Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0456/2017

Testi mressqa :

B8-0456/2017

Dibattiti :

PV 04/07/2017 - 11
CRE 04/07/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2017 - 8.9
CRE 05/07/2017 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 475kWORD 60k
30.6.2017
PE605.580v01-00
 
B8-0456/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))


Rosa D’Amato, Laura Agea, Marco Valli, Isabella Adinolfi, Dario Tamburrano, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 (2017/2699(RSP))  
B8-0456/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(1), b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi kontribut kumplimentari għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu ġiet imwaqqfa;

B.  billi l-Istati Membri qed jissieltu ma' riċessjoni, deflazzjoni u qgħad;

C.  billi s-soluzzjonijiet proposti mill-istituzzjonijiet tal-UE qed ikomplu jgħarrqu l-kriżi ekonomika, demokratika u soċjali fl-UE;

D.  billi t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi soċjalment sostenibbli, imħallsin tajjeb u ta' kwalità, jistgħu jkunu fil-qalba tal-prijoritajiet tal-baġit tal-UE, filwaqt li jkun rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

E.  billi, fi żmien ta' awsterità għaċ-ċittadini kollha, mhux biss it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi tal-UE huwa importanti ħafna, iżda huwa wkoll meħtieġ, fid-dawl tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (QFP), sabiex jitnaqqsu l-programmi li ma wrewx li kellhom xi valur miżjud;

F.  billi r-rati ta' żball u ta' frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE għadhom f'livell għoli bla ebda tnaqqis sinifikanti, u billi, għal 22 sena konsekuttiva, il-pagamenti ntlaqtu materjalment minn żbalji minħabba l-effikaċja parzjali tas-sistemi superviżorji u ta' kontroll;

G.  billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) hija strument assolutament mhux effiċjenti, ma ġietx implimentata għalkollox, u r-regoli operattivi tagħha ma huma la ċari u lanqas trasparenti, kif turi s-sentenza reċenti tal-Qorti Ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) "Stop TTIP";

H.  billi l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill Nru 5151/17 tal-11 ta' Jannar 2017 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal ftehim interistituzzjonali dwar reġistru ta' trasparenza mandatorju tippreċiża li l-istituzzjonijiet ma jistgħux jirrikorru għal ftehim interistituzzjonali (FII) sabiex jirregolaw il-materjal tematiku li għalih it-Trattati kkonferew setgħat leġiżlattivi fuq l-istituzzjonijiet billi pprovdew bażi materjali legali espliċita, u billi l-IIAs jorbtu biss l-istituzzjonijiet parteċipanti u ma jistgħux joħolqu obbligi għal partijiet terzi;

I.  billi l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw jew jiżvelaw pubblikament l-attivitajiet kriminali u frawdolenti fl-istituzzjonijiet jew kumpaniji pubbliċi hija ta' importanza kbira fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u reati kriminali ta' ħaddiema professjonisti ("white collar" crimes);

J.  billi studji reċenti mill-Kummissjoni juru li d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(3) (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali) ġiet implimentata b'mod differenti ħafna fost l-Istati Membri u li għad hemm problemi rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva għal inċidenti fuq skala kbira u l-insolvenza fost l-operaturi ekonomiċi responsabbli;

K.  billi l-valuri ta' limitu tal-UE għal ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja huma inqas stretti minn dawk issuġġeriti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

L.  billi ċ-ċittadini li jgħixu fil-viċinat tal-ikbar żoni Ewropej ta' rimi ta' skart legali u illegali, l-Art tan-Nirien (f'Napli), u s-sit industrijali ILVA f'Taranto huma esposti għal livelli għoljin ħafna ta' periklu karċinoġeniku;

M.  billi l-Kummissjoni nnifisha stqarret li d-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi ta' assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali(4) m'għadhiex aktar tirrifletti l-kumplessità akbar tal-proċeduri tal-ipprezzar u tar-rimborż għal prodotti mediċinali fl-Istati Membri;

N.  billi l-Kummissjoni tkompli tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament minkejja n-nuqqas ta' kunsens fost l-Istati Membri;

O.  billi mhux is-sorsi kollha tal-enerġija meqjusa bħala sorsi rinnovabbli fil-qafas leġislattiv attwali għandhom impatt ambjentali, tas-saħħa u soċjali aħjar minn sorsi fossili ekwivalenti;

P.  billi huma meħtieġa iżjed sforzi sabiex tinkiseb soċjetà diġitali inklużiva li tkun kapaċi taħtaf l-opportunitajiet u tindirizza l-isfidi tad-diġitizzazzjoni kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji;

Q.  billi d-diġitizzazzjoni tal-industriji tista' tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza, l-effiċjenza fl-enerġija u fl-użu tar-riżorsi, u s-sostenibbiltà tal-innovazzjoni tal-ekonomiji tagħna; billi l-UE qed tiffaċċja diversi sfidi li ġejjin mill-kummerċ, il-globalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika;

R.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet fi proċedura ta' Opinjoni 2/15(5) tal-21 ta' Diċembru 2016 li tiċċara l-kompetenzi tal-UE fin-negozjati kummerċjali;

S.  billi għandha tingħata aktar importanza lid-dritt għal petizzjoni, billi dan jirrappreżenta pedament tad-demokrazija parteċipattiva, b'mod li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jieħu sehem b'mod dirett fil-ħajja demokratika tal-Unjoni; billi governanza demokratika u parteċipattiva ġenwina għandha tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali, trasparenza sħiħa u l-involviment dirett taċ-ċittadini kollha fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

T.  billi l-petizzjonanti huma ċittadini impenjati favur is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u t-titjib u l-benesseri attwali u tal-ġejjieni tas-soċjetajiet tagħna; billi l-ipproċessar ta' petizzjonijiet huwa importanti ħafna f'termini tal-perċezzjoni taċ-ċittadini lejn l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rispett tad-dritt għal petizzjoni stabbilit fid-dritt tal-UE;

U.  billi, sabiex tiġi promossa l-governanza tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, l-entitajiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod li jimplimenta l-ogħla livelli ta' trasparenza u demokrazija;

V.  billi jeħtieġ li jiġu salvagwardjati l-pussess u l-kontroll effettiv mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri fuq l-impriżi Ewropej;

W.  billi l-ajruporti lokali jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet ekonomiċi, u jeħtieġ li jiġu garantiti l-konnessjonijiet xierqa għaċ-ċittadini Ewropej kollha, b'mod partikolari lejn u minn postijiet remoti u iżolati tar-reġjuni ultraperiferiċi;

X.  billi kien hemm diversi diffikultajiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kabotaġġ, li għarraq il-fenomenu tad-dumping soċjali fl-Istati Membri; billi huwa meħtieġ li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, biex b'hekk jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema;

Y  billi wħud mill-akbar pjattaformi jħallsu ammonti insinifikanti ta' taxxi fl-Ewropa meta mqabbla mal-profitti tagħhom;

Z.  billi l-frammentazzjoni attwali fi proċeduri ta' kontroll doganali, li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, kif ukoll sanzjonijiet differenti joħolqu disparitajiet importanti tas-suq għall-operaturi ekonomiċi u jindirizzaw il-flussi tan-negozju lejn l-iktar punt ta' dħul faċli;

AA.  billi fil-25 ta' Ottubru 2016 il-Parlament adotta, b'maġġoranza kbira, riżoluzzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(6) fejn appella lill-Kummissjoni biex twettaq diversi azzjonijiet, u għadu qed jistenna segwitu mill-istess Kummissjoni; billi fil-11 ta' April 2017, ir-Rapporteur tar-rapport oriġinali indirizza Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni, fil-qafas ta' laqgħa tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), sabiex jiġi ddeterminat jekk tali segwitu setax ġie ppreżentat lill-Parlament u hu ma kienx irċeva tweġiba sodisfaċenti; billi, fl-istess jum, huwa indirizza domanda identika lill-Kummissarju Mimica, fil-qafas tad-djalogu strutturat mal-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE), u f'dan il-każ ukoll ma rċeviewx tweġiba sodisfaċenti;

Il-Prijoritajiet Ewlenin

1.  Jenfasizza li l-munita unika għandha impatt asimettriku u distruttiv fuq ekonomiji aktar dgħajfa, li jiġu sfurzati jagħmlu aġġustament diffiċli ta' żvalutazzjoni interna minħabba munita li hija sopravalutata fil-konfront tal-ekonomiji tagħhom, filwaqt li tħalli kumpaniji multinazzjonali fi Stati Membri aktar b'saħħithom taż-żona tal-euro jisfruttaw vantaġġ kompetittiv inġust minħabba munita sottovalutata relattiva għall-kompetituri tagħhom fi Stati Membri oħra, b'hekk jiġu ġġenerati disparitajiet u żbilanċi makroekonomiċi fl-UE;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jiddeċiedu demokratikament dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Patt Fiskali sabiex jiġu evitati l-effetti ta' tfixkil tal-miżuri ta' awsterità fuq l-ekonomiji reali;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri jerġgħu jingħataw lura r-responsabbiltà finanzjarja għall-azzjonijiet tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-għodod ta' politika monetarja u fiskali tagħhom bl-għan li jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku b'mod effikaċi u jiżguraw il-leġittimità demokratika u politika ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fundamentali;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi ppjanata likwidazzjoni ordnata tal-unjoni monetarja u li jiġu pprovduti minnufih mekkaniżmi demokratiċi għall-ħruġ volontarju ta' pajjiż miż-żona tal-euro;

5.  Jitlob li jingħata impetu lin-negozjati dwar ir-riforma strutturali tas-settur bankarju, mibnija fuq is-separazzjoni ċara u obbligatorja tal-attivitajiet kummerċjali u tal-investiment, li huwa essenzjali biex jiġu protetti d-depożituri u dawk li jfaddlu, b'hekk tiġi evitata l-evoluzzjoni tar-riskju sistemiku u tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja;

6.  Jemmen li l-miżuri ta' awsterità jridu jintemmu u tiġi restitwita r-responsabbiltà tal-Istati Membri fi kwistjonijiet finanzjarji, sabiex jistgħu jirrispondu b'mod xieraq u b'mod effiċjenti għal kriżijiet multipli b'mod simultanju; jitlob reviżjoni eżawrjenti ta' programmi attwali sabiex jitneħħew dawk li ma jkunux qed joffru valur miżjud reali; jirrimarka li, f'xi każijiet, il-programmi jistgħu jiġu ffinanzjati u implimentati aħjar fil-livell nazzjonali bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

7.  Jenfasizza li l-finanzjament tal-UE m'għandux jintuża biex jiffinanzja proġetti kontroversjali jew li jagħtu lok għal ħafna ħela;

8.  Itenni l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-flus tal-kontribwenti; jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-UE, speċjalment f'perjodu ta' kriżi persistenti; jitlob li jsir tnaqqis ponderat sostanzjali għall-eliminazzjoni tal-ħala tal-flus u sabiex isir iffrankar mingħajr ma tiġi affettwata l-ħidma leġiżlattiva;

9.  Jitlob li l-baġit tal-UE jsirulu kontrolli u awditjar aħjar; itenni t-talba tiegħu li tinkiseb dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva (DAS) mill-Qorti tal-Awdituri; jiddispjaċih dwar ir-rati ta' żball u ta' frodi li jaffettwaw il-baġit tal-UE, b'referenza partikolari għall-akkwist pubbliku, u jinsisti fuq il-ħtieġa qawwija li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fil-livell transnazzjonali jiġu miġġielda; jenfasizza l-importanza ta' aktar trasparenza fl-infiq tal-UE u jitlob li tiġi ppubblikata u tkun disponibbli l-informazzjoni kollha dwar l-infiq mill-fondi Ewropej;

10.  Iħeġġeġ li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-faqar u l-inugwaljanzi; itenni s-sejħa tiegħu għal valutazzjoni ulterjuri tal-inugwaljanzi u dwar kif dawn qed ixekklu l-irkupru ekonomiku;

11.  Jikkundanna kull leġiżlazzjoni tal-UE li timponi piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq l-SMEs – li huma sors ewlieni ta' impjiegi u ta' tkabbir – u li timponilhom aktar ostakoli burokratiċi; jenfasizza li għandu jingħata aktar appoġġ lill-SMEs, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata;

12.  Jitlob li jkun hemm titjib fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema, u biex jiġu kkunsidrati modi xierqa li jindirizzaw kwalunkwe nuqqas, kif ukoll li jiġi ppreżentat mingħajr dewmien it-tielet lott ta' sustanzi taħt ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni u jkunu inklużi valuri limitu għal sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, abbażi ta' data xjentifika u teknika, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt li tiżgura skrutinju parlamentari xieraq;

13.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, il-leġiżlazzjoni għandha tkun imfassla biex b'mod konsistenti u b'mod effettiv tiġġieled il-qgħad, il-prekarjetà, l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, id-diskriminazzjoni u l-faqar, b'hekk tiżgura l-ogħla livelli ta' ġustizzja soċjali; jitlob sabiex il-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jkunu kompletament trasparenti, imparzjali u indipendenti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza fil-ħin l-implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 1999/70/KE dwar xogħol għal żmien fiss, b'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, bl-għan li tipprovdi protezzjoni legali sħiħa u effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema, u tindirizza b'mod adegwat kull abbuż, diskriminazzjoni, nuqqasijiet u lakuni;

15.  Jopponi kundizzjonalitajiet makroekonomiċi, u jenfasizza li s-sospensjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) li tirriżulta minn nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-governanza ekonomika hija piena doppja għal reġjuni tal-UE, tmur kontra l-isforzi ta' rkupru ekonomiku u soċjali, u għalhekk għandha tiġi abolita, anke fid-dawl tal-fatt li s-sanzjonijiet previsti fir-regolament attwali mhux biss iħarbtu l-ippjanar finanzjarju fil-livell tal-programm, iżda jistgħu jwasslu wkoll biex proġetti ewlenin jintemmu fuq il-post;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrieżamina l-klawsola dwar l-investiment sabiex l-investimenti reġjonali u nazzjonali kkofinanzjati permezz tal-Fondi SIE jkunu jistgħu jiġu esklużi mill-kalkoli tad-defiċits nazzjonali fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

17.  Jopponi l-programmi kollha tal-UE mmirati lejn l-appoġġ għar-riformi strutturali, speċjalment jekk ikunu ffinanzjati permezz tal-Fondi SIE;

18.  Jitlob li kwalunkwe proposta ulterjuri għall-Fondi SIE tiġi ppreżentata malajr kemm jista' jkun biex jiġi żgurat żmien xieraq għall-iskrutinju parlamentari;

19.  Iqis li mhuwiex possibbli li jkun hemm aktar dewmien għal proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) peress li din l-għodda għandha bżonn urġenti ta' riforma;

20.  Jikkunsidra li jenħtieġ issir reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej f'waqtha, bl-għan li jiġu solvuti n-nuqqasijiet kollha tagħha billi jiġu proposti soluzzjonijiet effettivi li jiżguraw li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) ikunu tassew ċari, sempliċi, faċilment applikabbli u proporzjonati;

21.  Jitlob li jkun hemm reġistru ta' trasparenza obbligatorju, peress li l-ftehim interistituzzjonali propost dwar din il-kwistjoni, skont it-Trattati u l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill, għandu biss effett limitat, u mhux se jkun kapaċi joħloq obbligi għal partijiet terzi, irrispettivament minn jekk humiex istituzzjonijiet oħrajn, Stati Membri jew individwi;

22.  Jenfasizza li għandhom jiġu adottati miżuri li jtejbu l-funzjonament demokratiku tal-UE, li jagħtu lil kull ċittadin id-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika, kif affermat mill-ġdid dan l-aħħar mill-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Mejju 2017, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Stop TTIP"(7);

23.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' miżuri aktar b'saħħithom għall-protezzjoni tal-informaturi sabiex dawn il-persuni, u partikolarment il-familji tagħhom, jingħataw protezzjoni xierqa kontra r-ritaljazzjoni;

24.  Juri tħassib dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (2004/35/KE), li ma tkoprix kull tip ta' ħsara dannuża għall-bniedem u għall-ambjent naturali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara x'azzjonijiet beħsiebha tieħu fir-rigward tas-suq uniku diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li titrawwem il-kompetizzjoni ġusta f'dan is-suq sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm abbuż ta' poter min-naħa tal-kumpaniji multinazzjonali;

26.  Jenfasizza li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(8) jibni fuq il-prinċipju ta' "l-akbar aċċess possibbli"; jemmen li trasparenza sħiħa u aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu r-regola sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom; jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tinsab wieqfa; jemmen li jeħtieġ isir progress mingħajr aktar dewmien, peress li dan ir-regolament m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni ġuridika jew il-prattiki istituzzjonali tal-lum;

27.  Juri tħassib serju dwar in-nuqqas ta' responsabbiltà korporattiva tal-kumpaniji transnazzjonali Ewropej għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-operazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li dan jista' jwassal għal nuqqas ta' protezzjoni, aċċess għall-ġustizzja u rimedju għall-vittmi ta' abbużi bħal dawn;

28.  Juri tħassib kbir dwar il-fatt li d-diversi talbiet lill-Kummissjoni magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(9) ma ġietx segwita mill-Kummissjoni u jiddeplora l-inattività tagħha f'dan il-qasam matul l-aħħar tmien xhur; iħeġġeġ li jingħata segwitu komprensiv;

29.  Jinnota bi tħassib li l-inizjattivi volontarji eżistenti għall-promozzjoni tas-sostenibbilità tal-katina tal-provvista globali tas-settur tal-ħwejjeġ ma rnexxilhomx jindirizzaw b'mod effikaċi l-kwistjonijiet li jeżistu fis-settur b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

30.  Iqis li l-Iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) attwali mhijiex adegwata u teħtieġ reviżjoni urġenti;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapport tad-WHO dwar il-ħtieġa li l-valuri ta' limitu għas-sustanzi li jniġġsu l-arja jiġu allinjati ma' konċentrazzjonijiet aktar stretti;

32.  Jikkritika l-politiki tal-UE, li huma l-kawża ewlenija tad-deforestazzjoni minħabba d-domanda għall-bijofjuwils fl-Ewropa, u jitlob reviżjoni tagħhom;

33.  Jitlob inventarju pubbliku dwar it-tipi differenti, l-użi u l-livell ta' penetrazzjoni tan-nanomaterjali fis-suq Ewropew f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009(10), u li n-nanomaterjali jiġu indirizzati fi ħdan ir-Regolament REACH (Regolament (KE) Nru 1907/2006)(11);

34.  Jitlob investigazzjoni min-naħa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex jiġi evalwat jekk il-fondi Ewropej immirati għat-tindif tat-"Terra dei Fuochi" u tas-sit industrijali tal-ILVA f'Taranto ntefqux skont il-liġi; jitlob, barra minn hekk, awditu intern biex jiġi vverifikat jekk il-proġetti ffinanzjati tawx ir-riżultati mistennija;

35.  Jitlob aktar trasparenza fil-miżuri li jirregolaw il-prezzijiet tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa, sabiex id-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE(12) tiġi sostitwita bil-għan li jiġu żgurati kontrolli effettivi u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-proċeduri użati biex jiġu ddeterminati l-prezzijiet u r-rimborż tal-prodotti mediċinali fl-Istati Membri kollha;

36.  Jitlob qafas ta' politika komprensiv li jindirizza l-marda ta' Lyme filwaqt li jqis l-isfidi u l-politiki speċifiċi differenti ta' kull Stat Membru;

37.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tad-databases għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità b'mod aktar ġenerali; jitlob massimizzazzjoni tal-benefiċċji tas-sistemi ta' informazzjoni eżistenti sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja;

38.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jittrasponu u jimplimentaw l-istrumenti disponibbli fil-livell internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus;

39.  Jinnota l-kriżi migratorja kontinwa serja li taffettwa lill-Istati Membri kollha fl-Ewropa; iqis, b'mod partikolari, li l-Greċja u l-Italja qed jintlaqtu b'mod sproporzjonat minn din il-kriżi; jitlob aktar kooperazzjoni fil-livell internazzjonali biex tittaffa s-sitwazzjoni;

40.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' monitoraġġ u aktar trasparenza dwar il-ħruġ ta' riżorsi mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll il-bżonn ta' monitoraġġ strett u evalwazzjoni regolari tal-użu tal-fondi tal-UE mogħtija lit-Turkija fil-qafas tal-ftehim bejn l-UE u t-Turkija, u l-hekk imsejħa "Patti dwar il-Migrazzjoni" ma' pajjiżi terzi;

41.  Iqis bħala kruċjali, fir-rigward tal-Italja, li jiġu indirizzati każijiet speċifiċi ta' impjanti tat-tisħin u tal-enerġija ġeotermiċi, fejn l-emissjonijiet ekwivalenti għas-CO2 huma ogħla minn dawk li joħorġu minn impjant tal-enerġija tal-istess kapaċità u li jaħdem bil-gass, u fejn emissjonijiet oħra dannużi ħafna u li jniġġsu, bħas-sulfur tal-idroġenu, l-arseniku u l-merkurju, fost l-oħrajn, huma ogħla minn dawk li joħorġu minn impjant tal-enerġija tal-istess kapaċità u li jaħdem bil-faħam; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tfassal soluzzjonijiet konkreti biex jiġu definiti l-istandards tal-emissjonijiet għall-impjanti tal-enerġija ġeotermiċi, u l-kriterji ta' sostenibbiltà relattivi biex l-enerġija ġeotermika titqies bħala sors rinnovabbli, filwaqt li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem fl-Italja;

42.  Jafferma mill-ġdid li l-opportunitajiet għad-diġitalizzazzjoni għandhom, fuq kollox, jissarrfu f'benefiċċji għaċ-ċittadini, u li hemm bżonn aktar sforzi biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-konnettività diġitali bejn ir-reġjuni, jittejjeb l-aċċess għall-konnettività mingħajr fili, u jiġi promoss il-litteriżmu diġitali; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, intensifikazzjoni fl-isforzi ta' riċerka u implimentazzjoni tat-teknoloġiji 5G, filwaqt li titrawwem kompetizzjoni effettiva għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin u l-iżvilupp tan-negozji;

43.  Iqis bħala prijorità li jinħoloq ambjent li jgħin negozji ġodda u intrapriżi żgħar, ta' daqs medju u mikro biex jiżviluppaw u jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; jitlob, għal dan il-għan, appoġġ adegwat u faċilment aċċessibbli għal dawn l-atturi permezz ta' strumenti rilevanti tal-UE;

44.  Jemmen li hemm bżonn riforma bilanċjata, effikaċi, ġusta, trasparenti u proporzjonata tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ bil-għan li nipproteġu l-produtturi, l-importaturi u l-konsumaturi Ewropej;

45.  Iħeġġeġ azzjoni dwar ir-reċiproċità fil-prattiki kummerċjali, b'impenn biex isir progress fid-diskussjonijiet, u jitlob soluzzjonijiet effikaċi dwar kif għandhom jiġu rregolati s-swieq tal-akkwist u l-investimenti mas-sħab kummerċjali Ewropej; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiġi riveduta l-proposta għal regolament dwar l-istrumenti tal-akkwist internazzjonali (COM(2012)0124) u li jitnieda mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-investimenti barranin f'setturi strateġiċi bl-involviment dirett tas-soċjetà ċivili; itenni li jeħtieġ jinstab bilanċ sabiex jiġi evitat il-protezzjoniżmu u, fl-istess ħin, tissaħħaħ ir-reċiproċità;

46.  Jitlob monitoraġġ aħjar tal-evoluzzjoni tal-investimenti diretti barranin, speċjalment dawk immirati lejn assi u kumpaniji strateġiċi jew ta' teknoloġija avvanzata fl-Ewropa, sabiex tinstab bażi komuni għall-implimentazzjoni ta' prattiki nazzjonali differenti, l-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni aħjar, biex jiġu evitati kompetizzjoni inġusta jew approċċ pervers fl-akkwist ta' kumpaniji u negozji b'rilevanza ta' sigurtà nazzjonali jew internazzjonali strateġika;

47.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-possibbiltà li jerġgħu jinbdew xi taħditiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti mingħajr ma jinbidel il-mandat attwali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aktar deċiżjoni reċenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-proċedura ta' Opinjoni 2/15 u żżomm il-ftehimiet kollha f'għamla mħallta, sabiex jiġu evitati mandati speċifiċi rigward il-kapitoli dwar l-investiment u l-inklużjoni tal-qorti internazzjonali tal-investimenti fi kwalunkwe negozjati ta' kummerċ ħieles;

48.  Jitlob li l-lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) negozjata maċ-Ċina tiġi estiża sabiex jiġu protetti l-prodotti agrikoli u l-inbejjed lokali u reġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għad-definizzjoni u r-rikonoxximent ta' lista ta' IĠ mhux agrikoli biex dawn jiżdiedu fil-ftehimiet kummerċjali futuri;

49.  Itenni t-tħassib tiegħu rigward kapitolu dwar il-fluss tad-data fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles; jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita l-privatezza tal-konsumaturi u li jinħolqu pjattaformi diġitali ekwi bil-għan li tingħata spinta lill-iżvilupp u l-attivitajiet kummerċjali tal-SMEs Ewropej; jinnota li proposta bbilanċjata dwar strateġija għall-kummerċ diġitali tista' tkun għodda biex jitnaqqsu l-prattiki inġusti u t-terroriżmu ċibernetiku u jiġi miġġieled il-kummerċ fi prodotti illegali u ffalsifikati fuq l-internet;

50.  Itenni l-importanza u l-valur tal-prodotti tar-raba' li fihom il-proteina fin-newb tal-uċuħ tar-raba', l-effetti tagħhom fuq il-fertilità tal-ħamrija, fuq it-tnaqqis fl-użu ta' nutrijenti, fuq it-tnaqqis fil-ħaxix ħażin, u fuq il-mikronutrijenti; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-produttività u l-kontenut ta' proteina fl-UE permezz ta' strateġija ad hoc;

51.  Jitlob li jingħata aktar appoġġ lil dawk li jrabbu n-naħal biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tas-settur, kif ukoll lill-attivitajiet tal-bdiewa żgħażagħ f'dan is-settur; juri t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fis-suq ta' prodotti ffalsifikati li fihom biss perċentwal żgħir ta' għasel;

52.  Ifakkar fl-importanza li titmexxa 'l quddiem id-diskussjoni rigward ir-regolament dwar il-klonazzjoni approvat mill-Parlament b'maġġoranza kbira; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi u l-produtturi f'ekonomija globalizzata u li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta mas-sħab tal-UE;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni timbotta aġenda dwar il-kummerċ li tipprovdi opportunitajiet ta' esportazzjoni għall-produtturi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ xieraq għall-produtturi tal-aktar prodotti agrikoli sensittivi fil-qafas tan-negozjati ta' kummerċ ħieles li għaddejjin mal-Mercosur;

54.  Itenni li l-ġestjoni tar-riskji għandha tissaħħaħ aktar fi kwalunkwe politika agrikola komuni (PAK) futura sabiex jiġu indirizzati mhux biss ir-riskji relatati mal-klima, iżda anke dawk marbuta mas-suq u l-bijosigurtà;

55.  Jikkundanna l-politiki tal-UE li kellhom effett ħażin fuq il-benessri tal-annimali; jirreferi, pereżempju, għal programmi bħar-REACH, li ħoloq wieħed mill-akbar reġimi ta' ttestjar fuq l-annimali fid-dinja; jinnota, barra minn hekk, ir-regoli dannużi tal-UE li jippermettu l-esportazzjoni ta' annimali ħajjin, li jista' jwassal biex dawn jinġarru mal-Ewropa kollha għal perjodi ta' tmien sigħat jew aktar f'kundizzjonijiet ħżiena; jitlob reviżjoni drastika ta' dawn il-politiki u ta' din il-leġiżlazzjoni;

56.  Jemmen li l-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej espressi permezz ta' petizzjonijiet lill-Parlament huma ta' importanza fundamentali u għandhom jiġu indirizzati bi prijorità mil-leġiżlaturi Ewropej; ifakkar li l-prinċipju tad-demokrazija huwa wieħed mill-valuri fundamentali tal-Istati Membri u li kwalunkwe att legali li jipprova jbiddel l-ordinament ġuridiku tal-UE għandu jkun soġġett għal dibattitu inklużiv u parteċipattiv fil-kuntest ta' governanza aħjar li tkun kapaċi tiggarantixxi trasparenza sħiħa u l-involviment dirett taċ-ċittadini kollha;

57.  Jirrikonoxxi li l-petizzjonijiet huma sors ta' informazzjoni importanti ħafna mhux biss dwar ksur u nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri, iżda anke dwar il-possibbiltà ta' ksur tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jenfasizza li t-trattament xieraq tal-petizzjonijiet jeħtieġ ikun akkumpanjat minn titjib fil-kapaċità ta' reazzjoni u soluzzjoni tal-problemi relatati mas-salvagwardja xierqa tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

58.  Jitlob il-pubblikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet tal-uffiċjali kollha involuti f'każijiet ta' "revolving doors" u garanzija ta' trasparenza sħiħa dwar l-informazzjoni kollha relatata; jemmen fermament li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej kollha jeħtieġ jagħmlu l-istess ħaġa; jitlob il-pubblikazzjoni proattiva u trasparenza sħiħa f'dak li għandu x'jaqsam mal-pożizzjonijiet okkupati mill-ex Kummissarji wara tmiem il-mandat tagħhom u l-informazzjoni relatata kollha; jiddispjaċih ħafna li l-ex President tal-Kummissjoni, is-Sur Barroso, inħatar bħala konsulent u President mhux eżekuttiv ta' Goldman Sachs International; jenfasizza li l-każ Barroso żied in-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-Kummissjoni rigward il-kredibbiltà u l-indipendenza tagħha minn interessi finanzjarji privati;

59.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni attwali li tindirizza l-prattiki inġusti u l-għajnuna mill-Istat la hija adegwata u lanqas effikaċi; jitlob, għalhekk, reviżjoni ulterjuri tar-regoli eżistenti; jieħu nota tal-linji gwida interpretattivi dwar ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008(13), filwaqt li jinsisti fuq il-ħtieġa li jinżamm il-limitu massimu ta' 49 % għall-pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom fl-impriżi tal-UE, u b'hekk jiġu żgurati sjieda u kontroll effettiv min-naħa tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom;

60.  Jitlob appoġġ akbar għas-sostenibbiltà ekonomika, finanzjarja u operattiva tal-ajruporti reġjonali, permezz ta' proċeduri adegwati u trasparenti, b'rispett lejn il-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji tat-trasport bl-ajru kollha, b'opportunitajiet identiċi u miftuħa għat-trasportaturi kollha;

61.  Jieħu nota tal-Pakkett dwar il-Mobilità adottat mill-Kummissjoni; iqis li jeħtieġ jiġu esplorati aktar is-soluzzjonijiet kollha li huma l-aktar adegwati biex jiġi indirizzat il-kabotaġġ irregolari, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li jistgħu jitwettqu kontrolli effikaċi permezz ta' għodod moderni bħas-sistemi globali ta' navigazzjoni bis-satellita (GNSS) għat-traċċar ta' vetturi tqal għal skopijiet kummerċjali;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riveduti r-regoli soċjali applikabbli għas-settur tat-trasport bit-triq, bil-għan li jinstab bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq u l-libertà tal-operaturi tat-trasport li jipprovdu servizzi transfruntiera;

63.  Jitlob valutazzjoni u kjarifika tal-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-paga minima għax-xufiera fil-Ġermanja u fi Franza;

64.  Jemmen bis-sħiħ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat(14) għandha tiġi adottata mingħajr dewmien;

65.  Jitlob l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-istandards ta' aċċessibbiltà għall-web fir-rigward tas-siti web tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u biex, fl-interazzjonijiet uffiċjali, tingħata informazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, bil-Braille, permezz ta' komunikazzjoni awmentattiva u alternattiva, u b'modi, mezzi u formati oħra aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà, inklużi formati li jinqraw faċilment; jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tagħmel progress lejn l-adozzjoni tal-proposta għal direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-korpi tas-settur pubbliku(15);

66.  Jemmen li għandu jingħata appoġġ akbar għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-settur kulturali u kreattiv; jinnota li l-problemi li jiffaċċjaw dawn l-intrapriżi ġew aggravati mill-politiki ta' awsterità tal-UE; jiddispjaċih li l-miżuri kollha adottati s'issa mill-Unjoni Ewropea ma rnexxilhomx jilħqu l-objettiv li jtejbu b'mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għas-settur kulturali u kreattiv u huwa tal-fehma li l-mekkaniżmi finanzjarji attwali tal-UE għadhom mhumiex effikaċi biex jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur;

67.  Huwa konvint bis-sħiħ li l-politiki ta' awsterità tal-UE wasslu biex is-settur edukattiv u dak kulturali komplew jiddeterjoraw; jenfasizza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa ta' ħsara enormi għas-settur tal-edukazzjoni;

68.  Juri tħassib dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ifakkar li, skont l-Artikolu 46(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Partijiet Għolja Kontraenti assumew, mingħajr kwalifika, obbligu solenni u vinkolanti taħt l-istat tad-dritt li "jirrispettaw is-sentenza finali tal-Qorti fi kwalunkwe kawża li jkunu parti fiha". jiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni u n-nuqqas ta' rieda politika f'ċerti ċirkustanzi biex jiġu implimentati ċerti sentenzi tal-Qorti;

69.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jiżguraw li d-drittijiet ċivili u politiċi ma jkunux miksura; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ċivili, il-libertajiet politiċi u l-prinċipji tad-demokrazija fil-pajjiżi fejn dawn il-valuri jiġu injorati;

°

°  °

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

ĠU L 304, 20.11.2013, p. 47.

(2)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(3)

ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(4)

ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8.

(5)

ECLI:EU:C:2016:992.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0405.

(7)

Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta' Mejju 2017, Effler vs il-Kummissjoni, T-754/14, ECLI:EU:T:2017:323.

(8)

ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0405.

(10)

ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 82.

(11)

ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(12)

ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8.

(13)

ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(14)

ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1.

(15)

COM(2012)0721.

Avviż legali - Politika tal-privatezza