Proċedura : 2017/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0448/2017

Testi mressqa :

B8-0448/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.13
CRE 05/07/2017 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 512kWORD 52k
28.6.2017
PE605.571v01-00
 
B8-0448/2017

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0319/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP))


Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Merja Kyllönen, Jiří Maštálka, Kateřina Konečná, Neoklis Sylikiotis, Marie-Christine Vergiat, Eleonora Forenza, Martina Anderson, Marisa Matias, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP))  
B8-0448/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-TFUE dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, b'mod partikolari fl-oqsma affettwati mit-tranżizzjoni industrijali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 tagħha dwar id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u d-dritt għax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija ta' politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O-000047/2017 – B8-0319/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-industrija Ewropea tammonta għal aktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-UE, madwar 65 % tal-investimenti għar-riċerka u l-iżvilupp u tipprovdi aktar minn 50 miljun impjieg (permezz ta' impjiegi diretti u indiretti, jiġifieri 20 % tal-impjiegi fl-UE);

B.  billi 65 % tal-infiq privat fuq ir-R&Ż isir mill-industrija tal-manifattura u billi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħna huwa għalhekk essenzjali biex jiġu żviluppati l-għarfien espert u n-know-how fl-UE;

C.  billi s-settur tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea ċkien b'7 % mill-2008 għall-2013;

D.  billi l-ekonomiji fil-parti tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea sofrew b'mod partikolari minn tnaqqis tal-produzzjoni fis-settur tal-manifattura mill-2007 għall-2016;

E.  billi r-reindustrijalizzazzjoni tal-ekonomiji periferiċi tal-Ewropa hija essenzjali sabiex jiġi evitat l-iżvilupp ta' żbilanċi ekonomiċi fi ħdan l-UE; billi l-iżvilupp tal-industrija jrid jinkiseb bl-għan li jiġu kkombinati t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità b'sostenibilità soċjali u ambjentali;

F.  billi l-industrija Ewropea attwalment qed iġġarrab tnaqqis sostanzjali fid-domanda interna minħabba l-effett tal-miżuri ta' awsterità fuq il-pagi, l-infiq pubbliku u t-tnaqqis fit-taxxi, li qed jikkawża telf kontinwu ta' impjiegi u tnaqqis fl-investiment industrijali u dan kollu mhuwiex sinjal tajjeb għall-irkupru meħtieġ tal-ekonomija Ewropea;

G.  billi biex tiġi żgurata l-koeżjoni fi ħdan l-ekonomija Ewropea, huwa importanti li titrawwem bażi industrijali diversifikata fl-Istati Membri kollha, u tiġi evitata l-konċentrazzjoni żejda ta' produzzjoni ta' valur miżjud għoli fi ftit minnhom biss;

H.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni f'dan is-settur huma essenzjali għall-industrija Ewropea; billi l-għeluq ta' impjanti spiss jirriżulta f'telf irriversibbli ta' teknoloġija u know-how u fit-tnaqqis fil-ħtieġa ta' ħiliet tal-ħaddiema industrijali;

I.  billi quddiem sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari jkunu fil-qalba tat-tiġdid tal-industrija Ewropea;

J.  billi politika industrijali effettiva u konsistenti, li kapaċi ssaħħaħ il-bażi produttiva tal-Istati Membri kollha, huwa l-uniku mod sabiex tiġi evitata t-triq tan-niżla soċjali tal-politika, il-koeżjoni u l-iżvilupp industrijali;

K.  billi l-kumpaniji multinazzjonali industrijali kbar spiss jużaw tattiċi ta' rilokazzjonijiet tal-produzzjoni, filwaqt li jieħdu vantaġġ mil-lakuni tat-taxxa u tal-insolvenza eżistenti li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom permezz tat-trasferiment ta' assi minn pajjiż għall-ieħor, u b'hekk jipperikolaw il-fibra industrijali tal-Istati Membri;

L.  billi l-investiment pubbliku u politika ta' innovazzjoni pubblika ambizzjuża li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li tippromwovi proċessi sostenibbli huma neċessarji biex l-industrija Ewropea tirnexxi;

M.  billi huwa essenzjali għall-istrateġija industrijali Ewropea li tfassal id-diġitalizzazzjoni b'mod soċjalment ġust hekk kif id-diġitalizzazzjoni attwali tal-industrija qed tħarrax ix-xejriet preeżistenti tal-prekarjetà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-manifattura permezz ta' tnaqqis fil-ħtieġa ta' ħiliet, l-esternalizzazzjoni u s-sottokuntrattar tal-produzzjoni; billi d-diġitalizzazzjoni toffri wkoll opportunità biex tiżdied ir-reżiljenza u s-sostenibilità tal-ekonomija, fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari; billi huwa fundamentali li jiġu antiċipati l-ħiliet ġodda meħtieġa fl-ambjent diġitali li qed jinbidel permezz tal-involviment tas-sħab soċjali, biex ikun żgurat li l-ħaddiema jirċievu taħriġ xieraq permezz tal-kontribuzzjoni ta' min iħaddem u tal-Istati Membri; billi r-robotizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni jippreżentaw sfidi partikolari fil-qasam tal-interazzjoni bejn ir-robots u l-umani u l-privatezza tad-data li jridu jiġu indirizzati permezz ta' leġiżlazzjoni xierqa;

N.  billi l-kummerċ internazzjonali ġust fil-prodotti industrijali jrid jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema, ir-regoli ambjentali u standards soċjali u ta' tassazzjoni oħra;

O.  billi n-nisa bħalissa huma sottorappreżentati fl-industrija u esklużi mill-biċċa l-kbira tal-karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla;

Insaħħu l-ekonomija reali permezz ta' politika sostenibbli ta' reindustrijalizzazzjoni

1.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-industrija bħala mutur għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

2.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali fl-Ewropa, it-tisħiħ tal-koeżjoni Ewropea permezz tal-investiment pubbliku u politika industrijali Ewropea koordinata li tikkontribwixxi għal modernizzazzjoni u koeżjoni reġjonali sostenibbli, permezz ta' approċċ ibbażat territorjalment;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sa kmieni fl-2018, flimkien mal-Istati Membri, proposta leġiżlattiva għal strateġija konsistenti u komprensiva tal-Unjoni għal politika industrijali mmirata lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, filwaqt li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni konkret li jipprovdi miri ambizzjużi u ż-żmien għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex jintlaħqu dawk il-miri; jistieden lill-Kummissjoni tibbaża din l-istrateġija fuq il-valutazzjoni tal-impatt tal-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi ta' politika strateġika u djalogu estensiv mal-partijiet interessati, inklużi s-sħab soċjali u l-akkademja; jirrileva l-fatt li tali strateġija tal-Unjoni trid tkun ibbażata, inter alia, fuq id-diġitalizzazzjoni (b'mod partikolari l-integrazzjoni tat-teknoloġiji intelliġenti, tal-analitika tal-big data u tar-robotika fil-ktajjen tal-valur industrijali), is-sostenibilità, l-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi adegwati; jemmen li jenħtieġ li l-qafas regolatorju Ewropew iħalli lill-industriji jadattaw għall-bidliet ikkonċernati u jieħdu azzjoni minn qabel biex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, għat-tkabbir u għall-konverġenza reġjonali;

4.  Jitlob li jkun hemm strateġija industrijali reġjonalment ibbilanċjata li tkun kapaċi tagħlaq id-distakk bejn l-aktar reġjuni industrijalizzati u dawk anqas industrijalizzati tal-Istati Membri, li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi dwar il-konverġenza reġjonali;

5.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-politika dwar il-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-investiment pubbliku mmirat biex iżomm il-koeżjoni soċjali u reġjonali, isir progress fit-tranżizzjoni ekoloġika, jitjiebu l-istandards tax-xogħol u tal-ambjent u jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-saħħa pubblika;

6.  Jiddenunċja l-politiki ta' awsterità segwiti fl-Ewropa li jnaqqsu d-domanda għal operaturi privati u pubbliċi;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw ir-riżorsi kollha ddedikati għall-appoġġ tal-kumpaniji, fl-għamla ta' sussidji, benefiċċji tat-taxxa, tnaqqis fil-prezz tal-art, eċċ. meta kumpanija tiddeċiedi li titrasferixxi jew tagħlaq l-impjanti ta' produzzjoni tagħha;

8.  Jissottolinja li, skont l-istatistiċi u l-istħarriġiet disponibbli, in-nisa huma sottorappreżentati fil-biċċa l-kbira tal-karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla; billi n-nisa huma ferm sottorappreżentati f'oqsma edukattivi u karrieri relatati mas-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), li jammontaw għal 24 % biss tal-professjonisti tax-xjenza u tal-inġinerija; jenfasizza l-fatt li l-professjonisti femminili fl-industriji tal-manifattura huma assi għall-UE, li teħtieġ ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex tirkupra b'mod definittiv mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u tkun kapaċi tiffaċċja l-bidliet fis-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-isfidi u l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nisa, u biex tippromwovi u tappoġġja l-ugwaljanza fis-salarji u fl-aċċess għal kull post tax-xogħol;

9.  Jenfasizza r-rwol tal-SMEs bħala s-sinsla tal-industrija tal-UE, u jfakkar fil-ħtieġa li tiġi segwita politika industrijali tal-UE li tikkunsidra l-partikolaritajiet tal-SMEs; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-importanza tal-banek pubbliċi u reġjonali fl-iżvilupp industrijali u fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; jissottolinja l-importanza ta' kooperattivi tal-ħaddiema u atturi oħra tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-industrija, b'mod partikolari fil-livell reġjonali, u jistieden lill-UE tiżviluppa politika industrijali mfassla għall-bżonnijiet tagħhom;

10.  Huwa konvint li jenħtieġ li l-industrija Ewropea titqies bħala assi strateġiku; jissottolinja li hija biss industrija b'saħħitha u reżiljenti li se tippermetti lill-Istati Membri jiffaċċjaw l-isfidi differenti li ġejjin, inkluż ir-reindustrijalizzazzjoni, it-tranżizzjoni lejn is-sostenibilità u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn jantiċipaw aħjar dawn is-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi u jiżguraw is-sostenibilità tan-netwerk industrijali tagħna;

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tad-drittijiet soċjali

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u pagi deċenti, permezz ta' leġiżlazzjoni jew ta' ftehimiet kollettivi, kif ukoll protezzjoni effettiva kontra t-tkeċċija inġusta;

12.  Jikkundanna n-nuqqas ta' politika industrijali reali u fit-tul tal-UE; jitlob li jkun hemm politika industrijali li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Istat f'industriji strateġiċi, inkluża n-nazzjonalizzazzjoni, sabiex jinżammu u jiġu żviluppati setturi ewlenin tal-produzzjoni u jiġu protetti l-impjiegi;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-ħaddiema, u tal-formulazzjoni ta' definizzjoni, flimkien mas-sħab soċjali, ta' strateġija attiva għat-titjib tagħhom; jitlob li jkun hemm politiki industrijali li jiżguraw li dan l-għarfien jiġi żviluppat u rikonoxxut bħala assi importanti fl-industrija Ewropea; jitlob li tiġi kkunsidrata ż-żamma tan-know-how industrijali u tal-forza tax-xogħol tas-sengħa fil-valutazzjoni tal-vijabilità tal-produzzjoni fi kwalunkwe impjant partikolari;

14.  Jitlob kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li jkun disponibbli finanzjament adegwat għat-taħriġ u għall-azzjonijiet ta' rkupru biex jiġu appoġġjati perjodi ta' tranżizzjoni kritiċi fl-industrija Ewropea; u jinsisti li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jintuża biex jgħin lill-ħaddiema jirkupraw il-fabbriki tagħhom sabiex jinżammu l-impjiegi minflok ma jiġi ffaċilitat l-għeluq ta' siti;

15.  Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' strateġija industrijali koerenti, li trid tinkorpora dimensjoni soċjali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tax-xogħol ma jiġux imminati mit-tranżizzjoni industrijali attwali;

L-allinjament tal-politika kummerċjali mal-politika industrijali

16.  Jirrileva l-impatt negattiv tal-ftehimiet kummerċjali bħas-CETA u t-TTIP fuq l-industrija Ewropea;

17.  Jenfasizza li jenħtieġ li l-politiki ta' kummerċ u ta' investiment ikollhom l-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-promozzjoni ta' standards soċjali u ambjentali għoljin;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi evitat li l-politika kummerċjali tal-UE tiffavorixxi prattiki mhux kompetittivi, inklużi dumping soċjali u ambjentali;

19.  Jenfasizza li l-industrija Ewropea qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni globali, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni terġa' tevalwa d-definizzjonijiet tas-suq u s-sett attwali ta' regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE biex tqis l-evoluzzjoni tas-swieq globali rispettivi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrevedi l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tqis l-istandards soċjali, ambjentali u ta' tassazzjoni meta tkun qed tittratta ma' kompetituri globali sabiex jiġu evitati dawn il-forom ġodda ta' dumping;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija antidumping u antisussidji konsistenti, kompatibbli mad-WTO u effettiva għall-UE li tikkunsidra kwalunkwe tip ta' dumping, inkluż nuqqas ta' konformità ma' standards internazzjonali soċjali, ambjentali u fiskali;

Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija

21.  Jemmen li x-xejriet il-kbar tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni jirrappreżentaw waħda mill-akbar sfidi għall-kumpaniji Ewropej u l-impjegati tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin joħolqu sfida għal dawk li jfasslu l-politika minħabba l-iżvilupp dinamiku ħafna tagħhom u n-natura trasversali tagħhom; jinsab konvint, għalhekk, li l-politika Ewropea teħtieġ li tiġi adattata sabiex tkun tista' tappoġġja t-tkabbir industrijali Ewropew u impjiegi siguri u ta' kwalità fl-industrija tal-manifattura fil-kuntest ta' dan il-kuntest li qed jinbidel b'rata mgħaġġla; jissottolinja li strateġija politika industrijali ġdida trid tallinja oqsma ta' politika differenti mal-politika industrijali – l-aktar importanti l-kummerċ, l-ambjent, ir-riċerka, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-enerġija u l-klima – biex tifforma approċċ wieħed koerenti; huwa konvint li strateġija politika industrijali li l-istrateġija trid tikkombina elementi orizzontali b'approċċi speċifiċi għal setturi strateġiċi importanti b'mod intelliġenti;

22.  Jirrileva, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jsir investiment pubbliku fil-konnettività permezz tal-5G u l-fibra ottika bħala strument għall-konverġenza u li tiġi żgurata sinsla infrastrutturali diġitali b'saħħitha għall-industrija tal-Ewropa; jenfasizza l-importanza ta' kontroll pubbliku u r-regolazzjoni ta' dan is-settur sabiex ikunu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' ekonomija li qed tinbidel u jiġi evitat l-iżvilupp ta' distakk diġitali; jirrileva l-importanza taż-żmien tat-tranżizzjoni biex jiġi żgurat li jibqa' biżżejjed spettru disponibbli għall-utenti attwali bħax-xandara tar-radju u tat-televiżjoni, meta titqies ukoll l-importanza tagħhom għall-industriji kreattivi u kulturali Ewropej;

23.  Jemmen li r-raggruppamenti u s-sinerġiji bejn l-SMEs, l-atturi industrijali, is-settur tal-artiġjanat u partijiet interessati oħra jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess fl-iżvilupp tal-manifattura u l-innovazzjoni diġitali; jenfasizza r-rwol fundamentali tas-settur pubbliku fil-ħolqien ta' għarfien u innovazzjoni diġitali ġodda; jinnota l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fit-tibdil tal-mudelli kummerċjali, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tax-xogħol tiġi adattata għall-ambjent il-ġdid, bl-għan li jiġu ppreservati d-drittijiet tal-ħaddiema u jissaħħaħ in-negozjar kollettiv;

24.  Jitlob il-promozzjoni ta' alleanzi trażversali fl-innovazzjoni sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni ta' approċċi ta' politika industrijali dominati mid-dipartimentaliżmu li toħnoq il-potenzjal innovattiv; iqis li r-rwol tal-investiment pubbliku fl-iżvilupp ta' dan l-objettiv huwa strateġiku u jitlob lill-UE tappoġġja l-investiment pubbliku fl-innovazzjoni;

25.  Ifakkar fir-rwol importanti ta' standardizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' standards miftuħa, u jiffavorixxi enfasi qawwija fuq rwol ewlieni f'organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali;

26.  Jirrileva r-rwol li l-akkwist pubbliku jista' jkollu fl-avvanz ta' innovazzjonijiet u teknoloġija industrijali diġitali ġodda; jenfasizza, madankollu, li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi ma tridx tintuża biex tavvanza miżuri ta' awsterità fis-settur pubbliku jew biex tnaqqas is-servizzi fiżiċi meħtieġa; jitlob, f'dan ir-rigward, l-involviment tal-ħaddiema fis-settur pubbliku fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji diġitali pubbliċi;

Ir-rabta bejn il-politika industrijali u l-għanijiet ta' tranżizzjoni

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-investiment pubbliku u tal-industrija f'termini ta' teknoloġiji ambjentali, u li jiġi żgurat li l-industriji kontinwament jiżviluppaw u jxerrdu l-aqwa tekniki disponibbli u l-innovazzjonijiet emerġenti, biex b'hekk jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-industrija Ewropea, li jenħtieġ li tħabrek biex toffri l-aktar prodotti sostenibbli bl-inqas spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja;

28.  Jenfasizza li jenħtieġ li l-industrija tibbenefika mill-iżvilupp ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-importanza tal-awtoproduzzjoni jew ftehimiet bilaterali bejn il-produtturi u l-industrija tal-enerġija rinnovabbli bħala mezz biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija industrijali filwaqt li jitrawwem l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Istati Membri jadottaw l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, b'mod partikolari fir-rigward tal-industriji li jużaw ħafna enerġija; jiddispjaċih għall-perċentwali baxx ta' appoġġ għall-proġetti ta' enerġija rinnovabbli minn fondi tal-UE, inkluż il-FEIS, u jitlob li jkun hemm aktar enfasi fuq proġetti tal-ekonomija rinnovabbli u ċirkolari fil-baġit tal-UE sabiex jiġi żgurat żvilupp industrijali u ekonomiku sostenibbli fl-UE;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati aspetti ambjentali f'politiki oħra bħal dawk relatati mal-ekonomija u l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jingħata lok għal approċċ koerenti u komuni. Iqis li jenħtieġ li l-azzjonijiet imwettqa fi ħdan l-Unjoni jiġu kkomplementati wkoll b'azzjonijiet imsaħħa internazzjonalment u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal dawk ir-reġjuni li huma l-aktar affettwati mill-bidla strutturali, bħal tal-minjieri tal-faħam, u jitlob li jkun hemm strumenti bħalma huma "il-fond ta' tranżizzjoni ġusta" li jiffoka fuq l-iżvilupp industrijali f'dawn ir-reġjuni sabiex jingħatawlhom alternattivi ekonomiċi reali, fuq terminu twil;

31.  Jitlob li jkun hemm titjib drastiku fl-implimentazzjoni tas-sostenibilità kif ukoll tal-kriterji soċjali u tal-impjiegi fl-użu tal-fondi tal-UE,

32.  Jemmen li l-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema, u l-istandards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumatur, tas-saħħa u tal-ambjent, iridu jkunu element ewlieni ta' kwalunkwe politika ta' reindustrijalizzazzjoni;

33.  Jappella biex din il-politika industrijali tal-UE tkun ibbażata fuq miri u indikaturi ċari – inklużi objettivi ambizzjużi dwar l-effiċjenza enerġetika, ir-riżorsi u l-klima – u fuq approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u l-ekonomija ċirkolari;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0377.

(2)

ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 131.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0346.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0240.

Avviż legali - Politika tal-privatezza