Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0455/2017

Testi mressqa :

B8-0455/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 11
CRE 04/07/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.9
CRE 05/07/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 614kWORD 68k
30.6.2017
PE605.579v01-00
 
B8-0455/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

imressqa wara d-dibattitu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))


João Pimenta Lopes, Dimitrios Papadimoulis, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Javier Couso Permuy, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))  
B8-0455/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(1), b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Ewropa oħra hija possibbli

A.  billi wara bosta snin ta' kriżi ekonomika, soċjali u politika, il-valuri proklamati bħala l-bażi tal-integrazzjoni tal-UE – id-demokrazija u l-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà u s-sostenibilità, u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem – ġew u għadhom jiġu mminati;

B.  billi l-politiki neoliberali u orjentati lejn l-awsterità imposti mill-UE permezz tal-qafas ta' governanza ekonomika wessgħu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fi ħdan u bejn l-Istati Membri, u żiedet l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali; billi d-deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' tassazzjoni rigressivi kkontribwew għat-trasferiment tar-rendiment mill-ħaddiema lejn il-kapitalisti l-kbar u aggravaw id-distakk fid-dħul u l-ġid;

C.  billi l-piż tad-dejn estremament sproporzjonat huwa konsegwenza ta' politiki asimmetriċi u n-natura tal-proċess ta' integrazzjoni, biex xi pajjiżi jagħmlu profitt filwaqt li oħrajn konsegwentement spiċċaw f'dipressjoni ekonomika serja; billi l-piż tad-dejn intuża bħala pretest għall-impożizzjoni tal-awsterità, li min-naħa tagħha approfondiet ir-riċessjoni u mminat il-funzjoni soċjali tal-Istati u kif ukoll id-drittijiet tal-popli u tal-ħaddiema, u sussegwentement dan wassal għal żieda fil-qgħad, għal faqar, tnaqqis drastiku fil-pagi, età pensjonabbli ogħla u nfiq pubbliku aktar baxx f'setturi bħall-edukazzjoni, il-kultura u s-saħħa;

D.  billi din is-sitwazzjoni wasslet sabiex iċ-ċittadini ddubitaw mill-politiki neoliberali applikati mill-gvernijiet, li jiffurmaw il-partiti politiċi tal- "Koalizzjoni Kbira" u li ma kinux f'pożizzjoni li jirrispondu għall-isfidi urġenti tas-soċjetajiet tagħna; billi ċ-ċittadini qed jinsistu fuq tibdil profond fis-sistemi ta' amministrazzjoni u fl-istrutturi politiċi;

E.  billi l-iżvilupp ekonomiku estremament inugwali u l-piż tad-dejn, livell għoli ta' qgħad, tnaqqis tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi dejjem jiżdiedu jesiġu li l-politiki attwalment segwiti mill-UE jieqfu, u ssir bidla lejn politiki – kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE – li jsaħħu l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu prosperità għal kulħadd, distribuzzjoni ġusta tal-ġid, tkabbir ekonomiku sostenibbli, impjiegi għal kulħadd, sigurtà tal-impjiegi u protezzjoni soċjali, għoti ta' servizzi pubbliċi universali b'xejn u ta' kwalità, benesseri ambjentali fejn ngħixu f'ambjent naturali san, investiment fl-edukazzjoni u l-infrastruttura, ħajja dinjituża għall-persuni anzjani, u akkomodazzjoni, enerġija u servizzi ta' komunikazzjoni bi prezzijiet raġonevoli; billi politiki olistiċi għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fid-dħul, partikolarment permezz ta' politiki ridistributtivi u investiment pubbliku li joħloq l-impjiegi, huma meħtieġa kemm fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

F.  billi l-qafas ta' governanza ekonomika neħħa l-għażliet politiċi minn idejn il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali eletti demokratikament, u impedixxa lill-popli tal-Ewropa milli jeżerċitaw kontroll demokratiku, u dan wassal għal awsterità istituzzjonalizzata; billi oppożizzjoni dejjem tikber kontra dan it-tip ta' integrazzjoni Ewropea jirrifletti l-ħtieġa urġenti għal proċessi differenti ta' integrazzjoni, li jservi l-progress soċjali u demokratiku fl-UE, soluzzjonijiet ġusti u paċifiċi għall-isfidi internazzjonali u djalogu kulturali mad-dinja kollha, u li huwa fermament ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn pajjiżi bi drittijiet ugwali;

G.  billi s-sistemi fiskali huma mfassla b'mod li jiffavorixxu kapital kbir aktar milli l-klassi tal-ħaddiema u l-poplu; billi miżuri ħorox ta' dixxiplina fiskali u telf kbir fid-dħul tal-gvern minħabba l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq il-baġits tal-Istati Membri u jimminaw l-interessi tal-popli u tal-ħaddiema; billi l-politika tat-tassazzjoni tibqa' kompetenza tal-Istati Membri; billi l-ftehimiet sigrieti dwar it-taxxa, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq livell globali, u t-trasferiment tal-profitti lejn rifuġji fiskali għadhom qed jitħallew isiru jew mhumiex qed jiġu indirizzati kif suppost fil-qafas legali;

H.  billi l-għażliet baġitarji li għamlet l-UE ma jirriflettux il-prijoritajiet meħtieġa biex jiġi stimulat tkabbir sostenibbli, kwalitattiv u soċjalment ibbilanċjat, u lanqas ma jqisu l-ħtieġa ta' solidarjetà u koeżjoni ekonomika u soċjali bejn l-Istati Membri;

I.  billi s-sitwazzjoni internazzjonali attwali hija kkaratterizzata minn gwerer, rivalitajiet ġeopolitiċi u kunflitti vjolenti kontinwi, eskalazzjoni ta' politiki ta' interferenza u d-destabbilizzazzjoni ta' pajjiżi sovrani, u minn ġirja għall-armi perikoluża mmexxija mis-setgħat prinċipali tan-NATO; billi ċ-ċittadini jirrifjutaw l-involviment tal-Ewropa fi gwerer u kwalunkwe rivalità ġeopolitika; billi l-impenn favur il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tad-dritt internazzjonali, il-prinċipji tal-Karta tan-NU, kif ukoll id-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni u r-rispett tas-sovranità huma kruċjali;

J.  billi l-UE għadha tiffaċċja l-akbar kriżi umanitarja tar-rifuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; billi l-UE u ċerti Stati Membri jġorru responsabilità diretta għall-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, u/jew iċ-ċaqliq sfurzat li jġiegħel lin-nies jaħarbu minn djarhom bħala konsegwenza tal-gwerer, it-tibdil fil-klima, l-inugwaljanzi u ndħil żejjed fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq permezz ta' interventi militari, li jkebbes kunflitti reġjonali u jservi l-interessi ġeopolitiċi strateġiċi tal-UE, l-Istati Uniti u n-NATO; billi huwa ċar li l-UE li qed tonqos milli tkun konformi mal-obbligi tagħha, inkluż fil-qafas tad-dritt internazzjonali;

K.  billi diversi politiki tal-UE u tal-Istati Membri ħejjew it-triq għall-ksenofobija, ir-razziżmu u linji politiċi u ideoloġiji tal-lemin estrem, kif ukoll l-iżvilupp ta' partiti u movimenti radikali ksenofobiċi u razzisti, filwaqt li jistabbilixxu fermament diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fit-trattament tal-ħaddiema, ir-rifuġjati u l-migranti; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem iseħħ ukoll fi ħdan l-UE, u jikkontribwixxi biex jagħti s-setgħa lil dawn il-forzi;

L.  billi d-defiċit demokratiku twessa' bħala riżultat tal-għażliet ta' politika tal-UE, u ħafna ċittadini jħossu li mhumiex rappreżentati mill-istituzzjonijiet; billi dan jikkostitwixxi problema enormi li tista' tiġi indirizzata biss permezz ta' aktar trasparenza u ftuħ u d-difiża tal-valuri tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, inkluża parteċipazzjoni aktar b'saħħitha miċ-ċittadini, il-paċi, it-tolleranza, il-progress, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-popli;

M.  billi l-kriżi klimatika għadha theddida għall-istabilità, is-saħħa u l-għajxien tas-soċjetajiet tad-dinja kollha, kif ukoll għall-benesseri tal-annimali u l-bijodiversità; billi l-impenji fil-COP21, għalkemm jidhru ambizzjużi, jenħtieġ li jissaħħu bir-reqqa fid-direzzjoni t-tajba;

N.  billi r-rieda sovrana tal-popli li jiddeċiedu t-triq tal-iżvilupp tagħhom f'kull Stat Membru għandha tiġi mħarsa bħala dritt assolut;

Id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet soċjali

1.  Jikkritika bil-qawwa l-proposta għal Pilastru Soċjali Ewropew ippreżentata mill-Kummissjoni, peress li hija sempliċement manwali ta' mġiba soċjali li mhux se jġib il-bidla fundamentali li l-UE teħtieġ b'mod urġenti sabiex teqleb il-kriżi umana, soċjali u ekonomika kkawżata min-neoliberaliżmu u aggravata mill-politiki ta' awsterità u deregolamentazzjoni; jenfasizza li sigurtà soċjali statutorja universali u kuntratti tax-xogħol sikuri miftuħa jridu jkunu inkontestabbilment il-mudell legali segwit fl-Ewropa tal-futur li qed infittxu, b'kuntrast max-xenarji ta' flessibilità stabbiliti fid-dokument ta' riflessjoni dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa; jafferma li politiki soċjali sostantivi għandhom jingħataw lill-persuni kollha li jgħixu fl-UE, billi tinstab konverġenza progressiva fi drittijiet soċjali fundamentali, inklużi drittijiet soċjali minimi infurzabbli fil-livell tal-Unjoni bi preċedenza ċara fuq objettivi oħra ta' politika, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li japplikaw standards ogħla; l-Ewropa tal-ġejjieni li qed nitolbu tinqata' mill-qafas ta' awsterità u kompetittività u l-liberalizzazzjoni u d-deregolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, u tagħti prijorità lid-drittijiet soċjali u tax-xogħol l-aktar b'saħħithom possibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż id-dritt għal dħul minimu li jkun garanzija kontra l-faqar għal kulħadd, id-dritt tal-istrajk u d-dritt għal pagi għoljin ibbażati fuq ftehimiet kollettivi settorjali għall-ħaddiema kollha; jitlob, bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, protokoll ta' proġress soċjali li se jinforza s-superjorità tad-drittijiet soċjali fuq kwalunkwe regola tas-suq intern jew kwalunkwe regola fiskali;

2.  Iqis li l-Karta Soċjali Ewropea riveduta jenħtieġ li tkun il-bażi għal sett komuni ta' drittijiet u standards soċjali minimi, u qed jistenna impenn għall-adeżjoni tal-UE mal-Karta, li jagħti spinta pożittiva lill-konverġenza ekonomika u soċjali u lill-koeżjoni bejn il-popli u t-territorji, filwaqt li jiggarantixxi li l-Istati Membri jkollhom dritt inaljenabbli li japplikaw drittijiet u standards ogħla;

3.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' proposti konkreti biex jiġi ggarantit u promoss id-dritt għal negozjar kollettiv bħala strument ewlieni biex jiġu ggarantiti u msaħħa d-drittijiet, kif ukoll impenn mill-Kummissjoni li ssaħħaħ il-prinċipju ta' paga ndaqs għal xogħol indaqs fl-istess post għall-ħaddiema kollha, u, f'dan ir-rigward, li tirrikonoxxi l-ftehimiet kollettivi kollha, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħaddiema stazzjonati; jiddeplora bil-qawwa kwalunkwe tentattiv li jimmina azzjonijiet kollettivi, inkluż id-dritt tal-ħaddiema li jingħaqdu f'union, id-dritt tan-negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi t-tnaqqis u r-regolamentazzjoni tas-sigħat tax-xogħol u ż-żieda fil-pagi, u tikkumbatti d-dumping soċjali bl-għan li jintemm l-impjieg prekarju u frodulenti, id-deregolamentazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, it-tkabbir tas-settur tal-pagi baxxi, il-kompetizzjoni għal pagi baxxi, id-diskriminazzjoni, l-intimidazzjoni u l-vjolenza fil-post tax-xogħol, u biex il-ħaddiema jiġu protetti minn sfruttament minnhom stess f'forom ġodda ta' xogħol, inkluż ix-xogħol diġitali, id-dritt li jagħmlu waqfa mix-xogħol u l-crowdwork;

5.  Jiddeplora bil-qawwa l-proposti tal-Kummissjoni dwar is-settur tat-trasport peress li ma jiżgurawx standards għoljin tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u peress li jimmiraw biex idgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż id-dritt għal strajk;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifjuta u tabbanduna l-mudell ta' "flessigurtà" u tippromwovi politiki li joħolqu impjiegi ta' kwalità u sikuri, li jiżguraw li l-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema mobbli u stazzjonati, igawdu minn pagi suffiċjenti għall-għajxien tagħhom kemm issa kif ukoll fil-futur, f'termini ta' flus imġemmgħin, il-ħiliet u l-pensjonijiet, kif ukoll aċċess għal protezzjoni soċjali komprensiva; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa ta' solidarjetà universali bbażata fuq sigurtà soċjali u jirrifjuta l-privatizzazzjoni u t-tnaqqis tal-protezzjoni kemm fil-forma ta' tnaqqis fit-trasferimenti soċjali u ż-żieda fl-età tal-pensjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqiegħed il-ġlieda kontra l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-qalba tal-politiki tagħha; itenni s-sejħa tiegħu biex il-Kummissjoni timpenja ruħha favur mudell ekonomiku li jiffoka fuq il-ħolqien ta' impjiegi bi drittijiet minflok li jiġi akkumulat ġid għall-azzjonisti, u għal impenn biex jissaħħu s-servizzi pubbliċi minflok il-privatizzazzjoni, li tittrasferixxi l-ġid mill-isfera pubblika għall-isfera privata u ddgħajjef id-drittijiet tal-ħaddiema; jenfasizza li hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri, inklużi żewġ inizjattivi: l-ewwel nett: pjan ta' investiment soċjali biex jiġu appoġġati l-politiki soċjali fil-livell tal-Istati Membri, li jippromwovi jew jappoġġa aċċess liberu u ugwali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità fl-Istati Membri, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni diċenti u l-kura tat-tfal u tal-anzjani, u t-tieni nett: proposta għal strateġija integrata għall-ġlieda kontra l-faqar, li tinkludi l-ħolqien ta' Skema ta' Dħul Minimu, fil-livell tal-Istati Membri, li tiggarantixxi perċentwal tal-introjtu medju fl-Istati Membri rispettivi, bir-referenza minima ta' 60 %, bħala pass importanti lejn il-qerda tal-faqar;

8.  Jiddefendi d-dritt għall-mobilità, iżda jinsisti li dan ma jistax jissostitwixxi l-ħolqien tal-impjiegi fejn jgħixu n-nies u jirrifjuta l-mudell tal-Kummissjoni fejn ħaddiema jiġu skjerati kontra ħaddiema oħra; jenfasizza dan il-punt fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni ta' mudelli ta' produzzjoni li qed tiżdied, li m'għandhiex twassal għal qgħad u prekarjetà, iżda għal tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol filwaqt li jiġu ssalvagwardjati u msaħħa l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jemmen li d-diġitalizzazzjoni toħloq sfida kbira għas-soċjetà, kemm f'termini ta' tranżizzjoni bejn il-professjonijiet li qed jisparixxu u mudelli ġodda ta' produzzjoni, u f'termini ta' garanzija tad-drittijiet soċjali u d-drittijiet tax-xogħol f'impjiegi ġodda u forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tiffokax biss fuq l-appoġġ għal mobilità ġusta, iżda wkoll fuq il-ħolqien ta' impjiegi u tranżizzjoni tal-impjiegi fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari f'reġjuni b'rata għolja ta' qgħad, u biex tfassal l-appoġġ tagħha għall-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati Membri; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-ħaddiema kollha, kemm fi ħdan kif ukoll barra mis-suq tax-xogħol, jenħtieġ li jkollhom aċċess għal programmi għal taħriġ kontinwu u t-tagħlim tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u li dawn għandhom jiġu ffinanzjati minn min iħaddem u mill-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-diskussjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza, tiżgura li l-ħaddiema u t-trade unions ikunu jistgħu jieħdu sehem matul l-istadji kollha tal-proċedura u jinżammu infurmati, u biex timpedixxi l-użu tattiku tal-proċeduri tal-insolvenza li jwasslu biex il-kundizzjonijiet tal-impjiegi jaggravaw; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tiffaċilita ċ-ċirkustanzi fejn il-ħaddiema jistgħu jieħdu f'idejhom kumpaniji li jiffaċċjaw insolvenza, sabiex tinżamm l-attività ekonomika u jiġi minimizzat it-telf ta' impjiegi;

10.  Huwa tal-fehma li l-programmi kollha ta' azzjoni tal-UE dwar il-kultura u l-edukazzjoni jenħtieġ li jinkludu dimensjoni sistematika ta' inklużjoni soċjali, jippromwovu politiki ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità u jikkontribwixxu għal aċċess sħiħ għall-kultura u r-rikreazzjoni għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jeskludu n-nefqa fuq l-edukazzjoni u affarijiet kulturali fil-kalkolu tad-defiċit pubbliku fil-Patt ta' Tkabbir u Stabbilità sakemm dan il-patt jiġi revokat u sostitwit b'Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi ta' politika li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jieħu nota tal-Pakkett dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, li jinkludi proposti għal standards minimi ġodda jew ogħla għal liv tal-ġenituri, tal-paternità u l-liv tal-carers; jinsisti, madankollu, li l-inizjattivi jwieġbu għall-pożizzjoni tal-Parlament dwar id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità billi jiżdied il-perjodu minimu garantit ta' liv tal-maternità bi ħlas sħiħ minn 14 għal 20 ġimgħa, u billi jiġi stabbilit dritt obbligatorju għal liv tal-paternità bi ħlas; jilqa' l-proposta li l-liv tal-paternità jsir dritt individwali għall-ġenituri; jemmen li jenħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi fl-Istati Membri kollha biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għan-nisa u l-irġiel, u li jeħtieġ li jittieħdu passi biex jiżdied it-tul tal-liv tal-ġenituri, li għandu jitħallas bir-rata ta' 100 %, u finalment nersqu lejn sistema aktar ugwali ta' liv tal-ġenituri;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tressaq proposta għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa li tindirizza l-forom differenti kollha ta' vjolenza; jilqa' l-isforzi li l-Kummissjoni qed tagħmel bħalissa lejn l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jitlob lill-UE twieġeb għall-bżonn urġenti biex tiġi adottata u implimentata strateġija ġdida tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li tinkludi l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li tiffoka b'mod partikolari fuq it-tnaqqis tad-domanda u l-introduzzjoni ta' sistema ta' kastig għall-klijenti/l-awturi tar-reati;

Politiki ta' ekonomiji progressivi

13.  Jistieden lill-Kummissjoni ttemm il-politika ta' awsterità tal-UE; huwa tal-fehma li t-Trattat dwar l-Istabilità Fiskali, il-Patt Fiskali, is-Semestru Ewropew, kif ukoll ta' Bordijiet ta' Kompetittività Nazzjonali u l-Awtoritajiet Fiskali Indipendenti, għandhom jiġu revokati, peress li dawn huma kkaratterizzati minn defiċit demokratiku u soċjali, u mhux biss għandhom kwalità restrittiva li għandha effetti negattivi serji fuq l-investiment, it-tkabbir, il-koeżjoni reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi, u żiedu b'mod drammatiku l-inugwaljanzi fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, iżda wkoll inaqqsu d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-objettivi baġitarji tagħhom u l-objettivi tagħhom tal-ordni pubbliku;

14.  Jirrifjuta bil-qawwa, għaldaqstant, ir-Rapport tal-Ħames Presidenti u l-White Paper u d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), peress li dawn ma joffru l-ebda mezz ta' ħruġ min-narrativa tal-awsterità iżda minflok jirrakkomandaw l-approfondiment tal-politiki eżistenti, ta' kompetittività akbar u konverġenza strutturali, filwaqt li jimponu politiki fiskali rigorużi u awsterità;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jiġu sostitwiti b'Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir li jkun jinkludi sett ġdid ta' politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali favur il-popli u l-ħaddiema, jiġifieri billi jkunu promossi tkabbir inklużiv u ambjentalment sostenibbli, impjieg ta' kwalità u s-sikur u koeżjoni soċjali u reġjonali; jissottolinja l-fatt li taħt dan il-qafas ġdid ta' kooperazzjoni, l-Istati Membri jridu jerġgħu jiksbu l-kapaċità li jiddeċiedu dwar il-politiki ekonomiċi li jindirizzaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet rispettivi tagħhom, filwaqt li fil-livell tal-UE, il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet irid jiżgura l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza li jinkludi l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u rispett sħiħ għad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-Istati Membri, li jenħtieġ jirrifletti djalogu komprensiv mal-partijiet interessati kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi dibattitu bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE dwar kif dan jista' jinkiseb;

16.  Jemmen li, jekk xi Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ mill-ewro minħabba li s-sħubija tiegħu tkun saret insostenibbli u insopportabbli, deċiżjoni bħal din jenħtieġ tkun rispettata totalment u twitti t-triq għal ħruġ negozjat u b'ordni b'mod ġust li jkun ħieles mill-pressjoni, sanzjonijiet jew rikatti, fi ħdan qafas ta' programm ta' appoġġ komprensiv; iqis li programm bħal dan jenħtieġ jipprevedi l-possibilità ta' kumpens adegwat stabbilit fuq il-bażi tal-ħsara soċjali u ekonomika kkawżata;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq pjan ta' emerġenza biex tappoġġa l-ekonomija tal-pajjiżi li sofrew minħabba l-intervent tat-Trojka;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-livell ta' dejn f'għadd ta' pajjiżi tal-UE għadu fost l-ogħla fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jinizjaw u jappoġġaw proċess ta' negozjar mill-ġdid tad-dejn pubbliku (l-ammonti, il-maturità u r-rati tal-imgħax) u l-annullament tal-elementi spekulattivi u illeġittimi tiegħu fil-pajjiżi l-iktar midjunin, sabiex is-sistema tad-dejn tkun magħmula kompatibbli mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jinnota li mingħajr tnaqqis tad-dejn, l-irkupru ekonomiku tal-Istati Membri huwa impossibbli;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tevalwa u tiddiskuti l-proċess tal-Unjoni Bankarja, li hu żbilanċjat u mhux demokratiku, u li s'issa pproteġa l-interessi tal-banek u mhux tad-depożitanti; iqis li l-Unjoni Bankarja kompliet idgħajjef il-ħila tal-Istati Membri li jikkontrollaw is-sistema bankarja tagħhom u, barra minn hekk, serviet biex tippromwovi u fl-aħħar mill-aħħar twassal għal bosta fużjonijiet u akkwisti fis-settur bankarju ta' Stati Membri differenti; iqis, għalhekk, li l-Unjoni Bankarja kienet qed topera bħala għodda politika biex tisforza proċess ta' ċentralizzazzjoni u konċentrazzjoni tal-kapital; fil-fatt, l-istabbiliment ta' oligopolija bankarja pan-Ewropea hu kemm għan ewlieni kif ukoll konsegwenza tal-Unjoni Bankarja, u ma jindirizzax il-problema ta' "kbar wisq biex ifallu", iżda pjuttost ikabbarha, ma jservix l-interessi tal-popolazzjonijiet u huwa 'l bogħod ħafna mill-indirizzar effettiv tas-sigurtà tad-depożituri; jemmen, għaldaqstant, li l-uniku mod biex jiġu indirizzati l-problema ta' "kbar wisq biex ifallu" u s-sigurtà tad-depożitanti, u li tiġi żgurata sistema bankarja li teżisti biex taqdi l-interessi tal-popli u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-pajjiżi, hu li tiġi revokata l-Unjoni Bankarja u jkunu promossi l-kontroll pubbliku u d-deċentralizzazzjoni tas-settur bankarju u finanzjarju; jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti li jittieħdu inizjattivi u jiġu protetti d-depożitanti bi qligħ baxx u medju tan-nies fl-Ewropa kontra kriżijiet ġejjiena tas-sistema;

20.  Jenfasizza li d-deregolamentazzjoni u l-liberalizzazzjoni tas-swieq kapitali jippreżentaw problemi serji għall-ekonomiji tal-Istati Membri, jiġifieri għall-istabilità tagħhom; jemmen li Unjoni tas-Swieq Kapitali, billi tapprofondixxi l-livell ta' finanzjalizzazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Membri, isservi biss l-interessi tal-kapitalisti finanzjarji u żżid ħafna l-possibilità ta' kriżi finanzjarja ġdida; jappella għall-waqfien minnufih tal-proċess tal-istabbiliment ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali u jtenni l-ħtieġa li s-settur bankarju tal-investimenti jiġi separat mis-settur bankarju tal-konsumaturi, biex jiġi evitat li jkun hemm kontaminazzjoni u konċentrazzjoni tal-industrija;

21.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri juru determinazzjoni politika reali fl-intaxxar tad-detenturi veri tal-ġid; jiddeplora r-rispons insuffiċjenti fl-UE fir-rigward tal-iskandli marbuta mat-tassazzjoni; jiddefendi l-obbligu li d-deċiżjonijiet tat-taxxa jkun magħmula pubbliċi, rappurtar pajjiż b'pajjiż u reġistri tas-sjieda benefiċjarja sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-iskrutinju; huwa favur it-tmiem tal-offshore u ta' rifuġji fiskali oħra fi ħdan l-UE u barra minnha, ir-regolamentazzjoni effettiva tal-faċilitaturi u l-promoturi ta' skemi offshore, id-difiża tal-kooperazzjoni għat-tneħħija tas-sigriet bankarju għal finijiet ta' taxxa, il-promozzjoni ta' miżuri ta' kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi tat-taxxa, l-ikkastigar ta' tranżazzjonijiet spekulattivi permezz ta' miżuri tal-politika fiskali, u l-iżgurar li l-profitti jiġu ntaxxati fil-pajjiż fejn iseħħu l-attivitajiet ekonomiċi, fejn l-impjegati qed jaħdmu verament u fejn jinħoloq il-valur; jitlob li jsir summit internazzjonali fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti bl-għan li jiġi stabbilit pjan direzzjonali u Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex jintemmu r-rifuġji fiskali u d-dumping tat-taxxa;

L-irkupru tal-ekonomiji tal-Istati Membri permezz tal-investiment pubbliku u t-tkabbir sostenibbli

22.  Jenfasizza l-fatt, li flimkien ma' qafas ta' kooperazzjoni demokratiku u ġust u pilastru reali ta' drittijiet soċjali, l-UE teħtieġ żvilupp ekonomiku olistiku u ġust u strateġija ta' investiment li tqis l-interessi tal-popli u l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tniedi Pjan ta' Investiment Pubbliku ġenwinament intiż biex iwassal għal impjieg sħiħ u ekonomija sostenibbli, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'livell baxx ta' karbonju, li jimmira speċifikament fuq pajjiżi u reġjuni b'livelli għolja ta' qgħad u faqar kif ukoll is-setturi produttivi li huma vitali għall-istrateġiji tal-iżvilupp ta' kull pajjiż; jitlob għall-promozzjoni tal-proġetti pubbliċi u għal appoġġ lill-gvernijiet lokali, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, il-koperattivi u n-negozji mingħajr skop ta' lukru, li jagħti spinta lill-produttività tagħhom, irażżan l-effett ta' pożizzjonijiet tas-suq dominanti okkupati minn kumpaniji kbar, u li jiżgura żvilupp ekonomiku sod u koeżjoni soċjali fl-UE, kif ukoll li l-fondi tal-Komunità jissaħħu u jiġu orjentati f'dik id-direzzjoni;

23.  Jenfasizza li minbarra l-pjan ta' investiment, il-politika ta' koeżjoni jenħtieġ tkun espressjoni viżibbli, tanġibbli u kwantifikabbli tas-solidarjetà u l-ekwità Ewropej; jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal politika ta' koeżjoni vera b'fondi strutturali miżjuda b'mod sinifikanti, li l-objettivi ewlenin tagħha huma t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni b'enfasi speċjali fuq ir-reġjuni l-aktar fqar u imbiegħda, u li timmira fuq Stati Membri li jbatu minn sottożvilupp, livelli għolja ta' qgħad, jew li jħabbtu wiċċhom ma' diżastri naturali jew kriżijiet umanitarji, u tinkludi għajnuna fil-forma ta' riżorsi umani u assistenza teknika fir-rigward tal-migrazzjoni u d-diżastri naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tosserva politika ta' koeżjoni soda post-2020 li tkun ibbażata fuq is-sussidji u l-għanijiet ewlenin tagħha ta' koeżjoni ambjentali, soċjali, ekonomika u territorjali, kif stabbilit fit-Trattati, b'dimensjoni urbana kif ukoll rurali u b'enfasi qawwi fuq il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, u b'impenn sod favur il-prinċipju tas-sħubija, filwaqt li tippromwovi konverġenza reali u tkabbir sostenibbli ekonomiku u tal-impjiegi; jiċħad bil-qawwa li jissubordina l-politika ta' koeżjoni għall-governanza ekonomika tal-UE, ir-riformi strutturali u l-kundizzjonalitajiet makroekonomiċi peress li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex tintuża bħala strument ta' penalizzazzjoni finanzjarja meta Stat Membru jew reġjun jirrifjuta l-politiki ta' deregolamentazzjoni u privatizzazzjoni;

24.  Filwaqt li jqis l-aktar avvenimenti reċenti, u b'mod partikolari t-terremoti fl-Italja u l-Greċja u n-nirien fil-Portugall u fi Spanja, li kellhom impatt drammatiku u sostanzjali fuq il-ħajjiet tan-nies f'reġjuni partikolarment żvantaġġati, jenfasizza l-importanza tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex iwieġeb għal diżastri naturali kbar u jieħu nota taż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-FSUE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja żieda ulterjuri f'dan il-fond, u biex tadatta r-regoli biex tagħmel il-mobilizzazzjoni tiegħu aktar flessibbli u puntwali, sabiex tkun koperta firxa wiesgħa ta' diżastri b'impatti sinjifikanti u jitnaqqas iż-żmien bejn id-diżastru u d-disponibilità ta' fondi;

25.  Isostni li l-isfidi soċjali, ekonomiċi, klimatiċi u politiċi jistgħu jingħelbu biss billi neliminaw il-politiki neoliberali tal-passat u norjentaw ruħna lejn il-progress soċjali, il-konverġenza ekonomika, il-koeżjoni u l-iżvilupp sostenibbli; jitlob b'qawwa li jintemmu l-prinċipju tal-kompetizzjoni u l-prinċipju tal-ekonomija tas-suq, sabiex titwitta t-triq lejn Ewropa msejsa fuq il-prinċipju tas-solidarjetà u l-koperazzjoni vantaġġuża b'mod reċiproku;

26.  Jistenna li l-istrateġija għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE tinkludi strateġija industrijali inklużiva li ssaħħaħ u tiżviluppa bażi industrijali diversifikata fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Istati Membri u tal-investiment pubbliku fl-istrateġija ta' riindustrijalizzazzjoni li jenħtieġ tħaddan setturi strateġiċi u tagħmel it-tkabbir tal-impjiegi u s-sostenibilità soċjali u ambjentali l-miri ewlenin; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-problema tar-rilokazzjoni tal-produzzjoni industrijali fi ħdan katini ta' valur globali u tipproponi projbizzjoni fuq finanzjament tal-UE għar-rilokazzjoni tal-produzzjoni, sabiex l-impjiegi industrijali jinżammu fl-Istati Membri;

27.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tar-riċerka pubblika bħala kontrobilanċ għal xejriet orjentati lejn is-suq; jenfasizza l-ħtieġa li l-fondi tar-riċerka tal-UE jintużaw bħala għodda biex tiżdied il-koeżjoni territorjali fl-UE, u biex tiġi evitata l-konċentrazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka bejn ftit pajjiżi, universitajiet, ċentri tar-riċerka u kumpaniji; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-investiment pubbliku u r-regolamentazzjoni tas-servizzi diġitali sabiex jingħeleb id-distakk diġitali u tiġi enfasizzata l-ħtieġa li tkun evitata l-konċentrazzjoni tal-kontenut diġitali fost għadd żgħir ta' distributuri; jappoġġja standards miftuħa fis-settur diġitali u xjenza miftuħa sabiex l-innovazzjonijiet jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd; jitlob li l-għarfien xjentifiku kollu appoġġat b'mod dirett jew indirett mill-finanzjament tal-UE, ikun magħmul pubbliku;

28.  Jirrifjuta tas-suq intern tal-enerġija tal-UE u l-istabbiliment ta' Unjoni Ewropea tal-Enerġija, li se twassal għal aktar liberalizzazzjoni u monopolizzazzjoni; jitlob li jkun hemm kontroll pubbliku ta' dan is-settur strateġiku għax is-sjieda u l-ġestjoni pubbliċi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija huwa l-aħjar mod biex tiġi żgurata sostenibilità ambjentali u soċjali; itenni li l-enerġija hija beni pubbliku u li l-aċċess għall-enerġija għandha tkun dritt soċjali bażiku; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni injorat dan fil-proposti kollha inklużi fil- pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha"; jistenna li l-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, toħloq Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku u tipprepara pjan ta' azzjoni konkret għall-indirizzar tal-faqar enerġetiku;

29.  Jitlob Politika Komuni tas-Sajd (PKS) deċentralizzata li tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, li tiżgura l-vijabilità soċjoekonomika tiegħu, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib fil-kundizzjonijiet ta' għajxien tal-ħaddiema tas-settur tas-sajd; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-PKS tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u s-sajd kostali, u l-idoneità tal-istrumenti attwali għall-ħtiġijiet tas-settur; jitlob li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żoni Ekonomiċi Esklussivi tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom;

30.  Huwa tal-fehma li 30 sena tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għamlu ħsara kbira lis-settur agrikolu fl-Istati Membri u kkontribwew għall-kriżi f'dan is-settur; jitlob li ssir enfasi mġedda fuq wieħed mill-prinċipji ta' finanzjament tal-PAK, "li jiġi żgurat standard ta' għajxien ġust għall-bdiewa", sabiex tiġi miġġielda l-konċentrazzjoni akbar tal-produzzjoni, it-tnaqqis fl-għadd ta' bdiewa fuq skala żgħira, u ż-żieda fl-assimetriji reġjonali u d-dipendenza esterna esterna fuq l-oġġetti, li tiffavorixxi l-akbar ekonomiji tal-UE u n-negozji agrikoli l-kbar; jiddispjaċih li dan il-fenomenu qed ipoġġi f'riskju patrimonji agrikoli u rurali ta' importanza dinjija, filwaqt li n-negozji agrikoli kbar qed jespandu l-marġini tagħhom u jimponu l-mudell tagħhom ta' sistema ta' ikel globali, b'konsegwenzi ambjentali distruttivi; jenfasizza r-rwol ċentrali tal-bdiewa fil-politika agrikola u tal-ikel; jopponi bil-qawwa d-dominanza tas-suq u l-iffissar inġust tal-prezzijiet min-naħa tan-negozji agroalimentari l-kbar, askapitu tas-sikurezza, il-kwalità u s-sovranità tal-ikel, is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, il-benesseri tal-annimali u tal-ambjent; jenfasizza l-importanza li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-art biex tiġi miġġielda l-inugwaljanza fl-ekonomiji rurali u jkun faċilitat it-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'lejliet ir-riforma li ġejja tal-PAK, biex tibdel l-enfasi tal-PAK attwali, li hi ddominata minn biedja intensiva u monokulturi estrattivi, lejn agrikoltura u l-politika tal-ikel li jkunu sostenibbli, billi jitqiesu l-kwistjonijiet u l-isfidi varji ekonomiċi, soċjali, ambjentali, nutrittivi u tas-saħħa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri biex tiżdied il-viżibilità tan-nisa u jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fis-settur agrikolu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-protezzjoni tal-art agrikola u l-aċċess għaliha; jikkundanna bil-qawwa l-ħtif tal-art, u jitlob li tittieħed azzjoni b'ħeffa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jafferma mill-ġdid li l-ilma huwa dritt universali li jenħtieġ jiġi garantit lil kull bniedem, u li m'għandux ikun soġġett għall-privatizzazzjoni;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprojbixxi kull forma ta' għoti ta' privattivi fuq iż-żrieragħ biex tipproteġi lill-bdiewa mill-pressjonijiet tal-kompetizzjoni li joħolqu l-kumpaniji multinazzjonali li jipproduċu ż-żrieragħ, u biex tipproteġi l-varjetajiet lokali u l-wirt ġenetiku u kulturali tagħna; jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tipprojbixxi l-awtorizzazzjoni, il-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-GMOs u biex tieħu azzjoni kontra l-użu mifrux tal-pestiċidi;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali 2012-2015; jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali u l-bijodiversità għall-perjodu 2016–2020 li tegħleb in-nuqqasijiet u l-lakuni attwali, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jittejbu l-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-bijodiversità fl-UE;

Politiki ambjentali għal futur sostenibbli — nindirizzaw it-tibdil fil-klima

35.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi tal-klima; jilqa' r-rikonoxximent mill-COP 21 li l-kriżijiet klimatiċi attwali huma kkawżati minn sistema ta' produzzjoni li tikkonsma ħafna enerġija u l-isfruttar ta' karburanti fossili; jenfasizza li s-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima hija, għall-pajjiżi kollha kkonċernati, li jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra skont ir-responsabilitajiet storiċi tagħhom; jemmen bis-sħiħ li d-destin tal-pjaneta ma jistax jitħalla f'idejn strumenti bbażati fuq is-suq, iżda jirrikjedi l-eliminazzjoni tal-mudell ta' tkabbir kapitalista, kif ukoll bidla radikali fil-metodi tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum; jiddispjaċih, għaldaqstant, li l-impenji tal-COP 21 ma jiggarantux tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li hu meqjus neċessarja sabiex jiġi żgurat li ż-żieda fit-temperatura medja ma tkunx akbar minn 2ºC u li l-ftehim saħħew il-mekkaniżmi bbażati fuq is-suq;

36.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ambizzjoni li wriet s'issa l-Kummissjoni fir-rigward ta' miri vinkolanti; jiddeplora l-fatt li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima jinsistu fuq approċċ tas-suq, ntwera b'mod ċar li hu ineffettiv u żbaljat (suq tal-karbonju, strumenti ta' flessibilità, eċċ.); jitlob li jkun hemm bidla fundamentali fid-direzzjoni, minn approċċ tas-suq għal approċċ normattiv, f'konformità mal-prinċipju ta' "responsabilità komuni iżda differenzjata"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmorru lil hinn mill-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen bil-qawwa li l-UE trid issaħħaħ l-azzjoni tagħha u tpoġġi l-klima u l-ambjent l-ewwel; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-politika tat-tibdil fil-klima u standards ambjentali għolja fil-politiki rilevanti kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni tal-impenji ta' Pariġi u tal-għanijiet addizzjonali, minkejja n-nuqqasijiet u l-kontradizzjonijiet kollha tagħhom;

37.  Jistieden speċifikament lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi kriterji ta' sostenibilità għall-prodotti industrijali u biex tintegra għalkollox l-ekonomija ċirkolari fil-politiki rilevanti kollha, b'kunsiderazzjoni dovuta taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet identifikati fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, inkluża t-tneħħija gradwali tas-sussidji li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li l-approċċ tas-suq għall-ekonomija ċirkolari għandu konsegwenzi perikolużi għall-interess pubbliku u li obbligu ta' rendikont qawwi tal-Istati Membri u tal-politiki pubbliċi hu meħtieġ;

38.  Jemmen li t-tranżizzjoni tal-enerġija jenħtieġ twassal għal sistema ta' enerġija iktar effiċjenti, trasparenti, sostenibbli, deċentralizzata u demokratika bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li tibbenefika lis-soċjetà kollha kemm hi; itenni t-talba tal-Parlament għal mira vinkolanti ta' sehem ta' 30 % konsum ta' enerġija rinnovabbli, li jenħtieġ tiġi riveduta 'l fuq għal 45 % b'konformità mad-dispożizzjonijiet attwali tal-Ftehim ta' Pariġi, u 40 % f'iffrankar tal-enerġija għall-2030; jistieden lill-Kummissjoni tressaq kriterji ta' sostenibilità vinkolanti għall-enerġija u l-bijomassa;

39.  Jitlob li tiġi salvagwardjata l-bijodiversità fl-ambjenti marini, billi jiġu żgurati kundizzjonijiet favorevoli għar-rikostituzzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ħut permezz tal-implimentazzjoni ta' prattiki ta' ġestjoni sostenibbli adegwati; huwa favur l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li jiġu kkonservati tal-anqas 10 % taż-żoni kostali u marini, skont id-dritt nazzjonali u internazzjonali u abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, u supremazija għas-sajd fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali fl-aċċess għar-riżorsi; jiffavorixxi f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' żoni ħielsa mis-sajd f'żoni fejn l-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità huma mhedda; jenfasizza daqstant il-ħtieġa li jiġu implimentati strateġiji effettivi ta' prevenzjoni u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-UE bl-għan li l-art agrikola tiġi mħarsa fit-tul, fosthom billi jiġu mitmuma l-biedja intensiva u l-produzzjoni żejda;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi eliminat il-karbonju mis-settur tat-trasport kollu kemm hu; jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal Pakkett dwar il-Mobilità tat-Trasport tkompli tilliberalizza s-settur għad-detriment tal-ambjent u tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-Istati Membri biex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali, li tippromwovi t-trasport pubbliku, soluzzjonijiet tal-mobilità kondiviżi u l-mixi u ċ-ċikliżmu b'mod partikolari f'żoni urbani, u li tnaqqas l-emissjonijiet mill-karozzi, il-vannijiet, il-vetturi tqal, l-avjazzjoni, il-ferroviji u t-trasport bil-baħar;

41.  Jiddefendi żieda fl-allokazzjoni ta' fondi għall-politiki ta' konservazzjoni ambjentali; jitlob li jkun hemm żieda sostanzjali fil-Programm LIFE għal mill-inqas 1 % tal-baġit tal-UE; jiċħad id-dgħajfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħabitats u ta' speċijiet selvaġġi fil-periklu; jitlob li jinħoloq strument finanzjarju speċifiku ddedikat għall-finanzjament tan-Netwerk Natura 2000 u li jiġu adottati miżuri koerenti għall-preservazzjoni tal-valuri tagħha;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkonforma b'mod konsistenti mal-prinċipju ta' prekawzjoni, u li terġa' lura u tastjeni milli tipproponi derogi għall-użu ta' sustanzi kimiċi, pestiċidi dannużi u interferenti endokrinali, tnaqqas l-esponiment għal sustanzi kimiċi - permezz tal-ilma, il-ħamrija, l-arja u l-ikel - li għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent globali, u tressaq proposti leġislattivi biex jitnaqqas l-esponiment;

43.  Jitlob li jiġi msaħħaħ l-approċċ Komunitarju għall-prevenzjoni tad-diżastri, bil-ħolqien ta' qafas finanzjarju xieraq għall-prevenzjoni, li jista' jiġi mobilizzat b'azzjoni biex jiġu kkoreġuti sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju;

Is-suq uniku u l-kummerċ internazzjonali

44.  Huwa tal-fehma li s-suq uniku, fid-dimensjonijiet settorjali varji tiegħu, aċċentwa l-erożjoni ta' strumenti ta' regolamentazzjoni ekonomika sovrani, id-dominanza ekonomika, id-diverġenza u l-iżvilupp mhux uniformi, u ppromwova l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti lejn rifuġji fiskali, il-privatizzazzjoni, id-deregolamentazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u l-konċentrazzjoni tal-kapital; jikkunsidra li, permezz tas-suq uniku u f'isem il-kompetittività, l-UE appoġġjat u ppromwoviet attakki fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, u dan wassal għal inugwaljanzi soċjali, deregolamentazzjoni tax-xogħol, devalwazzjoni tal-pagi u impjiegi dejjem aktar prekarji, filwaqt li politiki fiskali aktar ġusti u aktar ridistributtivi ġew meqruda jew ostakolati; jinnota li, għall-kuntrarju ta' dak li huwa ddikjarat b'mod sistematiku, is-suq uniku wassal għal żieda fl-ispejjeż għall-konsumaturi u degradazzjoni tas-servizzi pprovduti;

45.  Jenfasizza li kull pajjiż għandu jkollu d-dritt li jiddefinixxi l-politiki kummerċjali u jagħmel il-ftehimiet kummerċjali li jikkorrispondu l-aktar mal-interessi u mal-karatteristiċi u l-ħtiġijiet ekonomiċi tiegħu, filwaqt li jitqiesu l-livelli rispettivi ta' komplementarjetajiet tiegħu ma' pajjiżi terzi;

46.  Jieħu nota tal-proposta riveduta tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jiddispjaċih, madankollu, li din ma tindirizzax biżżejjed it-theddidiet għall-pluraliżmu tal-midja jew għall-utenti vulnerabbli, b'mod partikolari l-minorenni, fir-rigward ta' komunikazzjonijiet kummerċjali perikolużi, it-tqegħid ta' prodotti, kontenuti illegali fuq pjattaformi ta' video-sharing u l-midja soċjali; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tirrevedi d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku u tiffoka iktar fuq bidliet demokratiċi u kulturali fil-ħidma attwali u futura tagħha dwar l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni għandha x'taqsam sostanzjalment mal-edukazzjoni, l-għarfien, ir-riċerka, il-midja u l-litteriżmu tal-internet, u għalhekk jitlob aktar responsabilità politika u strateġija diġitali Ewropea mfassla skont il-ħtiġijiet tal-utenti u tas-soċjetà;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-azzjonijiet u l-programmi kollha tal-UE dwar il-kultura, l-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza jinkludu sistematikament dimensjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġjati; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita aċċess sħiħ għall-kultura u l-ħolqien għal kulħadd, u biex tippromwovi l-kultura u l-impriżi kreattivi, b'mod partikolari l-produzzjoni kulturali fuq skala żgħira;

48.  Jirrimarka li kwalunkwe proposta leġiżlattiva li b'xi mod tinterferixxi mad-drittijiet u r-remunerazzjoni tal-parteċipanti tal-industriji kulturali u kreattivi trid tiżgura ħlas ġust u deċenti għall-awturi, l-artisti, il-produtturi u l-persuni tekniċi; jitlob lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jaħdmu b'mod konġunt mal-għaqdiet tal-ħaddiema tal-industriji kulturali u kreattivi, u ma' entitajiet u l-korpi pubbliċi ffinanzjati sabiex jiġu żviluppati u implimentati miżuri konkreti biex tiġi eliminata l-prekarjetà tal-impjieg tagħhom f'din l-industrija;

49.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiżdied il-finanzjament u jitneħħew l-ostakli, inklużi l-ostakli ekonomiċi, għall-applikanti għal programmi edukattivi bħal Erasmus + u Ewropa Kreattiva, partikolarment għal studenti b'introjtu aktar baxx, persuni b'diżabilità, studenti minn reġjuni remoti u parteċipanti milquta mill-Brexit; jiddeplora s-sostituzzjoni tas-sistemi ta' għotjiet bil-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self lill-Istudenti u jistieden lill-Kummissjoni tirtira din il-proposta;

50.  Jopponi l-approċċ tal-politika kummerċjali ta' liberalizzazzjoni, deregolamentazzjoni u privatizzazzjoni promoss mill-Kummissjoni Ewropea ma' bosta sħab madwar id-dinja, li jikkomprometti s-sovranità tal-Istati Membri u jaqdi l-interessi ġeopolitiċi tal-pajjiżi l-aktar sinjuri u tal-korporazzjonijiet multinazzjonali billi jippermettilhom jikkontrollaw u jisfruttaw l-assi ta' pajjiżi terzi, iżid l-assimetriji intrareġjonali u interreġjonali, u jipperpetwa d-dipendenzi tal-pajjiżi anqas żviluppati (fl-UE u barra minnha); jinsisti fuq relazzjonijiet kummerċjali ma' stati jew sħab li jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ambjent u l-karatteristiċi reġjonali u li, fl-istess ħin, ma jikkontestawx l-interessi ġeopolitiċi tal-pajjiżi ż-żgħar, l-SMEs, l-assi nazzjonali jew is-servizzi pubbliċi;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirtira min-negozjati dwar it-TTIP, bejn l-UE u l-Ġappun u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA), fost oħrajn; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' impjiegi diċenti, mudell ekonomiku sostenibbli, iżda l-ewwel u qabel kollox, fuq distribuzzjoni ġusta tal-ġid, sensiela eteroġenja ta' attivitajiet ekonomiċi, u approċċ b’għeruq sodi għad-dritt li ssir regolamentazzjoni sabiex isir progress favur il-ġustizzja soċjali, li jiġu żviluppati servizzi pubbliċi ta' kwalità, jiġu protetti l-ambjent u d-diversità kulturali, u li jkun permess ir-rispett b’mod strett tal-prinċipju ta' prekawzjoni;

52.  Jitlob għal kummerċ internazzjonali regolat, ibbażat fuq il-komplementarjetà b'mod reċiproku; jinsisti li kull dokument ta' negozjar irid isir pubbliku, u li l-parlamenti nazzjonali kollha għandhom jiġu konsultati qabel l-adozzjoni ta' tali ftehimiet, li jkollhom impatt drammatiku fuq il-ħajja ta' kuljum tal-poplu; jiddeplora l-proċess tan-negozjati tas-CETA u jitlob għar-revoka immedjata tiegħu;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja b’mod sħiħ it-Trattat tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dispożizzjonijiet vinkolanti meħtieġa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu fil-ftehimiet kummerċjali attwali u futuri kollha ffirmati mill-UE dispożizzjonijiet li jippermettu kontroll reali tal-frodi fiskali, tal-ħasil ta' flus u l-ispekulazzjoni fuq l-ikel, l-ilma, u ħtiġijiet bażiċi oħra tal-bnedmin u tan-natura;

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem – it-triq lejn id-demokrazija

54.  Jinsisti fuq alternattiva demokratika, ġusta u progressiva għall-Ewropa – ma' pajjiżi li huma ugwali fid-drittijiet – abbażi tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-ġustizzja soċjali; jinsisti li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, flimkien mar-rispett tal-prinċipji fundamentali tal-Karta tan-NU, għandhom ikunu fil-qalba ta' kull politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; jiddikjara li għandha tinbena Ewropa oħra bi rwol aktar b’saħħtu u involviment akbar tal-popli, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tagħhom u r-rieda tagħhom;

55.  Jemmen li, fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-UE, dan jitlob għal rwol aktar b’saħħtu u involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili permezz ta', fost l-oħrajn, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej riveduta u msaħħa; jitlob għal aċċess imtejjeb ta' dokumenti u trasparenza akbar tal-lobbiżmu korporattiv, inkluż permezz ta' gruppi ta' esperti, u rispett akbar għal inizjattivi bħalma hija l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

56.  Jitlob għal trasparenza u responsabilità akbar u jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġu li jsiru verament miftuħa, trasparenti u responsabbli lejn iċ-ċittadini, kemm f’termini ta' proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll f’termini tal-interessi li jservu; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex issegwi, malajr kemm jista' jkun u b’mod xieraq, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji u biex tressaq proposta għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi li tkopri l-kategoriji kollha ta' informaturi, b’kont meħud tal-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kunsill tal-Ewropa;

57.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-defiċit demokratiku li dejjem qed jikber u l-azzjonijiet antidemokratiċi tal-UE; jopponi bil-qawwa l-politiki tal-UE, li neħħew l-għażliet politiċi minn idejn il-gvernijiet sovrani u dawk eletti demokratikament u l-parlamenti nazzjonali, naqqsu l-kontroll demokratiku tal-UE u stabbilixxu b’mod permanenti l-awsterità; jopponi bil-qawwa kwalunkwe azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE li jfittxu li jimponu politiki u miżuri kontra r-rieda sovrana tal-popli, rikatti fuq il-gvernijiet sovrani, filwaqt li jiġi injorat u attakkat ir-riżultat tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u t-taqbida u drittijiet tal-ħaddiema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrispetta r-rieda taċ-ċittadini u tirrispetta kwalunkwe referendum futur dwar kwistjonijiet tal-UE; jinsisti fuq id-dritt inaljenabbli tal-popli li jiddibattu u jesprimu r-rieda tagħhom; jirrifjuta n-narrattiva tal-inevitabilità li ta' spiss hija projettata mill-istituzzjonijiet tal-UE, peress li f’demokrazija dejjem ikun hemm mogħdijiet alternattivi f'konformità mar-rieda tal-popli;

58.  Jistmerr il-ksur evidenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi tad-dritt internazzjonali li jidhru fir-rispons tal-UE għall-kriżi umanitarja, kif jidher fil-militarizzazzjoni dejjem akbar tal-fruntieri esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrialloka l-fondi allokati għal aktar kontroll tal-fruntieri u għat-tisħiħ ta' Fortress Europe biex jintlaqgħu u jiġu integrati r-refuġjati u l-migranti; jistieden b’mod urġenti lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ proattivi, speċjalment fiċ-Ċentru tal-Mediterran, biex tiżviluppa proposti għal modi sikuri u legali biex l-UE tkun aċċessata min-nisa, l-irġiel u t-tfal kollha li jeħtieġu protezzjoni, kif ukoll għall-ħaddiema migranti, inkluż programm ta' risistemazzjoni immedjat, ambizzjuż u vinkolanti bbażat fuq rabtiet reali tar-rifuġjati mal-pajjiżi rispettivi, u biex jappoġġjaw it-talba tal-Parlament għall-ħolqien ta' viżi umanitarji billi tippreżenta proposta relevanti, sabiex il-persuni ma jibqgħux sfurzati jirriskjaw ħajjithom fil-Mediterran jew fid-deżert fi triqthom lejn l-Ewropa; jikkundanna l-użu dejjem akbar tal-hekk imsejħa strumenti "rotob" biex jitfgħu pressjoni fuq pajjiżi terzi ħalli jidħlu fi ftehimiet ta' riammissjoni informali; jikkundanna bil-qawwa, f'dan ir-rigward, il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija, il-ftehim bejn l-UE u l-Afganistan: l-hekk imsejħa "It-Triq Konġunta ’l quddiem għall-Afganistan", u t-taħdidiet li għaddejjin mal-pajjiżi terzi fl-Oqfsa ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni; jikkundanna l-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u l-esternalizzazzjoni tal-kontroll tal-fruntieri ta' pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz tal-użu tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;

59.  Jappella għal allokazzjoni ġusta ta' refuġjati f’akkomodazzjoni dinjituża u għall-għeluq taċ-ċentri ta' detenzjoni, u biex jitressqu ’l quddiem l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol kemm tar-refuġjati kif ukoll tal-migranti, filwaqt li jitqiesu l-preferenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, u tiġi żgurata protezzjoni mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni; jitlob għall-protezzjoni u l-appoġġ ta' nies bi bżonnijiet speċjali, vittmi tat-traffikar u minuri mhux akkumpanjati; jitlob għall-implimentazzjoni tad-dritt għall-ħajja tal-familja kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), kemm jekk minn pajjiż terz jew fi ħdan l-UE, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex jiġi rrispettat bis-sħiħ id-dritt għall-ħajja tal-familja u r-riunifikazzjoni, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-UE, inkluża l-implimentazzjoni rapida ta' applikanti vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Dritt tar-Riunifikazzjoni tal-Familja, inkluż l-użu tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja u biex tibda proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ;

60.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi alternattiva għar-Regolament ta' Dublin li ma jindirizzax in-nuqqasijiet serji tar-regolament eżistenti, peress li l-proposta mhijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta' solidarjetà u l-kondiviżjoni ta' responsabilità; jesprimi preokkupazzjonijiet kbar rigward l-obbligu għall-Istati Membri kollha li jeżaminaw jekk l-applikazzjoni ta' persuna tistax tiġi ddikjarata inammissibbli abbażi tal-kunċetti ta' pajjiż terz sikur jew l-ewwel pajjiż ta' asil;

61.  Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu fir-rigward tal-wegħdiet mhux imwettqa tal-Istati Membri biex jirrilokaw persuni li jfittxu asil mill-Italja u l-Greċja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u biex jirrilokaw sistematikament lill-persuni li jfittxu asil mill-Greċja u l-Italja, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni ta' miżuri ta' rilokazzjoni sakemm tkun teħtieġ is-sitwazzjoni;

62.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, li tiffoka fuq politiki ripressivi u li testendi l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE; jikkritika ż-żieda dejjem akbar fl-importanza tas-sigurtà fil-politiki, inkluż il-ġbir ta' data personali u t-tfassil ta' profili taċ-ċittadini u dawk ta' pajjiżi terzi, billi jittieħed vantaġġ mill-biżgħat esaġerati leġittimi tan-nies, tintuża l-ġlieda kontra t-terroriżmu biex jiġu attakkati d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini u tiżdied is-sorveljanza min-naħa tal-Istat; joġġezzjona bil-qawwa dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-fatt li dawn il-politiki ripressivi jdgħajfu l-politiki ta' prevenzjoni neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki ta' prevenzjoni, inkluż ix-xogħol taż-żgħażagħ, il-politiki ta' koeżjoni soċjoekonomika u strumenti preventivi oħra li għandhom l-għan li jgħinu lin-nies li jkunu f’riskju ta' esklużjoni soċjali; f’dan il-punt ifakkar fil-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jtemmu kull involviment militari estern u li jkollhom rwol internazzjonali għall-paċi;

63.  Jitlob l-adozzjoni immedjata tad-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni sabiex isir progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi l-attakki fuq il-minoranzi, il-migranti, il-persuni li jfittxu asil u gruppi vulnerabbli oħra; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (NRIS) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri, u biex tipproponi miżuri addizzjonali, jekk meħtieġa, għall-inklużjoni effettiva tar-Rom; Jiddeplora l-għadd dejjem akbar ta' reati ta' mibegħda u każijiet ta' inċitament għall-mibegħda fil-konfront tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, il-persuni LGBTI, il-persuni li jfittxu asil u dawk li m'għandhomx saqaf fuq rashom; huwa tal-fehma li żieda fis-sentiment u l-organizzazzjonijiet razzisti u ksenofobiċi hija marbuta maż-żieda fit-tendenzi faxxisti u tal-lemin estrem fl-Ewropa, li ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat bil-politiki neoliberali u ta' awsterità li ġew infurzati fl-UE u fl-Istati Membri f’dawn l-aħħar għexieren ta' snin, jew bid-defiċit demokratiku dejjem ikbar u l-injorar u n-nuqqas ta' rispett lejn ir-rieda tal-popli;

Il-paċi u s-solidarjetà internazzjonali

64.  Jirrifjuta l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tagħha; jitlob li tintemm il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u l-prijoritajiet strateġiċi u jiċħad il-politika ta' espansjoni attwali tan-NATO; jesiġi wkoll li jitneħħew il-bażijiet militari barranin kollha fl-Ewropa u li n-NATO tiġi xolta; jirrifjuta Unjoni Ewropea tad-Difiża, li hija sħubija perikoluża li twassal direttament għal gwerra; jopponi, għaldaqstant, iż-żieda tal-baġits tal-Istati Membri għas-sigurtà u d-difiża; jopponi bil-qawwa l-użu ta' kwalunkwe fond tal-Orizzont 2020, jew tal-baġit tal-UE b'mod ġenerali, għall-finanzjament tar-riċerka militari, ċivili-militari jew ta' sigurtà b'mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-iżvilupp ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS); jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu għall-paċi, għar-riżoluzzjoni diplomatika u paċifika tal-kunflitti, inkluż permezz ta' inizjattivi ta' medjazzjoni, u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġja r-reġim tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) u d-diżarm nukleari;

65.  Jirrifjuta bil-qawwa d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar fond Ewropew tad-difiża u suq uniku għad-difiża, li jitlob żieda fil-finanzjament għad-difiża u s-sigurtà permezz tal-fondi baġitarji tal-UE;

66.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-ħeffa bħal qatt qabel li biha l-UE qed tiġi militarizzata;

67.  Iħeġġeġ id-diżarm, inkluż id-diżarm nukleari, id-demobilizzazzjoni ta' truppi, u tmiem għall-interventi militari esterni, ir-riċerka ċivili u l-investigazzjoni għall-benefiċċju tal-poplu u l-iżvilupp tagħhom; Jitlob għax-xoljiment tan-NATO; ifakkar li l-aħjar mod biex tiġi promossa l-paċi huwa billi jiġu appoġġjati miżuri dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, l-għajnuna umanitarja, u żvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u ġust;

68.  Jiddikjara li l-kooperazzjoni esterna għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà internazzjonalista u r-rispett sħiħ għax-xewqa ta' kull pajjiż għall-iżvilupp u l-pass ta' dan l-iżvilupp;

69.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-UE qed tippromwovi l-istess politiki falluti fil-pajjiżi ta' adeżjoni; huwa mħasseb dwar l-iżviluppi riċenti fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent dwar id-defiċit demokratiku li qed jiżdied u l-awtoritarjaniżmu li qed jikber, iż-żieda fir-retorika nazzjonalista u irridenti, u l-istaġnar ekonomiku marid b'livell għoli ħafna ta' qgħad, li kollha kemm huma jistgħu jwasslu għal instabilità reġjonali, b’uħud minn dawn il-problemi li rriżultaw minn gwerra ta' aggressjoni imposta fuq ħafna minn dawn il-pajjiżi; jinsisti li l-UE għandha tassumi r-responsabilità li taqa' fuqha għall-fallimenti tal-politiki tagħha fil-Balkani tal-Punent u jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' teżamina u tifformula mill-ġdid b’mod radikali l-politika ta' tkabbir tagħha u l-assistenza lill-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali pprovduti permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, billi tiffoka fuq il-promozzjoni tad-demokrazija u s-soċjetà ċivili, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, dawk ċivili u dawk tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli; jemmen li d-deċiżjoni biex jissieħbu fl-UE għandha tkun ibbażata fuq deċiżjoni sovrana meħuda mill-poplu;

70.  Jitlob, fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew minn Lulju 2016 ’l hawn u tar-referendum tas-16 ta' April 2017, biex, jekk il-pakkett kostituzzjonali jiġi implimentat mingħajr tibdil u jekk l-istat tad-dritt ma jerġax jiġi ristawrat immedjatament, in-negozjati dwar l-adeżjoni mat-Turkija jiġu temporanjament sospiżi; jinsisti li l-proċess tal-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali mat-Turkija għandu jiġi marbut ma' kundizzjonalità b’saħħitha dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat; jinsisti fuq il-pożizzjoni li l-Unjoni Doganali ma tistax tiġi aġġornata jekk it-Turkija ma timplimentax bis-sħiħ l-Unjoni Doganali attwali u l-protokoll addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha;

71.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali soċjoekonomiċi tal-isfidi attwali għas-sigurtà u l-migrazzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità u jiċħad kwalunkwe kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà militari; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenn tagħha li tinvolvi ruħha mas-sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp tan-NU; jenfasizza li l-ħolqien tal-impjiegi huwa kwistjoni deċiżiva għall-futur ta' ħafna pajjiżi tal-viċinat; jappoġġja l-enfasi speċifika fuq l-impjegabilità taż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jenfasizza li dan jirrikjedi approċċ f'diversi livelli, inklużi l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll livelli reġjonali u sottoreġjonali u kooperazzjoni transfruntiera li sservi biex timmobilizza l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi sħab u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom; jitlob għal approċċi u programmi realistiċi li jkollhom benefiċċji konkreti għall-poplu, jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija għall-kooperazzjoni mal-ġirien tal-UE li ġiet imħabbra bħala parti mir-Reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

72.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri stabbiliti fl-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u l-Istat Palestinjan li jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tal-jedd għall-awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika attenzjoni speċjali għall-programmi tagħha ta' kooperazzjoni u assistenza lil dawk in-nies li jgħixu taħt okkupazzjoni u f'imblokk; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael bħala reazzjoni għall-ksur serju li ilu għaddej tad-drittijiet tal-bniedem mill-Iżrael fit-Territorji Palestinjani Okkupati, it-trattament diskriminatorju min-naħa tal-Iżrael taċ-ċittadini tiegħu stess ta' oriġini Għarbija, u l-injorar tiegħu tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar din il-kwistjoni; jinsisti dwar l-applikazzjoni komprensiva tal-linji gwida dwar l-eliġibilità ta' entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-iffinanzjar tal-programmi ta' kooperazzjoni xjentifika bil-għan li jiġi evitat kull tip ta' finanzjament tal-industrija militari Iżraeljana; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-ispejjeż għat-twaqqigħ ta' djar u infrastruttura ffinanzjat mill-UE u jinsisti fuq il-kumpens;

73.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, li għandha tinkiseb permezz ta' referendum, f’konformità mal-liġi internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta bis-sħiħ l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk bħala reazzjoni għall-ksur serju li ilu għaddej tad-drittijiet tal-bniedem mill-Marokk fit-Territorji Okkupati tas-Saħara tal-Punent, inkluża r-ripressjoni ekonomika u l-priġunerija politika tal-attivisti paċifiċi Sahrawi talli tkellmu favur l-awtodeterminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, li tistipula li l-ftehimiet bejn l-UE u l-Marokk li japplikaw għas-Saħara tal-Punent huma illegali skont il-liġi internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe ftehim futur tal-UE dwar is-Saħara tal-Punent għandu jiġi nnegozjat ma' Frente Polisario, bħala r-rappreżentant internazzjonali tal-poplu Sahrawi; jiġbed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Tindouf minħabba t-tnaqqis fl-għajnuna internazzjonali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tgħolli l-livelli attwali ta' għajnuna għal mill-inqas il-livelli storiċi tagħha;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-impenji u l-passi importanti li ttieħdu waqt in-negozjati tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika ta' Kuba; jissottolinja l-importanza li jinżamm approċċ kostruttiv fin-negozjati li jirrispetta r-rieda tal-poplu Kuban u jevita kwalunkwe interferenza esterna jew restrizzjonijiet fl-affarijiet interni ta' Kuba; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għat-tmiem tal-imblokk;

75.  ifakkar fil-prinċipju tal-kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp. is-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; jopponi kull tentattiv biex l-għajnuna għall-iżvilupp tintrabat mal-kontrolli fil-fruntieri, il-ġestjoni tal-flussi migratorji jew il-ftehimiet ta' riammissjoni; jirrifjuta kull tentattiv li jimponi kundizzjonalità bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni minn pajjiżi benefiċjarji dwar, fost l-oħrajn, riformi strutturali u kwistjonijiet tal-migrazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-pagamenti mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) ma jistgħux jintużaw għal programmi militari, kooperazzjoni politika u riformi tal-armata; jinsisti dwar il-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' responsabilità għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-mira tal-ODA/GNI ta' 0.7 %, li l-Istati Membri kienu diġà qablu li jilħqu sal-2015;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tinkludi u tħeġġeġ l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fl-oqsma ta' politika relatati kollha fl-UE u lil hinn minnha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jiġġieldu l-impatt tal-gag rule billi jżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, b'mod partikolari fondi espliċitament imfassla biex jiġi żgurat aċċess għall-kontroll tat-twelid u l-abort sikur u legali, bl-użu ta' finanzjament għall-iżvilupp kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE;

77.  Jitlob għal approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-bniedem għas-sostenibilità tad-dejn permezz ta' sett ta' standards vinkolanti li jiddefinixxu l-għoti u t-teħid ta' self responsabbli u jitlob li d-dejn barrani tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġi kkanċellat;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, permezz ta' komunikazzjoni, l-elaborazzjoni ta' strument legalment vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali taħt il-patroċinju tan-NU u biex tipprevedi t-twaqqif ta' rimedji effikaċi għall-vittmi f’każijiet fejn il-ġurisdizzjoni domestika turi b’mod ċar li ma jkunux jistgħu jħarrku lil kumpaniji multinazzjonali b’mod effettiv;

Finanzjament tal-UE

79.  Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa strument biex jintlaħqu l-miri deskritti hawn fuq; jemmen li dan għandu jsir permezz ta' politiki u programmi li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri sabiex il-baġit tal-UE jikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri aktar milli jimponi l-prijoritajiet jew il-mudell "wieħed tajjeb għal kulħadd"; barra minn hekk jemmen li l-baġit għandu jiffaċilita l-esperimenti mal-prattiki tajbin ta' pajjiżi oħra;

80.  Itenni l-importanza tal-politiki ta' koeżjoni u l-bżonn li jiżdied il-finanzjament f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew; jenfasizza l-fatt li dawn il-politiki m’għandhom jiddgħajfu taħt l-ebda ċirkostanza, inkluż il-Brexit, u li l-allokazzjonijiet baġitarji għandhom jinżammu għall-inqas fl-istess livell bħal fil-perjodu attwali għal kull kategorija ta' reġjuni; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti għall-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 u l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (MFF) sal-bidu tal-2018 sabiex ikun jista' jkun hemm proċess bla xkiel għat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll biżżejjed żmien għall-Istati Membri u r-reġjuni biex jistabbilixxu l-prijoritajiet u jadattaw u jimplimentaw bidliet fil-politika;

81.  Jinsisti, fil-kuntest tal-proposta tal-Kummissjoni għal QFP wara l-2020, li l-baġit isir aktar sempliċi u aktar trasparenti, ġust u demokratikament responsabbli, u li jkun ibbażat fuq is-solidarjetà; barra minn hekk jinsisti wkoll dwar l-unità tal-baġit tal-UE u għalhekk, dwar l-integrazzjoni ta' diversi strumenti finanzjarji, fondi u fondi fiduċjarji attwalment barra l-baġit;

82.  Jitlob li l-Baġit 2018 jinkludi miżuri ta' appoġġ speċifiċi għar-reġjuni li se jintlaqtu l-aktar mill-Brexit, inkluż finanzjament li se jikkonsolida u jmexxi ’l quddiem il-proċess ta' paċi tal-Irlanda ta' Fuq;

 

Il-Brexit

83.  Jirrikonoxxi d-dritt ta' kull Stat Membru li jirtira l-isħubija tiegħu fl-UE; jenfasizza l-fatt li fit-Trattati xejn ma għandu jintuża biex joħloq ostakli mhux ġustifikati għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' Stat Membru li jitlaq;

84.  Jirrifjuta kwalunkwe tip ta' pressjoni jew rikatt matul il-proċess tan-negozjati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tilħaq ftehim ġust dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fl-interess ta' dawk kollha li jgħixu f'ġurisdizzjonijiet differenti; jemmen, barra minn hekk, li r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tkun mibnija fuq il-prinċipji tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi;

85.  Jemmen li huwa ta' importanza assoluta li tingħata ċertezza legali b'mod rapidu u mingħajr kundizzjonijiet liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u lill-persuni Brittaniċi li jgħixu fi Stati Membri oħra; jitlob li, f'dan ir-rigward, tingħata attenzjoni partikolari lill-mobilità tal-ħaddiema (ħaddiema mobbli, ħaddiema transfruntieri, ħaddiema tal-fruntiera u studenti), b'enfasi partikolari fuq il-fehim tas-sitwazzjonijiet uniċi li jeżistu fl-Irlanda u f'Ġibiltà;

86.  Jinsisti li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u ftehimiet sussegwenti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fil-ftehim dwar l-irtirar; jitlob li l-Irlanda ta' Fuq tingħata status speċjali fl-UE li jiżgura li żżomm l-aċċess għas-sħubija fl-UE, l-Unjoni Doganali, is-Suq Uniku u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE; jitlob, barra minn hekk, għal-libertà tal-moviment ta' merkanzija, nies u servizzi fuq il-gżira tal-Irlanda;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-Programm ta' Ħidma tagħha f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament;

o

o  o

88.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

 

(1)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

Avviż legali - Politika tal-privatezza