Proċedura : 2017/2732(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0449/2017

Testi mressqa :

B8-0449/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.13
CRE 05/07/2017 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0305

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 422kWORD 45k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0440/2017
28.6.2017
PE605.572v01-00
 
B8-0449/2017

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8-0319/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP))


Evžen Tošenovský, Zdzisław Krasnodębski, Hans-Olaf Henkel f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (2017/2732(RSP))  
B8-0449/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II "Libertajiet" u t-Titolu IV "Solidarjetà" tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-Pakkett tat-"Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija ta' politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-kompetittività tal-industrija tal-provvista ferrovjarja Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji(4),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta’ Pariġi, ratifikat mill-Parlament Ewropew fl-4 ta’ Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bini ta' strateġija industrijali tal-UE ambizzjuża bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa (O‑000047/2017 — B8‑0319/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-industrija Ewropea hija mexxejja globali f'bosta setturi industrijali; billi din tammonta għal aktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa, madwar 65 % tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u aktar minn 50 miljun impjieg (permezz ta' impjiegi diretti u indiretti, jiġifieri 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa); billi, madankollu, il-kontribuzzjoni tal-industrija Ewropea għall-PDG tal-UE naqset minn 19 % għal inqas minn 15,5 % matul dawn l-aħħar 20 sena;

B.  billi 65 % tal-infiq tan-negozju fuq R&Ż huwa mill-industrija tal-manifattura; billi, madankollu, din iċ-ċifra qed tonqos, u billi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE huwa għalhekk essenzjali biex jinżammu u jissaħħu l-għarfien espert u n-know how fl-UE;

C.  billi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) jirrappreżentaw 99 % tal-kumpaniji Ewropej kollha, li jirrappreżentaw, flimkien ma’ intrapriżi kbar, is-sinsla tal-industriji tal-UE, u billi dawn l-intrapriżi kollha qed jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba bidliet globali fl-ekonomija u ostakli finanzjarji u amministrattivi;

D.  billi qiegħed jonqos is-sehem tal-industrija Ewropea fil-kuntest globali, u billi jeħtieġ li l-politika tal-UE tappoġġa l-industrija Ewropea sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tagħha u l-kapaċitá tagħha li tinvesti fl-Ewropa;

E.  billi l-industrija innovattiva tiddependi ħafna fuq il-kapaċità tar-riċerka, il-progress tar-riċerka u b'mod partikolari r-riċerka kollaborattiva tal-UE;

F.  billi l-istrumenti finanzjarji tal-UE għandhom rwol strateġiku fit-trawwim tal-kompetittività u fil-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-investiment;

1.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-industrija bħala mutur tat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni turi impenn ċar biex tintlaħaq il-mira ta’ mill-inqas 20 % tal-PDG tal-Unjoni li jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020 u biex jiġi valutat jekk il-miri tal-klima u l-enerġija tal-2030 jappoġġawx il-politika industrijali tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin;

2.  Jemmen li l-istrateġija industrijali tal-UE jenħtieġ li tindirizza s-sitwazzjoni speċifika u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi industrijali żgħar kif ukoll kbar;

3.  Jenfasizza r-rwol tal-SMEs u jtenni l-ħtieġa li tiġi segwita politika industrijali tal-UE b’mod kompatibbli mal-SMEs li jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċaw l-SMEs minħabba d-daqs tagħhom; ifakkar fir-rwol ta’ start ups u intraprendituri żgħażagħ, b’mod partikolari, fl-aktar oqsma innovattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji għall-SMEs, l-istart ups u l-intraprendituri żgħażagħ bl-għan li tiġi faċilitata l-innovazzjoni u tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE u għall-promozzjoni ta’ raggruppamenti, ċentri tal-innovazzjoni diġitali u netwerks tan-negozji;

4.  Huwa konvint li l-industrija Ewropea jenħtieġ li titqies bħala vantaġġ strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jissottolinja li huma biss industrija b'saħħitha u reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur li se jippermettu lill-UE taffaċċa l-isfidi differenti li qed jistennewha, inklużi t-telf ta' investiment, il-kompetizzjoni globali u l-progress teknoloġiku mgħaġġel;

5.  Jissottolinja li sabiex l-industrija tal-Unjoni tiġi appoġġata biex taffaċċa l-isfidi ta' bidliet ekonomiċi u regolatorji rapidi fid-dinja globalizzata tal-lum huwa essenzjali li tissaħħaħ l-attraenza industrijali tal-Ewropa għall-investiment dirett Ewropew u barrani;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ ambjent li jappoġġa l-investiment, qafas ġuridiku prevedibbli u stabbli sabiex jattiraw l-investimenti u l-promozzjoni ta’ mudelli ta' negozju ġodda, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament;

7.  Ifakkar fir-rwol strateġiku tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) li jkunu aktar disponibbli għall-kumpaniji ta’ kull daqs; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tqis dan ir-rwol meta tkun qed tikkunsidra/tiddetermina l-baġit għal dawn l-istrumenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal xjentifiku u ta’ riċerka tal-pajjiżi u r-reġjuni kollha tal-UE u joħolqu iktar inċentivi għal kooperazzjoni aħjar bejn ir-riċerka u l-industrija biex tissaħħaħ ir-riċerka kollaborattiva u titħaffef il-kunsinna ta’ prodotti, teknoloġiji u servizzi innovattivi għall-industrija;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni tal-Enerġija, is-Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Diġitali u l-konnettività tal-Ewropa permezz ta’ infrastruttura adegwata, valida għall-futur u effiċjenti;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji, peress li l-promozzjoni ta’ regolamentazzjoni aħjar f’suq miftuħ li jiffunzjona tajjeb se tappoġġa l-politika ta’ riindustrijalizzazzjoni tal-UE u tkompli ssaħħaħ ekonomija mmexxija mid-data;

11.  Jitlob li s-saħħa titqies bħala mutur tat-tkabbir ekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu riċerka medika tal-UE, biex takkumpanja d-diġitalizzazzjoni tas-saħħa u tinżamm industrija tas-saħħa kompetittiva fl-Ewropa;

12.  Jappella biex strumenti u miżuri ta' finazjament effikaċi u sostenibbli li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra r-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju jiġu integrati fl-istrateġija industrijali tal-UE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ industriji intensivi fl-enerġija fl-Ewropa, li qed iħabbtu wiċċhom ma’ kompetizzjoni globali ħarxa minħabba l-ispejjeż għolja tal-enerġija;

14.  Jisħaq fuq l-importanza ta’ swieq miftuħin u ta’ kummerċ internazzjonali ħieles u ġust ibbażat fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorizza l-investimenti minn pajjiżi terzi f’infrastruttura strateġika ewlenija tal-UE, teknoloġiji futuri jew assi importanti oħra;

16.  Jenfasizza l-importanza ta’ strateġija tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-UE sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji ta’ teknoloġiji ġodda u biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej;

17.  Jenfasizza r-rwol tal-industrija tal-karozzi fl-Ewropa minħabba l-effett miltiplikatur tagħha għal setturi u industriji oħra; jappoġġa l-isforzi kontinwi tal-industriji tal-karozzi fl-iżvilupp tagħhom ta’ vetturi moderni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bħal vetturi bl-elettriku u b'ċellola tal-idroġenu, vetturi konnessi u misjuqa awtomatikament;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kkoordinati tal-UE biex tiġi segwita l-promozzjoni ta' ħiliet ġodda kif ukoll taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u tagħlim tul il-ħajja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fl-Aġenda tagħha għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda;

19.  Ifakkar fir-rwol importanti ta' standardizzazzjoni tal-UE u jipproponi li ssir enfasi qawwija fuq rwol ewlieni f'organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali;

20.  Jemmen li l-qafas regolatorju Ewropew għandu jħalli lill-industriji jadattaw għall-bidliet ikkonċernati u jieħdu azzjoni minn qabel biex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir u għall-konverġenza reġjonali;

21.  Jirrakkomanda li l-istrateġija industrijali tal-UE tagħti attenzjoni partikolari lil setturi b’valur miżjud għoli u tibbenefika mill-potenzjal enormi ta’ teknoloġiji diġitali, tal-ispazju u nano;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta sa kmieni fl-2018, flimkien mal-Istati Membri, strateġija ta’ politika industrijali Ewropea olistika u pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-mira ta’ 20 %, li jindirizzaw, fost l-oħrajn, id-diġitalizzazzjoni, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza enerġetika, ir-riżorsi adegwati, u d-deregolamentazzjoni, speċjalment għall-SMEs;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija b’miri ta’ politika industrijali preċiżi u li jistgħu jitkejlu, filwaqt li tissupplimentaha b’sett ta’ indikaturi addizzjonali, bħalma huma l-livell ta’ output industrijali, il-livell tal-impjiegi industrijali u l-medja tal-investiment annwali tas-settur tal-manifattura bħala perċentwal tal-PDG;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fl-istrateġija valutazzjoni tal-impatt tal-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi strateġiċi tal-UE, li se tgħin biex tirrevedi dawk l-inizjattivi f’każijiet fejn ikunu bi żvantaġġ għall-industrija tal-UE u biex jinkisbu riżultati aħjar;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0240.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0280.

(4)

ĠU C 294, 12.8.2016.

Avviż legali - Politika tal-privatezza