RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2017 li jissostitwixxi l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea
27.6.2017 - (C(2017)03984 – 2017/2747(DEA))
Angel Dzhambazki f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
B8‑0437/2017
Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2017 li jissostitwixxi l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea
(C(2017)03984 – 2017/2747(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)03984),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2015, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, bid-data 22 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea[1], kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b'mod partikolari l-Artikoli 30 u 31(5) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 stipulaw il-formoli li jridu jintużaw biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu;
B. billi r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ġie emendat mir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li se japplika mill-14 ta' Lulju 2017; billi l-bidliet tal-proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea għandhom ikunu riflessi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006;
C. billi huwa meħtieġ li jiġu sostitwit l-Annessi I tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 u billi jenħtieġ li l-Anness I japplika fl-istess ħin meta jibda japplika r-Regolament (UE) 2015/2421;
D. billi l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 se jibdew japplikaw fl-14 ta' Lulju 2017, u jenħtieġ li r-Regolament delegat għalhekk jidħol fis-seħħ fl-14 ta' Lulju 2017;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).