Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0451/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0451/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

30.6.2017 - (2017/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0451/2017
Testi mressqa :
B8-0451/2017
Testi adottati :

B8-0451/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

(2017/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017[2],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi"[3] u l-annessi tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017[4],

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-Ewropa tal-1 ta' Marzu 2017 u d-dokumenti ta' riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, dwar l-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni, l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-difiża tal-UE u l-futur tal-finanzi tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea ġab il-paċi u kkontribwixxa għas-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa matul id-deċennji; billi r-riżultati tal-konsultazzjonijiet demokratiċi ta' dan l-aħħar deċennju jridu jkunu l-opportunità biex nirriflettu fuq il-proġett Ewropew komuni tagħna, il-benefiċċji attwali, in-nuqqasijiet kurrenti u l-iskop imġedded tiegħu;

B.  billi l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni qed iżidu dejjem aktar il-preokkupazzjonijiet u l-ewroxettiċiżmu fost iċ-ċittadini Ewropej; billi l-UE jenħtieġ li tipprovdi riassigurazzjoni u protezzjoni kontra dawn il-konsegwenzi;

C.  billi m'għadux possibbli li l-integrazzjoni Ewropea titħalla tiġi ridotta għal sempliċi proġett ekonomiku u jridu jittieħdu passi b'urġenza biex jintrebħu lura l-qlub tal-Ewropej favur il-proġett Ewropew, b'bidla serja fid-direzzjoni tal-politiki tal-UE;

D.  billi, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu stess, il-Parlament għandu responsabbiltà partikolari fid-definizzjoni tal-interess Ewropew komuni tagħna u jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jingħelbu l-firdiet attwali fil-Kunsill, ħafna drabi staġnati minħabba argumenti f'livell nazzjonali u mentalitajiet ta' "logħba b'somma zero";

E.  billi l-interess ġenerali taċ-ċittadini Ewropej jenħtieġ li dejjem jingħata prijorità fuq id-difiża tal-interessi nazzjonali jew korporattivi;

F.  billi aħna, bħala Ewropej, għażilna futur komuni, bħala komunità reali bbażata fuq valuri u objettivi komuni; billi l-identitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali mhumiex reċiprokament esklużivi u jikkontribwixxu għall-identità Ewropea usa' tagħna;

G.  billi l-kriżijiet akkumulati attwali jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej ġenwini; billi rridu li l-Unjoni Ewropea taqdi r-rwol tagħha u tassumi r-responsabbiltà tagħha fix-xena internazzjonali, timpenja ruħha favur is-solidarjetà, il-multilateraliżmu u s-sħubijiet esterni tagħna, u tippromwovi l-konverġenza globali dwar standards ogħla; billi rridu nipproteġu l-proġett komuni tagħna ta' paċi, prosperità u demokrazija komuni, filwaqt li jinħoloq futur attraenti għall-ġenerazzjonijiet kollha;

Ix-xenarju tagħna għall-Ewropa: Spazju għal-libertà, is-sigurtà, id-demokrazija, il-ġustizzja soċjali, l-ekoloġija u d-drittijiet tal-bniedem

1.  Iqis li ebda wieħed mill-ħames xenarji fformulati fil-White Paper tal-Kummissjoni ma jippreżenta viżjoni konvinċenti għall-futur tal-Ewropa peress li dawn kollha jsegwu l-istess mudell ta' riforma li kien dominanti fl-UE matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin;

2.  Jemmen li l-enfasi qawwija fuq id-dixxiplina baġitarja u l-awsterità f'dawn l-aħħar snin, il-promozzjoni ta' kunċetti vojta bħal "tfassil aħjar tal-liġijiet" u "kbir fir-rigward tal-kwistjonijiet il-kbar u żgħir fir-rigward tal-kwistjonijiet iż-żgħar" wasslu biss għal ineffiċjenza u inabbiltà li jwettqu dak li hu mistenni minnhom, u fl-aħħar mill-aħħar għan-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-UE;

3.  Jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE trid tirrevedi b'mod profond l-objettivi, il-metodi ta' ħidma u l-organizzazzjoni tagħha jekk trid tindirizza l-isfidi tas-seklu 21 u tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-għanijiet u l-iskop tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea jenħtieġ li jkunu definiti, komuni u rikonoxxuti demokratikament b'mod sħiħ u espliċitu;

4.  Jemmen li l-atteġġament ta' sfida muri attwalment fil-konfront tal-idea Ewropea jenħtieġ li jiġi inirizzat bħala l-ewwel prijorità; jissuġġerixxi li dan jista' jsir, l-ewwel nett, permezz tad-demokratizzazzjoni tal-proċess Ewropew tat-teħid ta' deċiżjonijiet u inklużjoni akbar taċ-ċittadini fil-proġett politiku komuni tagħna;

5.  Jemmen li l-UE jenħtieġ li ssir spazju fejn il-ġid jitqassam aħjar, fejn it-tfittxija permanenti għal bilanċ adatt bejn l-isfera ekonomika, ambjentali u soċjali – it-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli – jiggwidaw il-politiki pubbliċi kollha, u d-drittijiet u l-libertajiet jikbru aktar minflok jiġu ristretti;

L-Ewropa li rridu: il-prijoritajiet ewlenin

Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej

6.  Ifakkar li l-irkupru ekonomiku attwali tal-UE huwa modest u żbilanċjat, b'bosta reġjuni tal-Unjoni għadhom jesperjenzaw livelli inaċċettabbli ta' qgħad, faqar, inugwaljanza u nuqqas enormi ta' prospetti għall-ġenerazzjonijiet iżgħar; jinsisti, għalhekk, li l-aġenda ekonomika u soċjali fundamentali tal-UE trid tinkludi miżuri bl-għan tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, filwaqt li jiżdiedu l-investimenti fis-sistema tal-edukazzjoni;

7.  Ifakkar li t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u l-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni kollha madwar l-UE huwa objettiv tat-Trattat; jisħaq li l-preparazzjonijiet għall-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 huma prijorità politika; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tas-Seba' Rapport li ġej dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef l-isforzi tagħha u tressaq proposti konkreti f'dan ir-rigward; iqis li r-reġjuni kollha, kif definiti fl-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE, jenħtieġ li jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni;

8.  Jinnota li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-investiment tal-UE u trid tqis l-objettivi politiċi ġenerali tal-UE, inkluż l-aġenda diġitali, l-unjoni tal-enerġija, il-politika dwar it-tibdil fil-klima, livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku sod u sostenibbli, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-pilastru soċjali; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-parteċipazzjoni, l-involviment u d-djalogu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-sħab ekonomiċi u soċjali, u s-soċjetà ċivili għall-kwalità tal-programmi u l-proġetti u l-kisba tal-objettivi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-prinċipju ta' sħubija fil-futur, inkluż permezz ta' approċċi bħalma hu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD);

9.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali tal-ħaddiema, inkluż l-infurzar xieraq tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, u li tqis modi xierqa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tagħha, kif ukoll biex tippreżenta mingħajr dewmien it-tielet lott ta' sustanzi taħt ir-rieżami tad-Direttiva dwar l-Aġenti Karċinoġeni u Mutaġeniċi u tinkludi valuri limitu fuq is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni abbażi tad-data xjentifika u teknika kif ukoll valutazzjoni tal-impatt;

10.  Jinnota l-preżentazzjoni tal-pakkett dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jiddispjaċih li l-leave tal-maternità mhuwiex inkluż fil-pakkett; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluża l-politika implimentata fl-istituzzjonijiet tal-UE, iqisu l-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħal ġenituri waħedhom, ġenituri b'diżabbiltà u ġenituri li għandhom tfal b'diżabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura politiki u miżuri li jqisu d-diversità li qed tiżdied tar-relazzjonijiet tal-familja, inkluż is-sħubiji ċivili u l-arranġamenti tat-trobbija tat-tfal mill-ġenituri u min-nanniet, kif ukoll id-diversità tas-soċjetà kollha kemm hi, b'mod partikolari biex jiggarantixxu li t-tfal ma jiġux iddiskriminati minħabba l-istatus maritali tal-ġenituri jew il-kostituzzjoni tal-familja tagħhom;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-multidimensjonalità tal-faqar u l-inugwaljanzi u tipproponi strateġija integrata kontra l-faqar sabiex tilħaq il-miri ta' Ewropa 2020; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tippromwovi skemi adegwati ta' dħul minimu fl-Istati Membri kollha abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt u b'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, filwaqt li tipprovdi opportunitajiet biex tipprevjeni dipendenza fit-tul fuq id-dħul minimu; itenni s-sejħa tiegħu għal green paper dwar l-inugwaljanzi u kif dawn ixekklu l-irkupru ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika kemm il-ħidma tagħha kif ukoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar L-Investiment fit-Tfal; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu garanzija għat-tfal li tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki eżistenti għat-tnaqqis tal-faqar u tiżgura riżorsi speċjali dedikati meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha;

Strateġija Ewropea għal żvilupp sostenibbli

12.  Iqis li l-mudelli ekonomiċi purament ibbażati fuq it-tkabbir tal-PDG u l-isfruttament żejjed għaddej kontinwament tar-riżorsi naturali, kif ukoll il-finanzjalizzazzjoni, laħqu l-limiti tagħhom; iqis li, mil-lum 'il quddiem, l-UE trid tqiegħed is-sostenibbiltà fiċ-ċentru ta' kull politika ekonomika soda, orjentata lejn il-futur u li ssolvi l-kriżijiet;

13.  Jinnota l-konsegwenzi umani u ekonomiċi ta' diżastri klimatiċi fl-Ewropa u madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza li jibqgħu jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-tibdil fil-klima filwaqt li tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija tagħna, bi strateġija ambizzjuża dwar il-klima, b'mod konsistenti mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi ħalli jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C; jenfasizza li l-istandards regolatorji jeħtieġ li jiġu aġġornati u introdotti l-istrumenti finanzjarji rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza u l-koerenza tal-politiki attwali tal-UE fir-rigward tal-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi;

14.  Jappoġġja, f'dan il-kuntest, is-sejħa tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tipprovdi approċċ olistiku tal-UE dwar il-politika industrijali għall-futur li tindirizza prijoritajiet ewlenin, bħat-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-enerġija effiċjenti u l-enerġiji rinnovabbli, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, futur mhux tossiku, il-konnettività diġitali għal kulħadd, it-twettiq tal-potenzjal tal-industriji kreattivi tal-Ewropa, il-bliet isiru aktar sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-ekonomija ċirkolari;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieqaf tuża l-fondi tal-UE biex tissusidja fjuwils fossili u tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri jwaqqfu malajr u b'mod gradwali s-sussidji fossili nazzjonali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li ebda sussidju nazzjonali jew tal-UE mhu se jintuża biex jiġu ffinanzjati reatturi nukleari ġodda u jħeġġeġ lill-Istati Membri jabbandunaw estensjonijiet tal-ħajja ppjanati tal-impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti;

16.  Jistenna li fl-2018 il-Kummissjoni tressaq baġit tal-karbonju għall-Unjoni li huwa konsistenti mal-impenji magħmula taħt il-Ftehim ta' Pariġi; jistenna l-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta għażliet ta' politika rilevanti biex tindirizza b'ħeffa l-emissjonijiet tal-metan permezz ta' Strateġija tal-Unjoni dwar il-Metan; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tappoġġja l-iżvilupp ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan il-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija;

17.  Ifakkar li jridu jintensifikaw l-isforzi biex tinkiseb l-Unjoni tal-Enerġija, b'mod li tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija u enerġija sostenibbli u affordabbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha; jistenna li, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindirizza wkoll il-faqar enerġetiku permezz ta' pjan ta' azzjoni konkret biex teqred il-faqar enerġetiku u tiżgura aċċess għal enerġija affordabbli liċ-ċittadini kollha tal-UE;

18.  Iqis li huwa kruċjali li l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport huma indirizzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti r-rieżami tagħha, li diġà waqa' lura, dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi u vannijiet, u minn vetturi tqal, u tressaq proposti leġiżlattivi ambizzjużi għal flotta medja fuq terminu twil għall-2025 li huma b'konformità mal-impenji magħmula fil-kuntest tal-ftehim li ntlaħaq fl-2013; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal limiti Euro7 teknoloġikament newtrali applikabbli sal-2025 għal vetturi M1 u N1 kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni u jintlħaqu l-limiti tal-kwalità tal-arja ambjentali tal-Unjoni, kif ukoll il-limiti rakkomandati mid-WHO;

19.  Jistenna l-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Agrikola Komuni għal wara l-2020 li jkunu bbażati fuq l-intervent pubbliku korrettiv, fost l-oħrajn fir-rigward tal-volatilità tas-swieq agrikoli u l-prezzijiet remunerattivi ġusti għall-prodott tal-bdiewa, sabiex jiġu żgurati l-produzzjoni u l-provvista sostenibbli tal-ikel; jitlob li jkun hemm proposti li jippermettu l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li jiżguraw kampanja ħajja; jitlob li tingħata aktar attenzjoni b'mod sostanzjali lill-ilħuq tal-objettivi dwar il-bijodiversità, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, inkluż billi: tingħata prijorità lil tranżizzjoni lejn prattiki agrikoli sostenibbli li jippermettu aktar assorbiment tal-karbonju f'ekosistemi terrestri, speċjalment fil-ħamrija ħajja u b'saħħitha; jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; jiġu insegwiti approċċi agroekoloġiċi biex jiġu żgurati fertilità u produttività fit-tul; u jiġu sostitwiti pestiċidi kimiċi b'soluzzjonijiet alternattivi; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi ħalli tindirizza l-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, u jistieden lill-Kunsill jipprijoritizza mill-ġdid ir-regolamenti dwar il-Mediċini Veterinarji u dwar l-Għalf Medikat;

20.  Jistenna li l-Kummissjoni tressaq, fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), il-proposta għal Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) ġdida u ambizzjuża kmieni biżżejjed fl-2018 kemm għall-Parlament biex jifformula l-opinjoni tiegħu kif ukoll għall-programm biex ikun operattiv sal-2021; jitlob li l-baġit tas-CEF-enerġija jiġi allokat għal Proġetti ta' Interess Komuni esklużivament fis-settur tal-elettriku (inklużi grilji intelliġenti) li jappoġġjaw l-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-prinċipju tal-"effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel"; jitlob li maġġoranza tal-allokazzjonijiet tal-baġit fis-settur tal-ICT ikunu ddedikati għall-finanzjament tal-infrastruttura broadband;

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tiċċara l-ambizzjoni tagħha għall-QFP li jmiss, u tressaq il-proposta tagħha għad-9 Programm Qafas għar-Riċerka (FP9), kmieni biżżejjed fl-2018 kemm għall-Parlament biex jifformula l-opinjoni tiegħu kif ukoll għall-FP9 biex ikun operattiv mill-2021 'il quddiem; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tuża bis-sħiħ il-potenzjal kollu eżistenti tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam R&I u tipprovdi opportunitajiet adegwati u indaqs għall-iżvilupp xjentifiku tax-xjenzati u r-riċerkaturi madwar l-UE; jistenna, għaldaqstant, żieda fil-finanzjament tal-FP9;

Politiki tat-tassazzjoni ġusti għal riżorsi adegwati

22.  Jenfasizza li qatt ma kien aktar urġenti biex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li jirrappreżentaw dħul mitluf lill-baġits nazzjonali għall-valur ta' mijiet ta' biljuni ta' euro kull sena; iqis li dawn ir-riżorsi setgħu ntefqu f'investiment fil-futur, fi spinta lill-impjiegi u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

23.  Iqis li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu malajr dwar rekwiżiti komprensivi għal rapportar obbligatorju, pubbliku u għal kull pajjiż minn intrapriżi multinazzjonali, mingħajr eżenzjonijiet, li jibnu fuq il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016[5]; jitlob li l-Kummissjoni talloka riżorsi addizzjonali għal miżuri sabiex jiġu evitati reati finanzjarji, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' pjan direzzjonali tal-UE għal lista ta' pajjiżi f'riskju għoli ta' ħasil tal-flus; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal sanzjonijiet b'saħħithom u awtomatiċi kontra ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi mniżżla f'lista sewda tal-UE;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar infurzar ta' taxxa biex trawwem aktar kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, inkluża kondiviżjoni tal-informazzjoni, bil-ħsieb li l-evażuri tat-taxxa jinżammu responsabbli matul il-fruntieri Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tippreżenta proposti leġiżlattivi skont l-Artikolu 116 tat-TUE biex jiġu indirizzati prattiki fiskali dannużi li jxekklu l-kompetizzjoni;

Insaħħu l-baġit tal-UE u r-riforma tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

25.  Itenni li l-QFP 2014-20 wera li huwa żgħir wisq u mhux flessibbli biżżejjed biex jiżgura li l-Unjoni Ewropea hija kapaċi tirrispondi għall-isfidi komuni li hi tiffaċċja; itenni l-pożizzjoni tiegħu li t-tul ta' żmien tal-QFP jenħtieġ li jiġi allinjat maċ-ċiklu politiku tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni, u b'hekk l-elezzjonijiet Ewropej isiru forum għal dibattitu dwar il-prijoritajiet futuri tal-infiq;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu lura milli jifformulaw limiti arbitrarji dwar il-QFP ta' wara l-2020, u minflok jibbażaw id-disinn tiegħu fuq kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet komuni tal-UE, għażliet komuni u l-valur miżjud li tittieħed azzjoni fuq skala kbira; jenfasizza li l-livell massimu attwalment baxx dwar approprjazzjonijiet ta' pagament kien ta' xkiel kontinwu għall-kredibbiltà u l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar flessibbiltà tal-QFP;

27.  Iqis li l-baġit tal-UE ta' wara l-2020 jenħtieġ li jagħti kontribut kbir għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tal-infiq; iqis, b'mod partikolari, li sistema riformata ta' tassazzjoni ta' sorsi tal-gassijiet b'effett ta' serra jenħtieġ li tipprovdi dħul għall-baġit tal-UE, filwaqt li appoġġ tal-UE aktar b'saħħtu jenħtieġ li jiġi pprovdut għal tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni żżid is-sehem tal-infiq relatat mal-klima sa 40 % għall-QFP ta' wara l-2020;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi d-dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE bi proposti ambizzjużi, tibni fuq ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, b'enfasi partikolari fuq ir-riżorsi proprji ekoloġiċi, it-tassazzjoni fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u t-tassazzjoni korporattiva;

29.  Jitlob l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali taż-żona tal-euro, flimkien mal-użu sħiħ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; itenni li l-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro jenħtieġ li jkollha l-għan li tippromwovi konverġenza soċjoekonomika 'l fuq u li ttaffi l-iskossi ekonomiċi; jinnota li l-kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro jenħtieġ li tinkludi strumenti ġodda fi ħdan il-baġit tal-UE (lil hinn mis-sollijiet tal-QFP tal-UE), kif ukoll Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà riformat, inkorporat fil-qafas legali tal-UE, u soġġett għal sorveljanza demokratika; jenfasizza li l-kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun miftuħa għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro li jkunu jixtiequ jingħaqdu;

30.  Jitlob l-introduzzjoni ta' "regola tad-deheb għall-investiment" sabiex il-kontabbiltà tal-infiq kapitali magħmul mis-settur pubbliku f'setturi sostenibbli tkun tista' tinfirex tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' dawn l-investimenti, u jitlob ukoll l-integrazzjoni ta' indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir sabiex jiġu żgurati livell b'saħħtu ta' investiment, u investiment ta' kwalità tajba, fil-prosperità futura;

L-Ewropa bħal attur globali bi rwol ta' tmexxija

31.  Iqis li l-effettività tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tiddependi fuq kooperazzjoni profonda bejn l-Istati Membri, u fuq il-kontribuzzjonijiet tagħhom għal missjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari; jitlob lill-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni sabiex jiġu ġġenerati l-kapaċitajiet rilevanti; jemmen li jekk titmexxa politika dwar l-esportazzjoni tal-armi iktar responsabbli min-naħa tal-Istati Membri, din tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni, u jitlob lill-Istati Membri jtejbu b'mod sinifikanti l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

32.  Iqis li l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) jenħtieġ li ssir iktar demokratika u iktar effiċjenti, inkluż permezz tal-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni strutturata permanenti u permezz ta' żieda sinifikanti fl-ippuljar u l-kondiviżjoni ta' proġetti bejn l-Istati Membri; jemmen li l-PSDK tista' ssir iktar effiċjenti permezz ta' ppjanar u tmexxija operazzjonali konġunti, anki fir-rigward tal-operazzjonijiet militari; ifakkar fir-rwol kruċjali li l-Unjoni diġà qed tiżvolġi attwalment f'termini ta' prevenzjoni tal-konflitti ċivili, riżoluzzjoni tal-konflitti u bini tal-paċi madwar id-dinja, u jitlob lill-Unjoni biex issaħħaħ ir-riżorsi rilevanti; jitlob it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika totali tal-PSDK;

33.  Jenfasizza d-dikjarazzjoni riċenti tal-Kummissjoni li kull sena jistgħu jiġu ffrankati bejn EUR 25 u 100 biljun b'rabta mal-infiq fuq id-difiża nazzjonali fost it-28 Stat Membru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tassisti lill-Istati Membri sabiex jagħmlu tali ffrankar possibbli permezz tal-ippuljar tal-baġits għad-difiża nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp, l-akkwist, il-manutenzjoni u t-taħriġ; jemmen li tali riżorsi nazzjonali ppuljati jistgħu jiġu ttrasformati f'fond Ewropew għad-difiża wieħed jew aktar;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka l-attenzjoni tagħha, b'mod partikolari, fuq il-liġijiet tal-UE applikabbli fis-settur tad-difiża, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu infurzati r-regoli rilevanti tas-suq intern, bħalma huma dawk stipulati fid-Direttiva dwar l-Akkwist fil-Qasam tad-Difiża, li potenzjalment jistgħu jnaqqsu l-ineffiċjenzi, in-nuqqas ta' trasparenza u l-korruzzjoni;

35.  Jopponi bil-qawwa t-tentattivi varji tal-Kummissjoni biex tnaqqas u tiddevja r-riżorsi finanzjarji mill-istrumenti finanzjarji u l-linji baġitarji ċivili eżistenti tal-UE sabiex tiffinanzja l-industrija tad-difiza Ewropea u l-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża; jemmen li tali trasferimenti mis-settur ċivili għas-settur tal-industrija tad-difiża se jdgħajfu l-ekonomija Ewropea filwaqt li ma jsolvux il-problemi strutturali tas-settur industrijali Ewropew tad-difiża, li hu kkaratterizzat b'ineffiċjenza qawwija, duplikazzjoni, sovrakapaċitajiet industrijali, trasparenza dgħajfa u frammentazzjoni; jopponi bil-qawwa l-proposti li saru mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tagħha dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża f'Novembru 2016, u fil-kuntest tal-Pakkett tad-Difiża tagħha tas-7 ta' Ġunju 2017 f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), il-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), il-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa, il-programmi Ewropej ta' Navigazzjoni bis-Satellita, il-programm Ewropew ta' Osservazzjoni tad-Dinja, l-ERASMUS+ u s-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jissaħħu l-kapaċitajiet industrijali tad-difiża; bl-istess mod jopponi l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2016 biex jintużaw – fil-kuntest tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi – fondi mill-intestatura 4, b'mod partikolari l-fondi tal-ENPI u tad-DCI, għal programmi tal-bini ta' kapaċità militari u l-forniment ta' tagħmir militari lil pajjiżi terzi;

36.  Jitlob li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ tal-Unjoni jiġu mmodernizzati u li l-politiki kummerċjali jitfasslu b'koerenza mal-għanijiet ta' żvilupp, l-objettivi fil-qasam tal-klima, il-prijoritajiet ambjentali u l-istandards soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; jenfasizza l-fatt li ċ-ċittadini Ewropej qed ikunu dejjem iktar kritiċi dwar l-impatt proprju tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, peress li dawn jista' jkollhom impatti mhux mixtieqa fuq l-impjieg, il-kompetittività u l-istandards tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli; jinsisti li jittieħdu ulterjuri passi biex tiżdied it-trasparenza tan-negozjati kummerċjali tal-UE, b'konsultazzjoni tal-Parlament f'kull stadju tal-proċessi tan-negozjati u tal-implimentazzjoni, u li dokumenti tan-negozjati jiġu ppubblikati;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-miżuri ta' akkumpanjament għar-Regolament dwar il-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Konflitti;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni kontra l-ħtif tal-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż permezz ta' possibilitajiet konkreti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-pussess tal-art, b'konformità mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards stipulati fil-linji gwida tal-FAO dwar il-governanza responsabbli tal-pussess tal-art, is-sajd u l-foresti;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, inklużi miżuri ta' regolamentazzjoni konkreti dwar il-katini tal-provvista u t-tranżazzjonijiet finanzjarji;

Nibnu politika Ewropea reali dwar l-ażil u l-migrazzjoni

40.  Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea trid tfassal soluzzjonijiet konkreti biex tindirizza l-kwistjoni tal-migranti u r-rifuġjati, b'mod partikolari billi jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tagħha, permezz ta' reazzjonijiet ta' politika olistiċi li jinkludu l-koerenza politika tal-politiki dwar l-iżvilupp, il-kummerċ, il-klima u l-investiment, filwaqt li jiġu żgurati aċċess sikur u regolari għal dawk li jitolbu protezzjoni internazzjonali u kanali realistiċi u aċċessibbli għall-migrazzjoni legali;

41.  Huwa tal-fehma li r-risistemazzjoni għandha tinżamm bħala waħda mis-soluzzjonijiet dejjiema għall-ispostament tar-rifuġjati u bħala strument inkondizzjonat ta' solidarjetà internazzjonali; jitlob il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet ta' risistemazzjoni biex jingħata lok għar-risistemazzjoni ta' mill-inqas 500 000 rifuġjat kull sena mill-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, li, jekk jitqassmu sew, jirriżultaw f'ċifri assolutament ġestibbli għall-UE;

42.  Jitlob riforma tar-Regolament ta' Dublin attwali, b'sistema ġdida bbażata fuq l-allokazzjoni ġusta tal-persuni li jfittxu l-ażil fost l-Istati Membri, bi kriterji oġġettivi; imsejsa fuq ir-rabtiet u l-preferenzi eżistenti tal-persuni li jfittxu l-ażil ma' ċerti Stati Membri; vinkolanti għall-Istati Membri kollha u bbażata fuq inċentivi pjuttost milli fuq miżuri koerċittivi;

43.  Jitlob azzjoni kkoordinata dwar il-migrazzjoni legali bil-ħsieb li jiġu pprovduti tagħrif addizzjonali u rotot iktar flessibbli għall-migrazzjoni legali, inkluż għar-rijunifikazzjoni tal-familji, u xogħol f'setturi b'paga baxxa u medja, filwaqt li jissaħħu s-sħubijiet ta' mobbiltà ma' pajjiżi terzi u jiġu żviluppati pakketti ta' mobbiltà madwar l-UE kollha b'salvagwardji adegwati, fost l-oħrajn fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-konformità mal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem mill-atturi kollha involuti fl-għassa tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u fl-ilqugħ ta' dawk li jfittxu l-ażil, bl-għan li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u titjieb il-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli; jitlob kjarifika tad-distinzjoni bejn l-attività ta' kuntrabandu illegali u l-attivitajiet taċ-ċittadini ordinarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jgħinu lin-nies fil-bżonn, u li l-assistenza umanitarja qatt ma tiġi kriminalizzata;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-viżi umanitarji;

Nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini dwar is-sigurtà

46.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti biex ittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, u żżid il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u mal-aġenziji tal-UE, bil-ħsieb li jiġu żgurati skambji ta' informazzjoni obbligatorju sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transnazzjonali serja;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-użu tal-eċċezzjonijiet ta' "sigurtà interna" jew ta' "sigurtà nazzjonali" mill-Istati Membri, b'mod partikolari fit-Titolu V tat-TFUE, li jeskludi l-kompetenza tal-UE u jżomm is-sovranità tal-Istati Membri, u li b'hekk ikompli jdgħajjef l-effiċjenza tal-UE biex issib soluzzjonijiet komuni għal problema komuni; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ b'definizzjonijiet tal-UE tal-kunċetti ta' "sigurtà nazzjonali" jew ta' "sigurtà interna" sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

48.  Itenni li l-implimentazzjoni ta' miżuri, fil-biċċa l-kbira ineffettivi, ta' repressjoni, sorveljanza tal-massa u kontroll tal-fruntieri li jheddu l-libertajiet ċivili, id-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-moviment liberu mhijiex ir-risposta t-tajba;

49.  Itenni l-importanza taż-Żona Schengen ta' moviment liberu; jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, abbażi tal-qafas normattiv tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali u dak Ewropew;

Insaħħu d-drittijiet fundamentali u d-demokrazija

50.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-akkumulazzjoni ta' kriżijiet mhux biss kienet ta' ħsara għall-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej, iżda kienet daqqa ta' ħarta wkoll għall-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom fil-livell tal-UE u, f'xi każijiet, fil-livell nazzjonali; jemmen, għaldaqstant, li t-titjib tal-leġittimità demokratika tal-UE u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-kapaċità tagħha li taqdi l-interessi taċ-ċittadini, jridu jkunu l-prijorità assoluta tal-Unjoni;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar patt dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali, bi qbil mar-rakkomandazzjoni li għamel il-Parlament fir-rapport fuq inizjattiva proprja leġiżlattiv tiegħu[6];

52.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'mod urġenti sabiex tressaq proposta leġiżlattiva għal leġiżlazzjoni fl-UE kollha dwar il-protezzjoni tal-informaturi, b'kamp ta' applikazzjoni wiesa' u b'bażi ġuridika xierqa, sabiex tiġi żgurata protezzjoni orizzontali għall-kategoriji kollha ta' informaturi;

53.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fuq il-linji proposti mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015[7];

54.  Jistenna li l-Kummissjoni timmodifika l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, kif imwiegħed mill-President Juncker, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' preklużjoni għall-ex kummissarji;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva favur il-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u d-diskors ta' mibgħeda, u t-trawwim ta' diskors demokratiku bbażat fuq il-fatti anki fl-era tal-midja soċjali;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tippubblika t-tieni "Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni" tant mistenni tagħha, u tingħaqad mal-mekkaniżmi ta' rieżami tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta l-proposta għal regolament dwar amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni iktar deċiżiva sabiex tiġi eliminata d-disparità persistenti fil-paga bejn is-sessi billi tipproponi direttiva li tibni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi favur qbil politiku dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi ta' kumpaniji elenkati f'Borża[8];

Mezzi biex l-Ewropa taħdem aħjar flimkien

59.  Ifakkar li, mit-tibdil fil-klima għall-ażil u l-migrazzjoni, mis-swieq finanzjarji għall-kumpaniji korporattivi multinazzjonali, u min-netwerks terroristiċi għall-istati falluti u diżonesti, ħafna mill-isfidi tal-lum huma transnazzjonali u mingħajr fruntieri, u jirrikjedu kontrobilanċji u reazzjonijiet f'dak il-livell;

60.  Jitlob tisħiħ tal-programmi li jippromwovu l-kuntatti u l-iskambji kulturali fost iċ-ċittadini Ewropej; iqis li hemm bżonn ta' intensifikazzjoni ulterjuri tad-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej; jikkunsidra li jeħtieġ li l-informazzjoni dwar il-politiki u l-politika tal-UE ssir aktar aċċessibbli u komprensibbli għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni; jitlob inizjattivi edukattivi u tal-midja rilevanti li jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu għażliet infurmati fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019;

61.  Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-lobjar mhux trasparenti u żbilanċjat jikkostitwixxi theddida sinifikanti għat-tfassil tal-politika u għall-interess pubbliku, sabiex jaħdmu favur l-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, responsabbiltà u integrità, u jiġġieldu bla heda t-tendenzi li jiġu injorati l-kunflitti ta' interess, li huma ta' ħsara għall-effiċjenza, is-sens ta' korrettezza u l-affidabbiltà tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

62.  Itenni li l-funzjonament tal-UE jista' jitjieb b'mod sostanzjali abbażi tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment permezz tal-użu sħiħ tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, l-użu ġenerali tal-klawsola "passerelle" imnaqqxa fl-Artikolu 48(7) TUE; ifakkar li l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni msaħħa jista' jintuża wkoll, b'mod partikolari għall-approfondiment tal-UEM, biex isir aktar fil-qasam tal-PESK u biex tinkiseb kooperazzjoni iktar b'saħħitha fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern;

63.  Jenfasizza li l-metodu Komunitarju huwa dak l-aktar xieraq għall-funzjonament tal-Unjoni, peress li huwa l-uniku wieħed li jagħti lok kemm għat-trasparenza, l-effiċjenza, u l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, u d-dritt ugwali ta' koleġiżlazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, kif ukoll għall-prevenzjoni ta' frammentazzjoni tar-responsabbiltajiet istituzzjonali u l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet kompetituri;

64.  Iqis li t-tendenza tal-Kunsill Ewropew f'dawn l-aħħar snin li jirrikorri għal espedjenti intergovernattivi qed tikkomprometti "l-metodu Komunitarju" u tmur kontra t-Trattati; ifakkar li, skont it-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li l-membri tal-Kunsill Ewropew huma responsabbli b'mod individwali lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom iżda huma responsabbli b'mod kollettiv lejhom infushom biss, il-Parlamenti nazzjonali jridu ikunu konxji mir-responsabbiltà politika speċifika tagħhom sabiex jeżerċitaw kontroll demokratiku sħiħ fuq ir-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Ewropew;

65.  Jenfasizza li, finalment, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-funzjonament demokratiku u effettiv tal-UE hemm bżonn ta' reviżjoni tat-Trattat;

66.  Jimpenja ruħu li juża l-għodod u r-riżorsi kollha tiegħu sabiex jaġixxi bħala forza motriċi fi proċess demokratiku mġedded favur ir-riforma tal-Unjoni Ewropea

°

°  °

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.