiet kollha, b'mod partikolari permezz tal-ftehimiet ta' kummerċ, ta' djalogu politiku, ta' kooperazzjoni u ta' assoċjazzjoni li l-UE tkun firmatarja tagħhom, b'mod partikolari l-hekk imsejħa 'klawsola tad-demokrazija' u l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ ċar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li magħhom l-UE għandha ftehimiet;

77.  Jitlob li l-Kummissjoni tkompli taħdem biex tiżgura li dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra, vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż bl-użu kkonfermat ta' armi kimiċi, jagħtu kont ta' għemilhom; jesprimi t-tħassib serju kontinwu tiegħu għar-restrizzjonijiet deliberati li jostakolaw il-forniment ta' għajnuna umanitarja, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tagħmel kull sforz possibbli biex jiġi żgurat li n-NU u organizzazzjonijiet umanitarji oħra jkollhom aċċess umanitarju sħiħ, bla xkiel, sikur u sostenibbli fl-inħawi kollha ta' dawk il-pajjiżi fejn ikun meħtieġ;

78.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq pjan ta' implimentazzjoni għall-Kunsens Ewropew rivedut;

79.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni turi ambizzjoni fl-aġġornament tagħha tal-Istrateġija Globali tal-UE u tippożizzjona l-UE aħjar f'dinja li qed tinbidel bil-ħeffa, biex twettaq il-bidliet istituzzjonali u ta' politika għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030; jitlob li l-Kummissjoni wkoll tressaq proposta għal qafas kumplessiv ta' Strateġija ta' Żvilupp Sostenibbli, li tkopri l-oqsma ta' politika kollha rilevanti, interni u esterni, inkluż il-proċess tan-NU, u li jkollha skeda ta' żmien dettaljata sal-2030, pjan ta' implimentazzjoni konkret u proċedura speċifika li tiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament, u jitlob li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni dwar il-pjan għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu u l-inkorporazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politika interna u esterna tal-UE;

80.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal Pjan ambizzjuż ta' Investiment Estern (EIP); jemmen li l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika se tkun fattur ewlieni fil-valutazzjoni tal-effikaċja tal-isforzi li qed isiru bħalissa; jitlob lil l-Kummissjoni tagħti spinta attiva u effikaċi lill-politika esterna tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tkun protagonista ewlenija li tipprovdi risposti effiċjenti għall-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa, bil-għan li l-SDGs jitwettqu sal-2030 u li l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u furzata jiġi indirizzati;

81.  Ifakkar fil-ħtieġa li jsir rieżami tar-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996), bil-għan li l-assistenza umanitarja tal-UE ssir aktar effiċjenti u konformi mad-dritt umanitarju internazzjonali, speċjalment fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal azzjoni komprensiva kontra l-karestija u għall-iżgurar ta' futur sostenibbli għall-miljuni ta' nies milquta minn kunflitti jew minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, kif ukoll għall-edukazzjoni fil-kuntest ta' kriżijiet li jieħdu fit-tul;

82.  Jitlob li l-Kummissjoni tqawwi l-isforzi tagħha biex tissalvagwardja s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa u l-bniet madwar id-dinja, u tiggarantixxi li l-Global Gag Rule ma tirrestrinġix il-fondi ta' għajnuna umanitarja tal-UE u l-ħidma ta' organizzazzjonijiet barranin tal-ippjanar tal-familji ffinanzjati mill-UE;

83.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar miżuri ta' akkumpanjament għar-"Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt" (2014/0059(COD)) fi qbil mal-Komunikazzjoni Konġunta rilevanti (JOINT(2014)8);

84.  Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl tan-natura globali tal-industrija tal-ilbies u n-nuqqasijiet tagħha f'dak li jirrigwarda t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, tmur lil hinn mill-preżentazzjoni ta' dokument ta' ħidma tal-persunal dwar l-inizjattiva ewlenija rigward is-settur tal-ilbies, u tippreżenta proposta leġiżlattiva għal obbligi ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies;

85.  Jitlob li l-Kummissjoni tassisti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa permezz tal-istabbiliment ta' qafas komprensiv u vinkolanti;

86.  Jitlob li l-Kummissjoni tadotta approċċ ambizzjuż fil-kuntest tan-negozjati futuri għall-Ftehim ta' wara Cotonou bil-ħsieb ta' ftehim vinkolanti, imfassal apposta għar-realtajiet il-ġodda, b'dimensjoni politika qawwija u oħra ta' żvilupp ekonomiku, u orjentat lejn l-ekonomija tas-suq u t-tkabbir inklussiv;

*

*  *

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0108.

Avviż legali - Politika tal-privatezza