Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0440/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0440/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

28.6.2017 - (2017/2732(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0319/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Massimiliano Salini f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0440/2017

Proċedura : 2017/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0440/2017
Testi mressqa :
B8-0440/2017
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0440/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

(2017/2732(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II "Libertajiet" u t-Titolu IV "Solidarjetà" tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" (COM(2010)0682),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom[2],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-Pakkett "It-Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea[3],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar in-negozji tal-familja fl-Ewropa[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi[7],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, irratifikat mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mandat tiegħu għall-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari approvat fl-14 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O-000047/2017 – B8-0319/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-industrija Ewropea hija mexxejja globali f'bosta setturi industrijali; billi hija tirrappreżenta aktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa, madwar 65 % tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, u aktar minn 50 miljun impjieg (permezz ta' impjiegi diretti u indiretti, jiġifieri 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa); billi, madankollu, il-kontribuzzjoni tal-industrija Ewropea għall-PDG tal-UE naqset minn 19 % għal inqas minn 15,5 % matul dawn l-aħħar 20 sena;

B.   billi 65 % tal-infiq tan-negozji fuq ir-R&Ż isir mill-industrija tal-manifattura, iżda din iċ-ċifra qed tonqos u t-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħna huwa għalhekk il-mezz ewlieni biex jinżammu u jissaħħu l-għarfien espert u l-kompetenza fl-UE; billi l-iżvilupp diġitali, prijorità tal-FEIS, jeħtieġ bażi industrijali b'saħħitha biex jitwettaq;

C.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li jirrappreżentaw 99 % tal-kumpaniji Ewropej kollha u jirrappreżentaw is-sinsla tal-industriji tal-UE qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba bidliet globali fl-ekonomija u ostakli finanzjarji u amministrattivi;

D.  billi aktar minn 60 % tal-intrapriżi kollha llum huma negozji mmexxija mill-familji u jipprovdu sa 50 % tal-impjiegi kollha fis-settur privat fl-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-imprendituri nisa jirrappreżentaw biss 31 % tal-popolazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-UE u 30 % tal-imprendituri ta' negozji ġodda;

F.  billi r-rwol tal-industrija Ewropea qed jiċkien fil-kuntest globali u l-politika tal-UE jeħtieġ li tappoġġja l-industrija Ewropea sabiex tagħti spinta lill-kompetittività u l-kapaċità tagħha li tinvesti fl-Ewropa; billi tiffaċċja wkoll sfidi soċjali u ambjentali;

G.  billi l-ekonomija ċirkolari jista' jkollha impatt pożittiv kbir fuq ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa kif ukoll fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u d-dipendenza fuq il-materja prima ta' pajjiżi terzi; billi l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija huma xprunatur (ewlieni) għall-promozzjoni ta' prodotti industrijali li huma kapaċi joħolqu ċrieki virtużi, iżda l-politika ambjentali jenħtieġ li dejjem tqis u tappoġġja l-kompetittività tal-industrija Ewropea;

H.  billi politika ta' innovazzjoni ambizzjuża, appoġġjata minn mezzi finanzjarji adegwati, li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija u tippromwovi proċessi sostenibbli se tippermetti lill-UE żżomm fuq saqajha f'kuntest globali dejjem aktar kompetittiv, u għalhekk l-innovazzjoni u l-investiment fir-R&Ż, fl-impjiegi u fit-tiġdid tal-ħiliet huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli; billi l-industrija innovattiva tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tar-riċerka, il-progress tar-riċerka u b'mod partikolari r-riċerka kollaborattiva tal-UE;

I.  billi kummerċ ġust ta' prodotti industrijali jeħtieġ jippromwovi l-istandards tal-UE permezz ta' ftehimiet kummerċjali moderni u komprensivi; billi suq intern integrat u li jiffunzjona u kummerċ miftuħ u ġust ma' pajjiżi terzi huma essenzjali għall-industrija tal-UE;

J.  billi l-istrumenti finanzjarji tal-UE għandhom rwol strateġiku fit-trawwim tal-kompetittività u fil-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-investiment;

1.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-industrija bħala xprunatur tat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni tieħu impenn ċar biex tilħaq il-mira li, sal-2020, mill-inqas 20 % tal-PDG tal-Unjoni jkun ibbażat fuq l-industrija u tivvaluta jekk il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-2030 jappoġġjawx il-politika industrijali tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin;

2.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali fl-Ewropa; jistaqsi lill-Kummissjoni jekk hijiex qed tikkunsidra li tadatta l-mira ta' 20 % u tikkomplementaha bil-miri tal-klima u tal-enerġija tal-2030 sabiex tkun tista' tmexxi l-politika industrijali fl-għaxar snin li ġejjin;

3.  Jenfasizza r-rwol tal-SMEs bħala s-sinsla tal-industrija tal-UE u jtenni l-ħtieġa li tiġi segwita politika industrijali tal-UE li tkun kompatibbli mal-SMEs u li tindirizza l-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs fid-dawl tad-daqs tagħhom; ifakkar ir-rwol tan-negozji ġodda u l-intraprenditorija żagħżugħa b'mod partikolari fl-oqsma l-aktar innovattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji għall-SMEs, għan-negozji ġodda u għall-imprendituri żgħażagħ bil-għan li tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE u biex jiġu promossi r-raggruppamenti, iċ-ċentri ta' innovazzjoni diġitali u n-netwerks tan-negozju;

4.  Huwa konvint li l-industrija Ewropea jenħtieġ li titqies bħala vantaġġ strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jissottolinja li huma biss industrija b'saħħitha u reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur li se jippermettu lill-UE tiffaċċja l-isfidi differenti li qed jistennewha, inklużi r-rilokazzjoni tal-investiment, il-kompetizzjoni globali, il-progress teknoloġiku rapidu u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità tagħha;

5.  Jissottolinja li sabiex l-industrija tal-Unjoni tiġi appoġġjata biex taffaċċja l-isfidi ta' bidliet ekonomiċi u regolatorji rapidi fid-dinja globalizzata tal-lum huwa essenzjali li tissaħħaħ l-attraenza industrijali tal-Ewropa għall-investiment dirett Ewropew u barrani;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' ambjent li jappoġġja l-investiment, ta' qafas legali prevedibbli u stabbli sabiex jattira l-investimenti u tal-promozzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament;

7.  Ifakkar ir-rwol strateġiku tal-istrumenti finanzjarji tal-UE bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, l-Orizzont 2020 u l-FEIS; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu dan ir-rwol inkunsiderazzjoni meta tqis / tiddetermina l-baġit għal dawn l-istrumenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw kompletament il-potenzjal xjentifiku u tar-riċerka tal-pajjiżi u r-reġjuni kollha tal-UE kif ukoll biex joħolqu aktar inċentivi għal kooperazzjoni aħjar bejn ir-riċerka u l-industrija sabiex tingħata spinta lir-riċerka kollaborattiva u titħaffef il-konsenja ta' prodotti, teknoloġiji u servizzi innovattivi għall-industrija;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni tal-Enerġija, tas-Suq Uniku Diġitali, tal-Aġenda Diġitali u tal-konnettività tal-Ewropa permezz ta' infrastruttura adegwata, effiċjenti u li tibqa' valida fil-futur;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-isfidi u l-ostakli li n-nisa jiffaċċjaw biex isiru imprendituri u tħeġġeġ lin-nisa biex isiru aktar attivi fl-intraprenditorija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-diffikultajiet iffaċċjati min-negozji tal-familja u ttejjeb l-iżvilupp tal-intraprenditorija żagħżugħa;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija ċirkolari potenzjali tintuża kompletament u li jiġi żgurat li l-industriji jiżviluppaw u jxerrdu b'mod kostanti l-aqwa tekniki disponibbli u l-innovazzjonijiet emerġenti;

13.  Jieħu nota tal-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-UE biex titnaqqas id-dipendenza mir-riżorsi fuq pajjiżi terzi billi jiġu kkombinati a) aċċess ġust għas-suq internazzjonali għar-riżorsi, b) estrazzjoni domestika sostenibbli u c) innovazzjonijiet effiċjenti fit-teknoloġija, b'kontribut mill-UE għall-governanza tal-politika tar-riżorsi globali multilaterali;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta' konformità għan-negozji, peress li l-promozzjoni ta' regolamentazzjoni aħjar f'suq miftuħ li jiffunzjona tajjeb tappoġġja l-politika tar-reindustrijalizzazzjoni tal-UE u tkompli tagħti spinta lill-ekonomija mmexxija mid-data;

15.  Jitlob li s-saħħa titqies bħala xprunatur tat-tkabbir ekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu r-riċerka medika fl-UE, jakkumpanjaw id-diġitalizzazzjoni tas-saħħa u jżommu industrija tas-saħħa kompetittiva fl-Ewropa; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi organizzata promozzjoni komuni tal-kwistjonijiet tas-saħħa diġitali, hekk kif in-netwerks 5G il-ġodda jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta' tekniki mediċi sofistikati magħrufa attwalment biss f'xi żoni limitati;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' politika industrijali komprensiv, koerenti u fit-tul għall-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCIs), u tinkludi l-iżvilupp, il-promozzjoni u l-protezzjoni effettivi u l-finanzjament adegwat tas-CCIs fl-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ġenerali tagħha, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' tkabbir;

17.  Jitlob li l-politika industrijali tal-UE tkun ibbażata fuq miri u indikaturi ċari – inkluż sehem industrijali mill-PDG ta' mill-inqas 20 % sal-2020, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, u l-objettivi tal-klima – u approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u l-ekonomija ċirkolari;

18.  Jitlob li fl-istrateġija industrijali tal-UE jiġu integrati strumenti finanzjarji u miżuri effettivi u sostenibbli li jgħinu fil-ġlieda kontra r-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jenfasizza l-ħtieġa li l-industrija tiġi megħjuna biex tiżviluppa b'mod sostenibbli fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim ta' Pariġi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija fl-Ewropa, li qed jiffaċċjaw kompetizzjoni globali qawwija minħabba spejjeż għoljin tal-enerġija;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' swieq miftuħa u kummerċ internazzjonali ħieles u ġust ibbażat fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ekwi;

21.  Jenfasizza li l-industrija Ewropea tiffaċċja kompetizzjoni globali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin fl-iffaċilitar tar-ristrutturar tal-manifatturi Ewropej ewlenin sabiex jiġi permess l-iżvilupp ta' atturi b'massa kritika suffiċjenti sabiex ilaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali, filwaqt li jqisu d-dritt tal-kompetizzjoni Ewropea, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema, ir-rwol tal-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni u r-relazzjoni strateġika bejn l-industriji l-kbar u l-SMEs, fid-dawl tar-rwol tagħhom fil-qasam tal-innovazzjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-investimenti minn pajjiżi terzi fl-UE f'infrastruttura strateġika, teknoloġiji futuri ewlenin jew assi importanti oħrajn;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lir-rwol ta' intrapriżi statali barranin li huma appoġġjati u ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija tal-antidumping u tal-antisussidji kompatibbli mad-WTO, konsistenti u effettiva għall-UE;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, tqis b'mod aktar adegwat ir-rwol emerġenti tal-atturi nazzjonali ewlenin f'pajjiżi terzi;

26.  Jissottolinja l-importanza ta' strateġija tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-UE sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda u sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej;

27.  Jenfasizza r-rwol tal-industrija tal-karozzi fl-Ewropa fid-dawl tal-effett multiplikatur tagħha għal setturi u industriji oħrajn u jiġbed l-attenzjoni għall-bosta negozji żgħar u ta' daqs medju relatati magħha, ir-rwol tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp u l-ħaddiema kwalifikati ħafna tagħha; jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-industrija biex tiżviluppa vetturi moderni b'karbonju baxx bħall-vetturi tal-elettriku u li jaħdmu bl-idroġenu, u vetturi konnessi u awtonomi;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kkoordinati tal-UE biex tiġi segwita l-promozzjoni ta' ħiliet ġodda kif ukoll taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u tagħlim tul il-ħajja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fl-Aġenda tagħha għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi;

29.  Ifakkar ir-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni tal-UE u jħeġġeġ enfasi b'saħħitha fuq il-fatt li jkollu rwol ewlieni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni;

30.  Iħeġġeġ approċċ politiku industrijali tal-UE li jagħti prijorità kbira lit-tisħiħ tal-katini ta' valur tal-UE u l-integrazzjoni tar-reġjuni kollha tal-UE fin-netwerk ta' industrija tal-UE mġedda;

31.  Jemmen li l-qafas regolatorju Ewropew jenħtieġ li jippermetti lill-industriji jadattaw għall-bidliet ikkonċernati u jieħdu azzjoni antiċipatorja biex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-konverġenza reġjonali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex sa kmieni fl-2018, flimkien mal-Istati Membri, tadotta strateġija politika industrijali Ewropea olistika u pjan ta' azzjoni bbażati fuq il-mira ta' 20 %, li jindirizzaw fost l-oħrajn id-diġitalizzazzjoni, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza fl-enerġija, riżorsi adegwati u d-deregolamentazzjoni, b'mod partikolari għall-SMEs;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħammar din l-istrateġija b'miri politiċi industrijali preċiżi u li jistgħu jitkejlu, filwaqt li tissupplimentaha b'sett ta' indikaturi addizzjonali bħal-livell ta' output industrijali, il-livell ta' impjiegi industrijali u l-investiment annwali medju tas-settur tal-manifattura bħala perċentwal tal-PDG;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi strateġiċi tal-UE li tippermetti r-reviżjoni ta' dawk l-inizjattivi f'każijiet fejn huma ta' żvantaġġ għall-industrija tal-UE, u b'hekk jitjiebu r-riżultati;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.