Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0441/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0441/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-proċedimenti ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja b'rabta mal-politiki migratorji tagħhom

23.6.2017

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Arnautu

B8-0441/2017

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċedimenti ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja b'rabta mal-politiki migratorji tagħhom

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proċediment ta' ksur mibdi mill-Kummissjoni fl-10 ta' Diċembru 2016, u kkonfermat fis-17 ta' Mejju 2017, fil-konfront tal-Ungerija dwar il-leġiżlazzjoni tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-asil,

–  wara li kkunsidra l-proċediment ta' ksur imniedi mill-Kummissjoni, fl-14 ta' Ġunju 2017, kontra r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja minħabba nuqqas ta' konformità mal-obbligi tagħhom skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward ir-rilokazzjoni, adottati fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja t-theddid tal-Kummissjoni, il-Gvern Ungeriż beħsiebu jżomm kontroll effettiv fuq il-fruntieri tiegħu, li huma wkoll il-fruntieri esterni tal-UE;

B.  billi anke l-President tar-Repubblika Franċiża ammetta li s-sistema Ewropea ta' protezzjoni tal-fruntieri mhix se tlaħħaq mal-mewġiet migratorji li jmiss[1];

C.  billi l-mexxejja tan-nazzjonijiet Ewropej għandhom id-dmir li jipproteġu l-identità, il-kultura u l-prosperità tal-popli rispettivi tagħhom;

1.  Jesiġi li l-Kummissjoni twaqqaf minnufih il-proċedimenti tagħha fil-konfront tal-Istati Membri msemmija hawn fuq;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-pajjiżi membri tal-Grupp ta' Visegrad u jadottaw politiki migratorji simili għal tagħhom.