Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0454/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0454/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u l-prijoritajiet strateġiċi tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018

30.6.2017 - (2017/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Maria João Rodrigues f'isem il-Grupp S&D

Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0454/2017
Testi mressqa :
B8-0454/2017
Testi adottati :

B8-0454/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u l-prijoritajiet strateġiċi tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018

(2017/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 — It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tappoġġja, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi" u l-annessi tagħha (COM(2016)0710),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017[2],

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa, u dokumenti ta' riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, l-użu għat-tajjeb tal-globalizzazzjoni, l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-futur tad-difiża Ewropea u l-futur tal-finanzi tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2017 dwar titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea[6],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[7],

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017, wara n-notifika tar-Renju Unit taħt l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 u t-23 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fir-rigward tal-Programm ta' Ħidma tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea (RESOL-VI/021),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru bl-isem "Sentejn qabel l-elezzjonijiet tal-2019", li sar bejn it-18 u s-27 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi kontribut addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea qed tesperjenza rkupru ekonomiku qawwi, l-aktar minħabba r-rati baxxi tal-imgħax f'banek ċentrali u interpretazzjoni aktar flessibbli u favorevoli għat-tkabbir tar-regoli baġitarji; billi dawn il-politiki ekonomiċi progressivi ilhom li ġew promossi u difiżi min-naħa taċ-ċentru-xellugi kontra l-oppożizzjoni iebsa min-naħa taċ-ċentru-lemini;

B.  billi, madankollu, l-irkupru tal-Ewropa għadu mhux uniformi fost il-pajjiżi u għad hemm nuqqasijiet kbar ta' investiment; billi hemm wisq nies li għadhom bla xogħol, nies li ilhom qiegħda, nies sottoimpjegati jew mhux qed jesperjenzaw titjib tanġibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom; billi bosta reġjuni jeħtieġu l-appoġġ biex jilħqu lil dawk aktar għonja; billi l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza ta' opportunitajiet għadhom għoljin wisq fl-Ewropa; billi ħafna nies iħossuhom li tħallew barra minn miżuri ta' żvilupp soċjo-ekonomiċi u ftit li xejn huma rappreżentati fis-sistema politika;

C.  billi l-ordni globali qed jinbidel u ħadd ma jista' jeżerċita kontroll sħiħ b'mod unilaterali; billi l-kooperazzjoni fil-qafas tal-liġi internazzjonali, is-sistema multilaterali u organizzazzjonijiet internazzjonali hija kruċjali għall-paċi, is-sigurtà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030;

D.  billi l-Ewropa dan l-aħħar esperjenzat żieda f'imġieba nazzjonalistika u ksenofobika, iżda wkoll żieda fit-turija ta' appoġġ popolari għall-integrazzjoni Ewropea u għall-ħidma flimkien b'rispett reċiproku sabiex jiġu ttrattati b'suċċess l-isfidi komuni;

E.  billi n-negozjati għall-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea b'mod ordnat jinsabu għaddejjin u billi l-UE-27 affermat mill-ġdid fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma d-determinazzjoni tal-Unjoni bħala entità politika u ekonomika li flimkien jinbena futur komuni li joffri liċ-ċittadini kemm is-sigurtà kif ukoll opportunitajiet ġodda;

F.  billi l-irtirar tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti mill-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima u l-passi tal-President Trump lejn tellieqa sal-qiegħ fir-regolamentazzjoni tat-tassazzjoni u tas-suq finanzjarju jeħtieġu aktar minn qatt qabel li l-UE-27 tmexxi bl-eżempju;

G.  billi l-motto tal-Unjoni Ewropea hu "magħquda fid-diversità"; billi l-identitajiet Ewropej u nazzjonali huma kompatibbli u ma mhux kontradittorji; billi kulħadd jista' jkun patrijott impenjat u sostenitur tal-integrazzjoni Ewropea fl-istess ħin;

H.  billi l-Unjoni Ewropea hija għall-Istati Membri tagħha ankra li tgħin sabiex jinżammu l-pluraliżmu, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-solidarjetà;

I.  billi l-Kummissjoni ressqet White Paper u ħames dokumenti ta' riflessjoni tematika bħala bażi għal dibattitu wiesa' dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea; billi l-ewwel konklużjonijiet dwar il-futur tal-UE huma mistennija li jissiltu sal-aħħar tal-2017 u l-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (MFF) huwa mistenni li jiġi mfassal fuq din il-bażi;

J.  billi għadd kbir ta' ċittadini u assoċjazzjonijiet ippreżentaw proposti u inizjattivi differenti biex jagħtu kontribut għall-kooperazzjoni futura tal-Ewropa, b'mod partikolari matul dawn l-aħħar ċelebrazzjonijiet tas-60 anniversarju mit-Trattati ta' Ruma; billi huma qed jipproponu li jieħdu sehem attiv f'Konvenzjoni taċ-Ċittadini Ewropej permezz ta' mudelli innovattivi ta' parteċipazzjoni;

L-għażla tagħna għall-futur tal-Ewropa: Kooperazzjoni imtejba ħafna dwar il-prijoritajiet fuq moħħ in-nies

1.  Iqis li ebda wieħed mill-ħames xenarji fformulati fil-White Paper tal-Kummissjoni ma jippreżenta viżjoni konvinċenti għall-futur tal-Ewropa; jirrimarka li x-xenarji ta' "ejja nkomplu", "xejn ħlief is-suq uniku" u "nagħmlu inqas b'mod aktar effiċjenti" huma dgħajfa b'rabta mal-objettivi ta' konverġenza ekonomika 'l fuq, progress soċjali, koeżjoni u żvilupp sostenibbli; iwissi, f'dan il-kuntest, li ħafna minn dawk li jgħidu li l-Ewropa għandha tassew "tagħmel inqas" realment iridu li tingħata spinta lill-profitti tal-kumpanniji billi jinqerdu l-istandards li permezz tagħhom l-Ewropa tipproteġi lill-ħaddiema, il-konsumaturi, is-saħħa pubblika u l-ambjent li ngħixu fih; iqis li x-xenarju "dawk li jridu iktar għandhom jagħmlu aktar" ma jipprovdix biżżejjed assigurazzjonijiet li l-kooperazzjoni msaħħa ma twassalx għall-esklużjoni de facto ta' Stati Membri mhux parteċipanti minn aktar integrazzjoni; jinnota finalment li x-xenarju "nagħmlu ħafna aktar flimkien" probabbilment għandu intenzjonijiet tajbin iżda mhuwiex ċar dwar il-prijoritajiet fejn tenħtieġ integrazzjoni aktar profonda sabiex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini b'mod aħjar;

2.  Jindika li, skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, iċ-ċittadini tal-UE bħala medja jistennew lill-UE tintervjeni iktar milli tagħmel illum dwar bosta kwistjonijiet, inklużi s-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-qgħad, is-saħħa u s-sigurtà soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, il-migrazzjoni, u l-azzjoni lejn il-bqija tad-dinja; madankollu, huwa konxju mill-fatt li l-attitudnijiet lejn l-UE u appoġġ għal aktar azzjoni min-naħa tal-UE jvarjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri;

3.  Jenfasizza li hemm triq 'il quddiem għall-Ewropa aħjar minn dawk deskritti mill-Kummissjoni, jiġifieri s-sitt xenarju li għandu jirbaħ il-kunsens demokratiku madwar l-Istati Membri u l-partiti politiċi Ewropej: "Nagħmlu ħafna aħjar flimkien dwar il-prijoritajiet fuq moħħ in-nies"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan huwa xenarju prattiku, li jfittex li jipprovdi rispons effettiv għall-problemi li jinkwetaw lin-nies madwar l-Unjoni, fi spirtu demokratiku u bl-għan li jisaħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea; jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni Ewropea serja, b'mezzi xierqa, f'oqsma fejn riżultati effettivi jistgħu jinkisbu biss billi naġixxu flimlien, bħal fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, ftehimiet ta' kummerċ aħjar, sigurtà mtejba, tnaqqis fl-evitar tat-taxxa, l-iżgurar ta' standards soċjali u ambjentali tajba, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ ta' konverġenza 'l fuq tas-suq uniku u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM);

4.  Itenni l-messaġġ tad-Dikjarazzjoni ta' Ruma li l-Unjoni tagħna indiviża u indiviżibbli, u li ħidma flimkien bħala Ewropej hija l-aħjar ċans għalina biex nifformaw l-iżviluppi globali; jenfasizza li l-bini ta' futur flimkien huwa l-aħjar mezz biex tinkiseb il-prosperità għall-Ewropej maqsuma minn kulħadd bi standards għolja ta' għajxien, sigurtà u ambjent nadif; iqis li l-unità Ewropea hija wkoll l-aħjar mod biex tikkontribwixxi għall-paċi, il-prosperità u standards aħjar tal-għajxien f'partijiet oħra tad-dinja;

5.  Jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej kollha huma ugwali taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li kull kooperazzjoni msaħħa f'ċerti oqsma tal-integrazzjoni Ewropea għandha sseħħ b'mod inklussiv, bl-UE-27 dejjem tkun l-għażla awtomatika; jenfasizza li fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma huwa indikat li "aħna ser naġixxu flimkien, b'rati differenti u l-intensità fejn meħtieġ, filwaqt li nimxu fl-istess direzzjoni, bħalma għamilna fl-imgħoddi, f'konformità mat-Trattati u li jinżamm il-bieb miftuħ għal dawk li jixtiequ jissieħbu aktar tard"; jenfasizza li ma għandux ikun hemm miri jew kriterji addizzjonali għal dawk li jixtiequ jissieħbu fl-inizjattivi fi stadju aktar tard;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar konnessjonijiet diretti bejn l-UE u ċ-ċittadini; iqis li "Nagħmlu ħafna aħjar flimkien dwar il-prijoritajiet fuq moħħ in-nies" huwa approċċ demokratiku li jista' jtejjeb il-leġittimità tal-Unjoni u jiżgura liċ-ċittadini li l-vuċi u l-vot tagħhom jgħoddu;

7.  F'din ir-riżoluzzjoni jiddeskrivi l-prijoritajiet strateġiċi ewlenin li l-UE għandha tindirizza fil-bini ta' futur komuni fit-tul, kif ukoll inizjattivi konkreti prinċipali li l-Kummissjoni għandha tippreżenta fl-2018; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rapport sommarju li ġie adottat mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għal deskrizzjoni dettaljata ta' messaġġi tal-kumitati dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 u l-aspettattivi tagħhom għall-2018;

L-Ewropa li rridu: prijoritajiet ewlenin

Unjoni Ewropea li tipproteġi u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-persuni

8.  Jenfasizza bil-qawwa li d-dimensjoni soċjali tal-integrazzjoni Ewropea ma tistax tiġi ridotta għal kwistjonijiet relatati mal-libertà ta' moviment; jenfasizza, barra minn hekk, għall-kuntrarju ta' dan, "Nagħmlu ħafna aħjar flimkien dwar il-prijoritajiet fuq moħħ in-nies" tfisser azzjoni komuni aktar b'saħħitha biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali u tal-ġeneru, jiġu pprovduti edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja għal kulħadd, jiħaffef il-proċess ta' konverġenza fil-prestazzjoni ekonomika u l-livelli ta' dħul bejn il-pajjiżi, u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-UE; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għal proposti dettaljati dwar kif Ewropa iktar soċjali għandha tiġi miksuba mill-UE-27 flimkien, u liema strumenti addizzjonali speċifiċi tneħtieġ iż-żona tal-euro f'dan ir-rigward; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal proklamazzjoni konġunta tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jikkonferma r-rieda tiegħu li jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill biex tiġi ffinalizzata l-proklamazzjoni konġunta sal-aħħar tal-2017; jenfasizza li l-prinċipji tal-pilastru għandhom japplikaw għal kull persuna fl-UE; jappella għalhekk biex l-Istati Membri kollha tal-UE-27 jappoġġjaw il-proklamazzjoni konġunta fil-livell tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi għal inizjattivi Ewropej konkreti biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, b'mod partikolari:

•  fil-każ li s-sħab soċjali ma jkunux lesti jagħmlu progress fin-negozjati dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (91/533/KEE)[8], il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva għal direttiva qafas dwar kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti, il-garanzija lil kull ħaddiem ta' aċċess għal sett ewlieni ta' drittijiet tax-xogħol u soċjali, inkluż fl-ekonomija diġitali;

•  inizjattiva dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, b'segwitu għall-konsultazzjonijiet tas-sħab soċjali bi proposti konkreti biex jiġi żgurat li l-persuni kollha f'kull forma ta' xogħol jibnu d-drittijiet għal sigurtà soċjali, inkluż għal pensjonijiet adegwati;

•  kard Ewropea tas-sigurtà soċjali sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u biex tipprovdi lin-nies b'rekord tad-drittijiet attwali u passati tagħhom, u biex jiġi evitat l-abbuż;

•  korp Ewropew ta' spetturi tax-xogħol biex jiġi żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol fis-suq uniku;

•  direttiva li tistabbilixxi Garanzija tat-Tfal sabiex jiġu mtaffija l-effetti ta' ħsara tal-faqar tat-tfal billi jiġi żgurat li kull tifel u tifla fir-riskju tal-faqar ikollhom aċċess għal kura tas-saħħa mingħajr ħlas, edukazzjoni mingħajr ħlas, kura tat-tfal mingħajr ħlas, djar diċenti u nutrizzjoni adegwata;

•  direttiva qafas għal skemi Ewropej ta' introjtu minimu sabiex jiġu koperti l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien, filwaqt li jiġu rrispettati l-prattiki nazzjonali;

•  it-tielet lott ta' sustanzi taħt id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (2004/37/KE)[9] Għandu jkun speċifikat mingħajr dewmien u d-direttiva għandha tiġi estiża biex tkopri sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni;

•  fir-reviżjoni tat-Trattati li jmiss, il-Kummissjoni għandha tipproponi Protokoll Soċjali sabiex jissaħħu d-drittijiet soċjali fundamentali b'rabta mal-libertajiet ekonomiċi;

10.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ biex l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Garanzija tal-Ħiliet u investimenti vitali oħrajn fil-persuni, inkluża edukazzjoni u kura tat-tfal ta' kwalità, affordabbli u aċċessibbli fit-tfulija bikrija, kif ukoll servizzi ta' kura għall-anzjani u għall-persuni dipendenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sal-2020 u tagħmel dak kollu li tista' biex tgħin lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ ir-riżorsi disponibbli mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-iskema Erasmus + u żżid b'mod sostanzjali l-finanzjament tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bl-għan li jiġu rikonoxxuti u jkun promoss ir-rikonoxximent tal-volontarjat fost iż-żgħażagħ u s-solidarjetà transfruntiera fl-Unjoni kollha; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni proposta sabiex ikun żgurat li l-inizjattiva Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma jkollhiex impatt negattiv fuq programmi eżistenti oħra, bħal Erasmus +, u li l-volontarjat ma jintużax sistematikament biex jieħu post ix-xogħol imħallas;

11.  Jilqa' l-passi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol u l-viżibilità tal-indikaturi soċjali fis-Semestru Ewropew u jitlob, b'mod partikolari, li t-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi ewlenin eżistenti dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali u l-inizjattiva li ġejja dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali jiġu kkunsidrati meta jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi strateġija integrata kontra l-faqar sabiex finalment tilħaq il-mira tal-Ewropa 2020 dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex iżżid l-impjieg tan-nisa; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippromwovi skemi ta' introjtu minimu adegwat biex jitkopru l-ispejjeż tal-għajxien, imqar dawk bażiċi, fl-Istati Membri kollha, b'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, waqt li jiġu pprovduti opportunitajiet biex tiġi evitata dipendenza fit-tul fuq introjtu minimu; itenni t-talba tiegħu għal Green Paper dwar l-inugwaljanza u l-effetti negattivi tagħha fuq l-irkupru ekonomiku u l-potenzjal tat-tkabbir fit-tul;

Strateġija Ewropea għal żvilupp sostenibbli

12.  Jenfasizza li x-xenarju "Nagħmlu ħafna aħjar flimkien dwar il-prijoritajiet fuq moħħ in-nies" għandu jinvolvi s-sisien tal-prosperità futura maqsuma fost kulħadd; iqis li jenħtieġ li l-UE jkollha strateġija konkreta għal tkabbir sostenibbli, finanzi sostenibbli, kompetittività, impjiegi ta' kwalità, il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli madwar l-UE sal-2030 u t-twettiq tal-impenji tagħna taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima; jirrimarka li t-twettiq ta' strateġija Ewropea għal żvilupp sostenibbli jfisser li l-istandards regolatorji jeħtieġ li jiġu aġġornati u l-istrumenti finanzjarji rilevanti jridu jkunu fis-seħħ;

13.  Jenfasizza l-bżonn li tinżamm u tittejjeb il-politika tal-UE għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala politika ewlenija b'impatt dirett fuq il-ħajja tan-nies u bħala investiment ewlieni fit-tul biex jingħelbu l-inugwaljanzi u jingħata kontribut għall-konverġenza sostenibbli u l-benesseri, li jinkludi l-Istati Membri kollha bħala espressjoni prattika tal-prinċipju ta' solidarjetà;

14.  F'dan il-kuntest jappoġġja s-sejħa tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex tipprovdi strateġija olistika tal-politika industrijali tal-UE fil-futur; iqis li din l-istrateġija għandha tkun segwita bi pjan ta' azzjoni u għandha tindirizza l-prijoritajiet ewlenin, bħat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju, il-konnettività diġitali għal kulħadd, it-twettiq tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa, li l-bliet isiru iżjed sostenibbli u li tiġi implimentata l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari;

15.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta malajr l-inizjattivi kollha li fadal biex tiġi implimentata l-Unjoni tal-Enerġija, kif deskritt fil-Pjan Direzzjonali tal-Unjoni tal-Enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-faqar tal-enerġija permezz ta' pjan ta' azzjoni konkret sabiex jinqered il-faqar tal-enerġija tiżgura l-aċċess għall-enerġija bi prezz raġonevoli għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

16.  Iqis li huwa kruċjali li jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tlesti r-reviżjoni tagħha li diġà tinsab imdewma tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi u vannijiet u tressaq proposti leġiżlattivi ambizzjużi b'mod adegwat b'mira medja tal-flotta għall-2025 u mandat ta' vetturi b'żero emissjonijiet li jimponi żieda gradwali fis-sehem ta' vetturi mingħajr emissjonijiet fil-flotta totali bl-għan tat-tneħħija gradwali ta' emissjonijiet CO2 minn karozzi ġodda sal-2035; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal limiti tal-EURO7 teknoloġikament newtrali applikabbli sal-2025 għall-karozzi u l-vannijiet kollha mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni, u biex l-Unjoni tilħaq il-limiti tal-kwalità tal-arja fl-ambjent, kif ukoll il-livelli rakkomandati mid-WHO.

17.  Jistenna proposti mill-Kummissjoni għal Politika Agrikola Komuni għal wara l-2020 li tkun ibbażata fuq l-intervent pubbliku korrettiv fil-votalità tas-swieq agrikoli sabiex tiġi żgurata provvista ta' ikel sikur u tajjeb għas-saħħa, biex tiġi salvagwardjata l-kapaċità ta' produzzjoni tal-ikel fl-Ewropa billi jiġi żgurat dħul agrikolu, u biex jiġi stabbilit l-impjiegi u komunitajiet b'saħħithom f'żoni rurali, filwaqt li fl-istess ħin tkun kompletament allinjata mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jitlob li jkun hemm żieda sostanzjali fil-fokus fuq il-kontribut lejn l-objettivi dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, inkluż billi tingħata prijorità lil prattiki agrikoli li jagħmluha possibbli li jinħażen iktar karbonju fil-ħamrija, li jiġu limitati l-emissjonijiet tal-ossidu nitruż u l-pestiċidi jiġu sostitwiti b'soluzzjonijiet alternattivi;

18.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi biex tindirizza l-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, li hija sors ta' tħassib għas-saħħa globali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ta' qafas leġiżlattiv fl-2018 sabiex tagħmel tajjeb għall-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari; jappella għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impenji tal-UE biex tiġi miġġielda l-kompetizzjoni globali inġusta, partikolarment rigward is-sikurezza tal-ikel, l-istandards sanitarji u fitosanitarji, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benessri tal-annimali u setturi ta' prodotti sensittivi; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa għażliet għal miżuri ta' appoġġ potenzjali għall-bdiewa tal-UE f'każijiet ta' kompetizzjoni inġusta billi tadatta l-politika tal-kompetizzjoni għall-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura sabiex titħares il-qagħda ekonomika tal-produtturi primarji fil-katina tal-provvista tal-ikel;

20.  Jenfasizza li l-UE trid tmexxi l-kooperazzjoni globali biex tittejjeb il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani, inkluż f'żoni lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, sabiex tittratta t-tibdil fil-klima, tħares il-bijodiversità u tiżgura futur sostenibbli tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u tibni fuq id-Dikjarazzjoni MedFish4Ever biex issaħħaħ l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran; jistieden b'insistenza lill-Kummissjoni tnaqqas id-dewmien fit-traspożizzjoni tal-miżuri adottati minn organizzazzjonijiet tas-sajd internazzjonali u fit-trażmissjoni ta' atti delegati proposti rigward is-sajd;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq u tlesti għalkollox fl-2018 studju dwar il-proprjetà intellettwali u l-aċċess għall-mediċini, bil-ħsieb li tinkoraġġixxi r-riċerka dwar il-mard li hu ttraskurat u t-ttejjeb l-affordabilità tal-mediċini fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar sistema Ewropea għal valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa;

22.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq azzjoni konkreta biex tnaqqas id-differenzi fil-kwalità bejn prodotti fi ħdan l-istess marka fis-suq uniku; jixtieq jara l-ewwel riżultati pożittivi ta' tali azzjoni sa nofs l-2018;

23.  Itenni t-talba li ilu jagħmel lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta leġiżlattiva dwar ir-rimedju kollettiv, li jista' jgħin b'mod sinifikanti lin-nies jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom meta jkunu sofrew danni minn kumpaniji li jiksru r-regoli applikabbli;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tittejjeb is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti fl-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tegħleb l-impass li hemm fuq il-Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq, notevolment biex ikun jista' jintlaħaq kompromess ġust dwar l-indikazzjoni mandatarja tal-oriġini ta' prodott ("magħmul fi");

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli proposta leġiżlattiva dwar l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika biex tkopri prodotti mhux agrikoli, li se jkollha ħafna effetti pożittivi għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi, għall-produtturi kif ukoll għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea kollha kemm huma;

26.  Jenfasizza kemm hu importanti li jitwettqu b'mod sħiħ il-miżuri kollha proposti fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali; jistenna li l-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali bi proposti leġiżlattivi konkreti bl-għan li jiġi pprovdut qafas legali ċar għall-attivitajiet li huma intermedjati permezz ta' pjattaformi diġitali, inkluż f'dak li jirrigwarda l-forniment ta' servizzi professjonali versus dak mhux professjonali, ir-reġimi ta' responsabilità, id-drittijiet tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-minorenni, id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-ħallieqa, il-kompetizzjoni u t-tassazzjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tħares lil hinn mis-Suq Uniku Diġitali u taħdem għal Unjoni Diġitali żviluppata għalkollox b'għanijiet leġiżlattivi ambizzjużi u l-mezzi finanzjarji neċessarji; jixtieq jara l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni jiġu tradotti f'benefiċċji konkreti għall-Ewropej kollha, inklużi dawk li jinsabu fiż-żoni rurali l-aktar imbiegħda, inkluż permezz tal-użu rilevanti tal-akkwist pubbliku u użu akbar tal-gvern elettroniku f'servizzi pubbliċi bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa u l-proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini u l-SMEs; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja bħalissa jenħtieġ li tirriżulta f'soċjetà aktar ġusta, aktar inklużivi u dinamika fejn id-drittijiet tal-individwu jkunu mħarsa;

28.  Jitlob li jsiru investimenti ambizzjużi fil-ħiliet diġitali u fis-sikurezza online għall-ġenerazzjonijiet kollha u li siru titjibiet fil-kurrikuli edukattivi; iħeġġeġ l-implementazzjoni malajr tal-inizjattiva Wifi4EU; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta pjan biex lill-Ewropa tagħmilha mexxejja dinjija f'dawk li huma ċentri tad-data, ġestjoni tad-data u sigurtà tad-data permezz ta' fluss liberu tad-data, abbażi ta' regolamentazzjoni b'saħħitha tal-UE li ssalvagwardja n-newtralità tal-internet u l-privatezza tad-data personali; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni Ewropej tat-teknoloġija 5G;

29.  Jistenna li l-Kummissjoni tressaq inizjattivi ppjanati dwar iċ-ċibersigurtà, inkluż fir-rigward tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA); jenfasizza li inizjattivi ta' dan it-tip jenħtieġ li jimmiraw li jżidu ċ-ċibersigurtà għall-industrija u finijiet ċivili oħra u jinkludu rimedji effettivi;

Strumenti aħjar għall-investiment

30.  Jenfasizza li strateġija Ewropea kredibbli għal żvilupp sostenibbli tirrikjedi politika ekonomika li tiżgura biżżejjed investiment pubbliku u privat fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jimtlew il-lakuni eżistenti fl-investiment; jenfasizza li n-nies għandhom ħafna għal qalbhom l-opportunitajiet ekonomiċi u ż-żieda fl-istandards tal-għajxien, u kieku jkun ta' ġid għalihom jekk l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jikkollaboraw wisq aħjar flimkien permezz ta'politiki ekonomiċi li jappoġġjaw il-ħolqien aktar mgħaġġel ta' impjiegi ta' kwalità, isaħħu l-edukazzjoni u l-ħiliet tan-nies u jsostnu servizzi soċjali ta' kwalità għolja li jippermettu lin-nies ikunu involuti b'mod sħiħ fil-ħajja ekonomika u soċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġija Ewropea għal investiment pubbliku u privat aktar qawwi li tmur ferm lil hinn mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa li diġà jeżisti u li tkun marbuta b'mod dirett mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030 u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima; jitlob li jsiru proposti leġiżlattivi għall-integrazzjoni ta' kriterji ambjentali, soċjali u ta' governanza fl-obbligi ta' rappurtar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet sabiex l-investituri jingħataw inċentiv biex l-appoġġ tagħhom jorjentawh lejn proġetti sostenibbli u fit-tul;

31.  Jafferma mill-ġdid il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa bħala prijorità maġġuri Ewropea sabiex tittejjeb il-ġustizzja fis-soċjetà u terġa' tiġi stabbilita kapaċità suffiċjenti għall-investiment pubbliku; iqis li huwa vitali li l-Parlament u l-Kunsill jilħqu qbil malajr dwar rekwiżiti għar-rapportar pubbliku mandatarju għal kull pajjiż min-naħa tal-intrapriżi multinazzjonali, u dan ikompli jibni fuq il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016[10]; jenfasizza kemm hu importanti li jsir progress lejn bażi fiskali korporattiva u konsolidata komuni, ibbażata fuq iż-żewġ proposti tal-Kummissjoni[11]; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reġistri pubbliċi ta' sjieda benefiċjarja bħala elementi kruċjali li jridu jsiru realtà fin-negozjati li għaddejjin dwar id-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (2015/849)[12]; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-lista indipendenti tagħha proprja tal-ġurisdizzjonijiet b'riskju għoli li għandhom miżuri dgħajfa biex jiġġieldu lill-ħasil tal-flus u lill-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob lill-Kummissjoni tressaq b'mod urġenti l-lista sewda tal-UE ta' rifuġji fiskali, inkluż sanzjonijiet qawwija u awtomatiċi kontra l-pajjiżi u l-ġurisdizzjonijiet elenkati; jitlob li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri rilevanti kollha biex tiżgura li l-kumpaniji globali u bbażati fuq it-teknoloġija kollha jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa fl-Ewropa;

32.  Ifakkar li r-reġim attwali tal-UE tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kien maħsub biex ikun wieħed temporanju u issa għamlu żmienu; jitlob proposta biex jiġi modernizzat għal reġim definittiv ibbażat fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni xierqa għall-frodi tal-VAT u għad-distakk tal-VAT; jemmen f'dan ir-rigward li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jenħtieġ li jkun parti minn din it-tweġiba, u jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lil ftehim rapidu fi ħdan il-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa;

33.  Jistenna li l-Kummissjoni malajr twettaq segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament għall-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (PANA);

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ambizzjużi rigward l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej sabiex nimxu 'l quddiem lejn superviżjoni unika tal-UE tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali; jirrimarka li dan jeħtieġ b'mod partikolari li s-setgħat tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq jiġu msaħħa u li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku jkollu rwol akbar; jissottolinja li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' finanzjament sostenibbli, fejn taġevola l-finanzjament ta' investimenti fit-tul b'reġim ta' tassazzjoni xieraq;

35.  Jistenna mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-proċess tal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE, li tirrevedi r-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012)[13], id-Direttiva dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi (2011/61/UE)[14] u d-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (2014/65/UE)[15], sabiex tinżamm u tissaħħaħ l-istabilità tas-swieq finanzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni ulterjuri biex tippromwovi kontribut aktar qawwi min-naħa tas-settur finanzjarju għall-iżvilupp sostenibbli;

36.  Jitlob azzjoni rapida biex titlesta għalkollox l-Unjoni Bankarja b'garanzija ta' kontinġenza fiskali komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni, li jkun imdaqqas b'mod adegwat u jkun jibbenefika minn linja ta' kreditu diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, u bi Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti; jitlob li ssir valutazzjoni tal-qafas attwali ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jkomplu jitnaqqsu r-riskji u l-iżbilanċi li joriġinaw prinċipalment minn nuqqas persistenti ta' tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-pront tipproponi strateġija Ewropea dwar l-iżvilupp ta' suq sekondarju li jiffunzjona tajjeb fuq selfiet improduttivi, inkluż permezz tad-definizzjoni ta' pjan Ewropew għall-kumpaniji maniġerjali tal-assi u l-irfinar meħtieġ tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi lejn l-istabbiliment ta' ass sikur verament Ewropew biex iż-żona tal-euro toħroġ dejn ġdid garantit b'mod konġunt, filwaqt li jiġu evitati soluzzjonijiet artifiċjali u eċċessivament kumplessi li jista' jkun li jaffettwaw b'mod negattiv l-istabilità finanzjarja u l-kapaċità ta' finanzjament ta' dawn l-Istati Membri;

38.  Jitlob bil-qawwa l-implimentazzjoni pożizzjoni fiskali aggregata favur it-tkabbir fil-livell taż-żona tal-euro u l-istabbiliment ta' kapaċità fiskali taż-żona tal-euro, flimkien ma' kodiċi ta' konverġenza, minbarra l-użu sħiħ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; itenni li l-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro jenħtieġ li jkollha l-għan li tippromwovi konverġenza soċjoekonomika 'l fuq u tassorbi x-xokkijiet ekonomiċi, inkluż permezz ta' skema Ewropea ta' benefiċċji tal-qgħad; jinnota li l-kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun tikkonsisti fi strumenti ġodda fi ħdan il-baġit tal-UE ('il fuq mil-limiti massimi tal-QFP tal-UE), kif ukoll Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà riformat, inkorporat fil-qafas ġuridiku tal-UE u soġġett għas-sorveljanza demokratika; jaqbel mal-Kummissjoni li l-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro jenħtieġ li tkun miftuħa għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro li jixtiequ jissieħbu; jinsab ixxokkjat, madankollu, minħabba l-attitudni kompjaċenti tal-Kummissjoni f'li tipprevedi li l-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro se tiġi stabbilita biss madwar is-sena 2025;

39.  Jitlob l-introduzzjoni ta' "regola tad-deheb għall-investiment" u għall-inkorporazzjoni ta' indikaturi ta' żvilupp sostenibbli fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir sabiex jiġi żgurat livell tajjeb ta' investimenti ta' kwalità tajba fil-prosperità futura tal-Ewropa;

40.  Jistenna proposti leġiżlattivi rigward il-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 sabiex jiġu żgurati tal-anqas il-kontinwazzjoni tal-livell attwali ta' investimenti għall-konverġenza 'l fuq, l-iżvilupp sostenibbli, impjiegi ta' kwalità u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi fis-suq uniku; jistenna wkoll proposti għal politika agrikola komuni għal wara l-2020 u għal programm qafas ġdid għar-riċerka, li jibnu fuq il-valutazzjoni interim ta' Orizzont 2020 u r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Parlament; iħeġġeġ li l-programmi pluriennali eżistenti kollha fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-isport, il-kultura, il-midja u ċ-ċittadinanza (Erasmus+, Ewropa Kreattiva u L-Ewropa għaċ-Ċittadini) jitkomplew wara l-2020, b'żidiet baġitarji sostanzjali b'kunsiderazzjoni tas-sottofinanzjament kroniku tal-programmi attwali; jitlob li jsir rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sal-aħħar tal-2018, b'mod partikolari dwar titjibiet fir-rigward tal-addizzjonalità, tal-bilanċ ġeografiku u tal-governanza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq il-proposti leġiżlattivi kollha taħt il-QFP ta' wara l-2020 kmieni biżżejjed fl-2018 biex il-programmi kollha jibdew kmieni;

Is-sigurtà interna

41.  Jirrimarka li s-sigurtà fil-ħajja ta' kuljum hija xi ħaġa ferm għal qalbhom in-nies u għandu jkun possibbli li l-Ewropej jikkollaboraw ħafna aħjar flimkien;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti u koordinata tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għall-2015-2020, li tagħti prijorità lill-ġlieda kontra t-terroriżmu, lill-kriminalità organizzata u liċ-ċiberkriminalità; itenni l-appell tiegħu għal valutazzjoni dettaljata ffukata fuq l-effikaċja operattiva tal-istrumenti eżistenti rilevanti tal-UE u fuq il-lakuni li għad fadal f'dan il-qasam, qabel il-preżentazzjoni ta' kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida; jitlob li l-miżuri l-ġodda kollha fil-qasam tas-sigurtà jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt;

43.  Ifakkar li l-ġestjoni xierqa tal-fruntieri esterni tal-UE hija kwistjoni importanti għaċ-ċittadini Ewropej, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jieqfu milli jwettqu kontrolli fil-fruntieri interni fi ħdan iż-żona Schengen; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Regolament (UE) 2016/1624)[16];

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti mhux leġiżlattivi azzjonabbli dwar kif tista' tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi, bejn l-organizzazzjonijiet tal-intelligence, u bejn l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk tal-intelligence biex jiġġieldu b'mod effettiv lill-kriminalità organizzata transnazzjonali u jiġġieldu lit-terroriżmu; ifakkar, f'dan il-kuntest, kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni operattiva akbar bejn l-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE u l-pajjiżi terzi;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kapaċitajiet effettivi u xierqa għal kontra l-attakki informatiċi; jissottolinja l-importanza ta' koordinazzjoni effettiva u li ma jkunx hemm duplikazzjoni bejn l-atturi rilevanti kollha; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kooperazzjoni man-NATO u mas-settur privat;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-għarfien espert u r-riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiżgura koordinazzjoni fil-livell tal-UE u skambji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, il-propaganda terroristika, u l-użu tal-Internet għal skopijiet ta' reklutaġġ u ta' finanzjament; jemmen li għandha ssir konċentrazzjoni fuq strateġiji ta' prevenzjoni, integrazzjoni u riintegrazzjoni b'perspettiva ċara tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

47.  Jinnota li l-vjolenza kontra n-nisa hija wkoll kwistjoni ta' sigurtà interna; jistieden lill-Kummissjoni taħdem lejn konklużjoni rapida tal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, u tippreżenta malajr kemm jista' jkun att leġislattiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

Nibnu politika Ewropea reali dwar l-asil u l-immigrazzjoni

48.  Itenni l-ħtieġa li l-Ewropej jikkollaboraw wisq aħjar flimkien sabiex jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi sikuri u legali lejn l-Ewropa għal dawk li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali u li dawk li jfittxu l-asil li qed jaslu fl-Ewropa jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jfittxu protezzjoni internazzjonali, u jtejbu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jindirizzati b'mod determinat il-kawżi profondi tal-migrazzjoni forzata; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar il-migrazzjoni tkun tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

49.  Jitlob li jsiru sforzi intensifikati biex jintlaħaq qbil dwar riforma tas-"Sistema ta' Dublin" sabiex tiġi stabbilita u implimentata politika komuni u reali Ewropea dwar l-asil, b'konformità mal-Artikoli 78 u 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); jenfasizza li, sadanittant, l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu asil mill-Greċja u mill-Italja, filwaqt li jipprijoritizzaw ir-rilokazzjoni tan-nisa tal-minorenni mhux akkumpanjati, kif ukoll fuq gruppi vulnerabbli oħra bħalma huma l-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBTI; jitlob li jsiru sforzi ulterjuri biex il-migranti, ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu asil jiġu aġevolati biex ikollhom aċċess għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll għas-suq tax-xogħol, u biex il-ħiliet tagħhom jiġu rikonoxxuti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-viżi umanitarji bħala rotta sikura u legali addizzjonali għall-persuni li jfittxu asil flimkien mar-risistemazzjoni, u tipproteġi lill-vittmi tat-traffikar preżenti fl-UE;

51.  Jappella għal azzjoni kkoordinata dwar il-migrazzjoni legali fil-livell tal-Unjoni, li tmur lil hinn mill-approċċ frammentat attwali; jinsisti fuq it-tisħiħ tas-sħubijiet ma' pajjiżi terzi fir-rigward tal-aspetti tal-migrazzjoni legali u fuq l-iżvilupp ta' pakketti ta' mobilità fl-Ewropa kollha b'salvagwardji adegwati, fost l-oħrajn fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-konformità mad-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Refuġjati, u mad-dritt umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem, mill-atturi kollha involuti fil-għassa tal-fruntieri esterni tal-Ewropa, l-immaniġġjar tal-kampijiet tar-refuġjati u l-akkoljenza ta' dawk li jfittxu asil; jitlob kjarifika tad-distinzjoni bejn il-kuntrabandu u ċittadini ordinarji li jkunu qed jgħinu lin-nies fil-bżonn;

Id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

53.  Jirrimarka li l-"Nikkollaboraw wisq aħjar flimkien fuq il-prijoritajiet li huma għal qalb in-nies" tfisser li l-UE għandha bżonn taġixxi biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali u l-valuri u l-prinċipji spjegati fit-Trattati fundaturi tagħha; jenfasizza li dan ifisser ukoll li jittieħdu passi prattiċi biex tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni relatata mal-aspetti transfruntiera ta' ħajjet in-nies, u li n-nies jiġu mħarsa mill-abbuż billi jingħalqu l-lakuni fil-liġijiet Ewropej jew nazzjonali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Patt dwar id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali fis-sura ta' ftehim interistituzzjonali, fuq il-linji tar-rakkomandazzjoni magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016[17];

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal azzjoni aktar qawwija dwar l-integrazzjoni u d-deradikalizzazzjoni, billi tibni fuq politiki eżistenti rilevanti u tidentifika l-kapaċitajiet addizzjonali meħtieġa;

56.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu kull sforz biex jiżblokkaw il-proposta għal direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni[18];

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar deċiżiva biex tiġi eliminata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa billi tipproponi direttiva li tibni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-isforzi għal qbil politiku dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati[19];

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-pront tippreżenta proposta leġiżlattiva komprensiva li twieġeb għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tas-16 ta' Frar 2017 dwar regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika[20], fejn tindirizza tal-inqas l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u l-etika, il-prinċipju ta' prekawzjoni, u l-implikazzjonijiet ewlenin tar-robotika għas-swieq tax-xogħol u għas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti u tressaq proposta leġiżlattiva għal leġislazzjoni fl-UE kollha dwar il-protezzjoni tal-informaturi b'kamp ta' applikazzjoni wiesa' u b'bażi ġuridika xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni orizzontali li tkun tiġbor fiha l-kategoriji kollha ta' informaturi;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta għal direttiva dwar kumpaniji privati b'responsabilità limitata b'membru uniku; jesprimi t-tħassib profond tiegħu, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet riċenti tal- "Panama Papers", li din id-direttiva tkun toħloq lakuni fl-Ewropa minħabba n-nuqqas ta' ċertezza tad-dritt;

61.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta dwar ir-reġistrazzjoni onlajn tal-kumpaniji jkun jeħtieġ li tinkludi salvagwardji biex jiġi żgurat li s-sistema ma tistax tiġi abbużata sabiex jinħolqu kumpaniji tal-isem u ssir iċ-ċirkomvenzjoni tal-liġijiet tax-xogħol, tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u tat-tassazzjoni, u jiġbed l-attenzjoni għall-punt li sistema Ewropea ta' reġistrazzjoni tal-kumpaniji, sew jekk bl-internet jew wiċċ imb' wiċċ, jenħtieġ li tkun konnessa ma' reġistru Ewropew tan-negozji jew tal-anqas ma' reġistri interkonnessi tan-negozji tal-Istati Membri b'ġabra komuni ta' standards minimi għall-informazzjoni pprovduta;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-aħħar tressaq proposta dwar l-14-il direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji b'regoli dwar it-trasferiment tas-sede ta' kumpanija li tiżgura li t-taxxi jitħallsu fejn jiġi ġġenerat il-qligħ u li tħares id-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rappreżentanza fil-livell ta' bord, kif ukoll il-parteċipazzjoni u l-informazzjoni;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal regolament dwar ir-rikonoxximent tal-kontenut tad-dokumenti pubbliċi wara l-adozzjoni tar-regolament li jippromwovi l-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi sħubijiet reġistrati fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament futur;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva għall-protezzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, għall-promozzjoni tal-ħiliet diġitali, għall-indirizzar b'mod determinat tad-diżinformazzjoni, tad-diskors ta' mibegħda, tas-sessiżmu u tal-bullying ċibernetiku, u għall-ikkoltivar ta' diskors demokratiku ibbażat fuq il-fatti anki fl-era tal-midja soċjali;

65.  Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar id-dritt amministrattiv Ewropew;

L-Ewropa bħala attriċi globali bi rwol ta' tmexxija

66.  Jenfasizza li l-UE hija l-aktar b'saħħitha u influwenti fir-relazzjonijiet tagħha mas-sħab madwar id-dinja meta tkun magħquda u titkellem b'vuċi waħda; jixtieq li l-UE tkun attriċi globali attiva, li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sostenn għad-demokrazija sabiex tinkiseb ordni internazzjonali paċifika u kooperattiva fi ħdan sistema multilaterali, l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima; iqis li l-UE għandha wkoll issaħħaħ il-profil tagħha bħala dik li tistabbilixxi l-istandards għas-swieq finanzjarji globali, inkluż permezz ta' rappreżentanza komuni f'organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali; hu tal-fehma li l-politika barranija u ta' sigurtà komuni (PESK) jenħtieġ li tgħaqqad "is-setgħa ta' persważjoni" ma' kapaċità li tuża "s-setgħa ta' koerċizzjoni" meta jkun hemm bżonn, filwaqt li jitqies li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr is-sigurtà u l-ebda sigurtà mingħajr żvilupp; jitlob l-implimentazzjoni ta' strateġija effettiva tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

67.  Iqis li l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) għandha tissaħħaħ, inkluż billi tiġi stabbilita kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), filwaqt li tkompli tiġi żviluppa s-sħubija strateġika man-NATO; jemmen li d-difiża Ewropea tista' u għandha titmexxa 'l quddiem permezz tal-effiċjenza mtejba fl-infiq tad-difiża tal-Istati Membri, permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet komuni u inċentivi pożittivi mill-Fond ta' Difiża Ewropea biex tiġi appoġġjata industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva, u permezz ta' sinerġiji ċivili-militari fit-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; ifakkar fir-rwol importanti li l-UE tkompli taqdi fil-prevenzjoni tal-kunflitti, is-soluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi madwar id-dinja, inkluż fir-rigward tal-promozzjoni tal-involviment tan-nisa fil-proċessi tal-paċi; jitlob li jkun hemm sorveljanza demokratika sħiħa tal-PSDK;

68.  Jappella lill-Kummissjoni biex tirfed il-proċess ta' tkabbir u adeżjoni u tivvaluta mill-ġdid jekk l-istrateġija dwar it-tkabbir - bl-appoġġ tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni - hijiex qed trendi r-riżultati mistennija; jenfasizza li s-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent teħtieġ impenn aktar qawwi min-naħa tal-UE; jikkunsidra li jkun xieraq li tingħata aktar attenzjoni għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta' ġirien tajba u s-sigurtà reġjonali, bis-sostenn ta' komunikazzjoni strateġika u bl-għan li tiżdied il-kredibilità tal-UE bħala l-akbar donatur fir-reġjun tal-Balkani; jiddispjaċih jgħid li hemm bżonn li l-proċess ta' tkabbir mat-Turkija jiġi sospiż fid-dawl tal-avvenimenti li ġraw minn mindu kien hemm it-tentattiv ta' kolp ta' stat ta' Lulju 2016 u r-referendum tas-16 ta' April 2017;

69.  Jappella lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jipprovdu l-appoġġ massimu possibbli għall-aġenda ta' riforma li qed isegwu l-pajjiżi sħab fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod speċjali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-modernizzazzjoni tal-istituzzjonijiet pubbliċi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtonomizzazzjoni tan-nisa, il-protezzjoni tal-minoranzi u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt; jilqa' l-prijoritajiet fis-sħubijiet li l-UE diġà stabbiliet ma' għadd ta' pajjiżi fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat imġedda, filwaqt li jinnota li l-politiki tal-UE jkollhom jiġu adattati għal kull kuntest nazzjonali; jikkunsidra li l-UE jmissha tintensifika l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant b'mod li jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, ir-reżiljenza u l-indipendenza tagħhom; jappella għal kooperazzjoni aktar qawwija u rwol aktar attiv min-naħa tal-UE fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar għat-titjib tad-djalogu politiku u s-sigurtà, l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ġestjoni tal-migrazzjoni b'mod li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem;

70.  Għadu mħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, u b'mod partikolari dwar l-atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabilità tal-pajjiż, u li jimminaw l-eżitu b'suċċess tat-tranżizzjoni politika fil-Libja; jappella biex jiżdied l-appoġġ tal-UE mmirat bħala akkumpanjament għat-tranżizzjoni tal-Libja lejn demokrazija inklużiva u biex jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġu żgurati r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-forniment tal-assistenza umanitarja urġenti;

71.  Jappella favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija tal-UE għas-Sirja u l-azzjonijiet relatati tagħha, kif inhu stipulat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2017[21]; jappoġġa lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja fl-isforzi diplomatiċi tagħhom biex joħolqu djalogu mal-atturi reġjonali rilevanti u jrawmu tranżizzjoni politika; jissottolinja li l-UE jmissha tkun lesta tipprovdi appoġġ konkret għar-rikonċiljazzjoni politika u r-rikostruzzjoni fis-Sirja;

72.  Jappella għal rispons komprensiv min-naħa tal-UE għall-gwerra li għaddejja bħalissa fil-Jemen billi tgħaqqad it-tqawwija tal-isforz umanitarju ma' inizjattivi attivi għall-bini tal-paċi u appoġġ immirat għall-irkupru u r-rikostruzzjoni;

73.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien, huma l-akbar donatur ta' għajnuna fid-dinja, u li l-objettiv primarju tal-assistenza għall-iżvilupp tal-UE huwa l-qerda tal-faqar; jirrileva li l-UE għandha bżonn tiżviluppa pjan robust biex iżżomm ir-rwol tagħha ta' mexxejja globali fis-snin li ġejjin, inkluż pjan direzzjonali dwar it-twettiq tal-impenn kollettiv tal-UE li 0,7 % tal-introjtu gross nazzjonali (ING) jintuża bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); jappella f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrapportaw regolarment lill-Parlament dwar il-progress tal-Unjoni; ifakkar li l-għajnuna għall-iżvilupp primarjament suppost tkun immirata lejn il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp ma tiġix iddevjata, ridotta jew strumentalizzata, u li l-allokazzjoni ġeografika tal-għajnuna għall-iżvilupp tkompli bi qbil mal-ħtiġijiet tal-pajjiżi destinatarji; jopponi l-irbit ta' kundizzjonijiet mal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE b'mod li ssir subordinata għall-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ftehimiet ta' riammissjoni;

74.  Jappella lis-SEAE biex jippromwovi inizjattivi ġodda mmirati lejn il-promozzjoni effikaċi tal-konformità tal-UE mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE tapplika b'mod strett ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni tal-armi[22];

75.  Jinsab profondament imħasseb rigward it-tensjonijiet dejjem jikbru u r-riskji ta' destabilizzazzjoni ulterjuri fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Golf Persjan, li qed jiġu aggravati mill-azzjonijiet tal-atturi reġjonali u internazzjonali; jappella lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jisfruttaw il-firxa sħiħa tal-għodda diplomatika għad-dispożizzjoni tagħhom biex jintensifikaw l-involviment tal-UE mal-atturi reġjonali kollha bl-objettivi tat-tnaqqis tat-tensjonijiet, id-demilitarizzazzjoni tal-kunflitti eżistenti u t-twittija tat-triq lejn struttura għal sigurtà reġjonali inklużiva;

76.  Ifaħħar lill-VP/RGħ u lis-SEAE għall-impenn determinat tagħhom li jħarsu l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran, li huwa riżultat importanti li kisbu d-diplomazija tal-UE u multilateraliżmu effettiv, kif ukoll opportunità biex gradwalment jinfetaħ l-involviment mal-Iran fl-oqsma ta' interess komuni; jappella lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex ikomplu bid-djalogu mal-Istati Uniti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-PAKK, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività ekonomika leġittima fl-Iran, iżda anke biex ikunu lesti jipproteġu b'mod effikaċi lill-interessi tal-aġenti ekonomiċi Ewropej billi jirreżistu kontra l-applikazzjoni extraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti;

77.  Jappella għal pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid; itenni l-appell tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sabiex il-politiki interni u esterni Ewropej kollha jintużaw għas-sostenn tat-tnaqqis tal-faqar u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha, inkluż qafas trasparenti u robust għal monitoraġġ u rieżami;

78.  Jappella għal pjan ta' azzjoni ġdid għall-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja; jikkunsidra li jmisshom jitqiesu l-impenji li ħadet l-UE waqt is-Summit Umanitarju Dinji fl-2016;

79.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattiva għat-titjib tas-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, anke permezz ta' appoġġ għall-prattiki agrikoli ta' sensittività ambjentali, fil-kuntest li jinħoloq kollegament aħjar bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u billi jinsilet tagħlim mill-kriżijiet ta' malnutrizzjoni gravi attwali relatati mat-tibdil fil-klima u l-karestija li qed titfaċċa f'xi pajjiżi Afrikani;

80.  Jiddeplora l-fatt li l-President tal-Istati Uniti ħabbar li pajjiżu mhuwiex se jonora l-impenji li ħa taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima; itenni l-appoġġ determinat tiegħu għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim storiku, li huwa kruċjali biex irażżan id-diżastri ambjentali u jipprevjeni ħsara irriversibbli għall-klima tad-dinja; japprezza b'qawwa l-fatt li s-sħab madwar id-dinja wkoll ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu tagħhom favur il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

81.  Jirrileva l-ħtieġa għal passi ulterjuri biex il-politiki kummerċjali tal-UE jiġu allinjati mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u biex jiġi promoss kummerċ globali li jkun ġust u regolat fl-interess ta' kull persuna fuq il-pjaneta; jappella b'mod partikolari favur:

•  proposta leġiżlattiva dwar id-diliġenza dovuta mandatorja fir-rigward tal-ktajjen ta' valur globali, b'mod li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti, jiġu pprovduti t-trasparenza u t-traċċabilità u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet ambjentali;

•  konklużjoni b'suċċess u rapida għan-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ mill-prattiki u s-sussidji kummerċjali li jużaw il-pajjiżi terzi u li jgħawġu l-kompetizzjoni;

•  azzjoni mill-Kummissjoni biex tnaqqas il-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar fuq livell globali fil-kuntest ta' sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq regoli, anke permezz tal-leġiżlazzjoni rilevanti kontra d-dumping u kontra s-sussidji;

•  passi ulterjuri lejn l-istabbiliment ta' sistema ta' qorti tal-investiment multilaterali biex tissostitwixxi l-arbitraġġ privat fis-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati;

•  proposti mill-Kummissjoni għar-riforma tal-mod kif jiġu inforzati l-kapitoli dwar "il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli" fil-ftehimiet kummerċjali; ikun xieraq li jkun hemm il-possibilità li jiġu imposti sanzjonijiet għal nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli bħala l-aħħar alternattiva meta kull mekkaniżmu ieħor ta' kooperazzjoni u medjazzjoni jkun ġie eżawrit;

•  proposti speċifiċi mill-Kummissjoni, li jkunu jibnu fuq id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni, għall-ħolqien ta' opportunitajiet vijabbli ġodda għall-Ewropej li ġew delużi mill-kompetizzjoni ekonomika globali; ikun xieraq li dawn il-proposti jifformaw parti mill-istrateġija tal-UE dwar l-investiment għall-iżvilupp sostenibbli u li jinvolvu l-aġġornament u t-tqawwija ta' strumenti bħall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;

•  it-tkomplija tal-pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni fuq il-Kunsill biex jippubblika l-mandati ta' negozjar għan-negozjati kummerċjali, u jikkunsidra li jkun tajjeb li, bħala regola ġenerali, jsiru pubbliċi, anke dawk li jkunu ġew adottati preċedentement; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-pubbliku b'mod aktar estensiv, oltre l-parlamentari, li jeħtieġ li jkun kompletament informat f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ftehimiet, kif ukoll tenfasizza l-ħtieġa għal djalogi regolari mas-soċjetà ċivili sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja fil-politika kummerċjali tal-UE;

82.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tinnegozja ftehimiet kummerċjali bbilanċjati u ġusti, filwaqt li tqis kif dovut is-sensitivitajiet agrikoli, li jkunu jinkludu impenji robusti rigward l-istandards tax-xogħol u t-trasparenza fiskali, ftehimiet ambjentali multilaterali, l-iżvilupp sostenibbli, l-istandards sanitarji u fitosanitarji, kif ukoll normi oħra fl-ambitu tal-prodotti agrikoli u alimentari; iwissi li l-Parlament se jkun jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet kummerċjali ġodda biss jekk it-tħassib ta' hawn fuq jitqies kif dovut;

83.  Jilqa' l-pubblikazzjoni riċenti tal-Komunikazzjoni Konġunta għal impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE; jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex imexxu s-sħubija 'l quddiem permezz ta' djalogu miftuħ u trasparenti, bl-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fl-Afrika u fl-Ewropa, b'mod li jqawwu r-relazzjoni strateġika tagħna, b'enfasi partikolari fuq il-bini ta' stati u soċjetajiet aktar siguri u reżiljenti, l-investiment fl-edukazzjoni u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari;

84.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta abbozz ta' mandat għan-negozjati dwar il-ftehim ta' wara dak ta' Cotonou, li se jkun immirat biex iqawwi r-relazzjonijiet strateġiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, inklużi proposti ddedikati għas-sostenn tan-nisa u ż-żgħażagħ;

Soluzzjonijiet finanzjarji għal ġejjieni Ewropew komuni

85.  Jirrileva l-fatt li jridu jsiru għażliet fir-rigward tal-ġejjieni tal-integrazzjoni Ewropea u li l-prijoritajiet għal azzjoni komuni se jkollhom implikazzjonijiet diretti fuq id-disinn tal-QFP tal-UE għal wara l-2020; jenfasizza li, bħala ħaġa waħda, l-Ewropa ma tantx tista' tieħu azzjoni aħjar minn hekk fir-rigward tal-prijoritajiet li n-nies jimportahom minnhom sakemm ma jkollhiex disponibbli r-riżorsi baġitarji, finanzjarji u amministrattivi adegwati biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-politiki komuni;

86.  Itenni li ntwera li l-QFP 2014-2020 kien limitat wisq u mhux biżżejjed flessibbli biex jiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun kapaċi tirrispondi għall-isfidi kondiviżi li taffaċċja;

87.  Jindika li l-valur miżjud tal-infiq fil-livell Ewropew ma jirriżultax biss minn titjib fl-effiċjenza fl-investiment transkonfinali jew minn aktar possibilitajiet għall-ispeċjalizzazzjoni, iżda anke mill-iżvilupp ta' suq intern kbir u ta' UEM ikkaratterizzata minn konverġenza ekonomika 'l fuq u minn implimentazzjoni komuni tal-politiki komuni bħal dawk dwar is-sigurtà, it-tibdil fil-klima, l-agrikoltura u s-sajd li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jirrileva li, f'dawn l-aspetti kollha, il-baġit tal-UE huwa arranġament li jivvantaġġa lil kulħadd u li mingħajru l-integrazzjoni Ewropea ma kinitx tkun possibbli;

88.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' kontroll robusti għall-ħarsien tal-ġustizzja finanjarja u għal ġlieda attiva kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, b'mod li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini u ta' riżorsi proprji adegwati; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE jkollha baġit responsabbli b'mod li jiġu ggarantiti l-effiċjenza tas-sistemi ta' kontroll u t-trasparenza;

89.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f'ħafna oqsma li n-nies jimportahom minnhom b'mod qawwi, l-UE qed tikseb riżultati limitati peress li n-nuqqas ta' biżżejjed allokazzjonijiet finanzjarji qed jagħmilielha diffiċli ħafna li tippjana u timplimenta azzjoni aktar b'saħħitha, bħala ma ġara fil-każ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li wriet b'mod ċar il-valur tagħha bħala politika, iżda li setgħet tilħaq biss madwar 40 % tal-popolazzjoni destinatarja tagħha minħabba l-allokazzjonijiet finanzjarji modesti li ngħatawlha;

90.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joqogħdu lura milli jifformulaw limiti massimi arbitrarji fir-rigward tal-QFP għal wara l-2020, u minflok jibbażaw id-disinn tiegħu fuq kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet komuni tal-UE, l-għażliet komuni tagħha u l-valur miżjud jekk tittieħed azzjoni fuq skala kbira; jissottolinja l-fatt li l-livell massimu inferjuri attwali fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament kien ta' xkiel kontinwu għall-kredibilità u l-kapaċità ta' azzjoni tal-Unjoni; jirrileva l-ħtieġa għal aktar flessibilità fil-QFP għal wara l-2020;

91.  Jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni hija politika ta' investiment essenzjali u ta' importanza vitali għall-UE li jkun xieraq li tiġi kkomplementata iżda li ma tistax tiġi sostitwita mill-istrumenti li jħaddem il-Bank Ewropew tal-Investiment; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji innovattivi jkunu xierqa biss għal xi tipi ta' proġetti u li l-finanzjament permezz ta' għotjiet jibqa' essenzjali għall-manutenzjoni u l-iżvilupp ta' ħafna beni pubbliċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni l-għodda t-tajba fil-postijiet it-tajba meta tkun qed tiddisinnja l-QFP għal wara l-2020;

92.  Jindika li l-inċertezza rigward il-kontribut tar-Renju Unit għall-politiki tal-UE fil-kuntest ta' relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE fil-ġejjieni tirrappreżenta sfida għall-QFP għal wara l-2020 iżda anke opportunità biex tiġi razzjonalizzata n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE u biex dan jitqiegħed fuq sisien aktar sodi permezz ta' tisħiħ sostanzjali tar-riżorsi proprji;

93.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għad-dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE permezz ta' proposti ambizzjużi li jibnu fuq ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji;

94.  Jikkunsidra li jkun tajjeb li sehem mit-tassazzjoni korporattiva li tinġabar fl-UE jsir riżorsa proprja għall-baġit tal-UE, b'mod li jirrifletti l-vantaġġi tal-possibilità li dak li jkun ikollu negozju fis-suq intern enormi tal-Unjoni;

95.  Jikkunsidra li l-baġit tal-UE għal wara l-2020 imissu jagħti kontribut qawwi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, kemm min-naħa tad-dħul u kemm min-naħa tal-infiq; jemmen, b'mod partikolari, li sistema riformata ta' tassazzjoni fuq is-sorsi tal-gassijiet b'effett ta' serra jmissha tipprovdi dħul għall-baġit tal-UE, filwaqt li jmissu jkun hemm investiment aktar b'saħħtu min-naħa tal-UE bħala appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed ekoloġika;

96.  Jikkunsidra li, sal-punt li se jkun għad hemm bżonn il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE wara t-tisħiħ tar-riżorsi proprji tal-UE, ikun xieraq li dawn jiġu esklużi mill-kalkoli tad-defiċit taħt il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir peress li l-baġit tal-UE jiffinanzja b'mod predominanti l-investimenti fil-prosperità ġejjiena;

Kif nistgħu naħdmu aħjar flimkien fil-livell Ewropew?

97.  Jinsab konvint li, permezz ta' approċċ prattiku li jkun iffokat fuq l-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet effikaċi għall-prijoritajiet li n-nies jimportahom minnhom, l-UE tista' tagħmel progress kbir lejn appoġġ pubbliku aktar qawwi għall-integrazzjoni Ewropea; jemmen li l-ksib ta' riżultati konkreti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, l-intensifikazzjoni tal-investiment, il-ħolqien ta' opportunitajiet għal kull min iħossu abbandunat, it-tnaqqis tal-evitar tat-taxxa u t-trażżin tal-globalizzazzjoni se jnaqqas il-vulnerabilità tal-UE għat-tentazzjonijiet tan-nazzjonaliżmu;

98.  Iqis li l-white paper tal-Kummissjoni kienet utli biex jinbeda dibattitu bla restrizzjonijiet abbażi ta' diversi xenarji għall-ġejjieni tal-Ewropa; jistenna li d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni madankollu se jiddeskrivi viżjoni ċara dwar kif l-UE tista' tieħu azzjoni ferm aħjar bħala ħaġa waħda fir-rigward tal-prijoritajiet li n-nies jimportahom minnhom;

99.  Iqis, bl-istess mod, li għalkemm id-dokumenti tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, l-approfondiment tal-UEM, il-ġejjieni tad-difiża Ewropea u l-futur tal-finanzi tal-UE kienu utli għal riflessjoni preliminari, jeħtieġ li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 jispeċifika azzjonijiet konkreti biex isir progress fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet u s-suġġetti l-oħra koperti minn din ir-riżoluzzjoni;

100.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE 27 jaħdmu flimkien u mal-istituzzjonijiet tal-UE b'intenzjonijiet tajbin, sabiex jiksbu progress konġunt; jinsisti li l-aħjar mod kif isiru l-affarijiet huwa billi jiġu bbażati fuq deċiżjonijiet demokratiċi adottati b'maġġoranza fi ħdan il-qafas tat-Trattati; bil-kontra ta' dan, l-aħjar mod lejn il-paraliżi u l-falliment huwa billi l-protagonisti bl-arma tal-veto jkunu jistgħu jżommu kollox ostaġġ;

101.  Jenfasizza li azzjoni ferm aħjar bħala ħaġa waħda f'demokrazija Ewropea tirrikjedi fehim aħjar ta' xulxin; jappella għalhekk favur it-tisħiħ tal-programmi li jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-iskambji kulturali bejn iċ-ċittadini Ewropej; jappoġġa l-inizjattivi li jqajmu kuxjenza aktar estensiva dwar il-wirt kulturali Ewropew, fost affarijiet oħra, billi jużaw l-opportunitajiet kollha li se tipprovdi l-2018, is-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali; iqis li hemm bżonn li d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini Ewropej jingħata spinta ulterjuri; jikkunsidra li għal dan l-għan il-petizzjonijiet taċ-ċittadini lill-Parlament u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri li tirriżulta jistgħu jingħataw aktar viżibilità u dinamiċità; jikkunsidra wkoll li huwa vitali li l-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej isir aktar aċċessibbli u faċli biex jintuża b'mod li n-nies jitħeġġu jinvolvu rwieħhom fit-tfassil tal-politiki tal-UE; jikkunsidra li hemm bżonn li l-informazzjoni dwar il-politiki u l-politika tal-UE ssir aktar aċċessibbli u komprensibbli għaċ-ċittadini madwar l-Unjoni; jappella għal inizjattivi rilevanti fl-ambiti tal-edukazzjoni u tal-media li jkunu mmirati biex jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu għażliet informati fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019;

102.  Itenni li l-funzjonament tal-UE jista' jittejjeb b'mod sinifikanti abbażi tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod speċifiku billi jiġu sfruttati kompletament il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill; ifakkar li anke l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni msaħħa jista' jintuża, b'mod partikolari għall-approfondiment tal-UEM, biex tittieħed azzjoni ulterjuri fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u biex ikun hemm kooperazzjoni aktar qawwija fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;

103.  Jirrileva li l-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni msaħħa, bl-involviment tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa preferibbli ferm għal soluzzjonijiet intergovernattivi barra l-qafas legali tal-Unjoni; itenni li kwalunkwe approfondiment tal-integrazzjoni jrid isir b'mod inklużiv u jħalli miftuħa l-possibilità ġenwina għall-Istati Membri l-oħra biex jingħaqdu aktar tard;

104.  Itenni li l-kapaċità fiskali taż-żona tal-euro, li topera permezz ta' MES riformat u/jew permezz ta' strumenti inkorporati fil-baġit tal-UE oltre l-istrumenti li jaqdu lill-UE 27, trid tiġi soġġetta għal kontroll demokratiku sħiħ min-naħa tal-Parlament Ewropew; jappella, qabel issir kwalunkwe reviżjoni għat-Trattati, biex jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali dwar il-governanza ekonomika taż-żona tal-euro;

105.  Itenni li l-fiduċja pubblika fil-proċess deċiżjonali fil-livell tal-UE kieku tittejjeb permezz ta' aktar trasparenza fir-rigward tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill u tal-korpi preparatorji tiegħu; jappella għal darba oħra favur żieda sinifikanti fl-aċċess min-naħa tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill; jappella għal ħolqien ta' sistema leġiżlattiva bikamerali li tkun aktar faċli għaċ-ċittadini biex jifhmuha;

106.  Jikkunsidra li l-QFP għal wara l-2020 imissu jkollu durata ta' 5+5 snin, li tkun marbuta mal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u tirrifletti l-ħtieġa għal programmazzjoni fuq żmien twil għall-investimenti, iżda li tqis ukoll il-fatt li l-elezzjonijiet Ewropej iseħħu darba kull ħames snin; huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019 jipprovdu mandat għad-deċiżjonijiet finali dwar il-prijoritajiet għad-dħul u l-infiq tal-QFP għal wara l-2020 u li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 jagħtu mandat biex jiġi rivedut f'nofs it-terminu tiegħu;

107.  Jappella għal miżuri li jippermettu li l-partiti politiċi Ewropej u l-kandidat prinċipali tagħhom ikollhom viżibilità aktar qawwija fl-Istati Membri kollha fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Parlament, tagħti l-appoġġ tagħha u tgħaqqad lill-movimenti u l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li jirriflettu fuq il-ġejjieni tal-Ewropa;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinvolvu rwieħhom fi djalogu interistituzzjonali komprensiv bi tħejjija għad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet għall-2018 u l-Kunsill Ewropew ta' Diċembru;

°

°  °

110.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.