Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0538/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0538/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit

28.9.2017 - (2017/2847(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Guy Verhofstadt Koordinatur u President tal-Grupp ALDE
Manfred Weber President tal-Grupp PPE
Gianni Pittella President tal-Grupp S&D
Gabriele Zimmer President tal-Grupp GUE/NGL
Philippe Lamberts, Ska Keller Kopresidenti tal-Grupp Verts/ALE
Danuta Maria Hübner President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali


Proċedura : 2017/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0538/2017

B8‑0538/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit

(2017/2847(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea[1],

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 wara n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/…….. tat-22 ta' Mejju 2017 – Direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 dwar "Prinċipji Essenzjali dwar iċ-Ċittadini" u "Prinċipji Essenzjali dwar is-Saldu Finanzjarju" u tal-20 ta' Settembru 2017 dwar "Prinċipji ta' Gwida għad-Djalogu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq",

­–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-kwistjonijiet li jorbtu mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari dak tas-26 ta' Ġunju 2017 dwar "Salvagwardja tal-pożizzjoni taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-Ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE" u dak tas-16 ta' Awwissu 2017 dwar "L-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bħalissa hemm madwar 3,2 miljun ċittadin tas-27 Stat Membru li jifdal (UE-27) li huma residenti fir-Renju Unit u 1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit li huma residenti fl-UE-27;

B.  billi ċ-ċittadini tal-UE li ħadu residenza fi Stat Membru ieħor għamlu dan abbażi ta' drittijiet li jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u bil-fehma li kienu se jkomplu jgawdu dawk id-drittijiet tul ħajjithom kollha;

C.  billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE kollha, inklużi ċ-ċittadini tar-Renju Unit, u sejjer jaħdem biex jipproteġi l-interessi tagħhom matul il-proċess kollu li jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

D.  billi, fir-Renju Unit u anke f'xi Stati Membri oħra, inċidenti amministrattivi reċenti wrew li d-diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit u kontra ċittadini tar-Renju Unit fl-UE-27 diġà qed isseħħ u qed ikollha impatt fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini kkonċernati, b'mod li jillimita l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom;

E.  billi ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jirrikjedi li jiġu indirizzati l-pożizzjoni unika u ċ-ċirkostanzi speċjali li tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda, li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-10 ta' April 1998 jinżamm fil-partijiet kollha tiegħu u li "twebbis" tal-fruntiera jiġi evitat;

F.  billi n-nies mill-Irlanda ta' Fuq li eżerċitaw, jew li jistgħu jeżerċitaw, id-dritt tagħhom għaċ-ċittadinanza Irlandiża se jgawdu ċ-ċittadinanza tal-UE u billi m'għandu jiġi implimentat l-ebda ostakolu jew impediment li jista' jżommhom milli jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati;

G.  billi l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit it-tnejn għandhom jonoraw bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea;

H.  billi, fid-diskors tagħha f'Firenze fit-22 ta' Settembru 2017, il-Prim Ministru tar-Renju Unit tat xi kjarifiki dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, is-saldu finanzjarju, il-ħtieġa ta' perjodu tranżizzjonali u l-prospetti għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

1.  Itenni l-elementi kollha mfissra fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li l-Linji gwida approvati mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' April 2017 u d-direttivi ta' negozjar sussegwenti adottati mill-Kunsill fit-22 ta' Mejju 2017 isegwu l-istess linja tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li n-negozjatur tal-Unjoni Ewropea qed jaħdem f'konformità sħiħa ma' dak il-mandat;

3.  Jinnota, bi qbil mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017, li l-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 ipproponiet perjodu tranżizzjonali ta' żmien limitat; jirrimarka li tranżizzjoni ta' dan it-tip tista' sseħħ biss fuq il-bażi tal-istrumenti u l-istrutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u ta' infurzar eżistenti tal-Unjoni Ewropea; jissottolinja li tali perjodu tranżizzjonali, meta r-Renju Unit ma jkunx aktar Stat Membru, jista' biss ikun il-kontinwazzjoni tal-acquis communautaire kollu, li jimplika l-applikazzjoni sħiħa tal-erba' libertajiet (il-moviment liberu taċ-ċittadini, tal-kapital, tas-servizzi u tal-merkanzija), u li dan irid isir bla ebda limitazzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni permezz tal-impożizzjoni ta' kundizzjonijiet ġodda; jenfasizza li tali perjodu tranżizzjonali jista' jiġi kkuntemplat biss taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("QtĠ"); jinsisti li tali perjodu tranżizzjonali jista' jinqabel biss bil-kundizzjoni li jiġi konkluż ftehim ta' ħruġ komprensiv li jkopri l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-ħruġ tar-Renju Unit;

Id-drittijiet taċ-ċittadini

4.  Jenfasizza li l-ftehim ta' ħruġ irid jinkorpora l-ġabra sħiħa ta' drittijiet li ċ-ċittadini jgawdu bħalissa, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda bidla materjali fil-pożizzjoni tagħhom, u li jrid jiżgura r-reċiproċità, l-ekwità, is-simetrija u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u għaċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea; jissottolinja b'mod partikolari li ċ-ċittadini tal-UE eliġibbli u residenti u t-tfal li jitwieldu wara l-ħruġ tar-Renju Unit għandhom ikunu koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ bħala membri tal-familja u mhux bħala detenturi ta' drittijiet indipendenti, li membri futuri tal-familja għandhom jibqgħu jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza taħt l-istess dispożizzjonijiet bħall-membri tal-familja fil-preżent, li d-dokumenti għandhom ikunu dikjaratorji f'konformità mad-dritt tal-UE, li għandha tiġi evitata kwalunkwe proċedura amministrattiva tqila u li l-benefiċċji kollha definiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom ikunu esportabbli;

5.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ftehim ta' ħruġ għandu jmantni l-ġabra sħiħa ta' regoli tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet taċ-ċittadini kif definiti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, iżda huwa tal-fehma li l-proposti tar-Renju Unit imfissra fid-dokument ta' pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Ġunju 2017 mhumiex suffiċjenti f'dak ir-rigward, mhux l-anqas f'dak li jirrigwarda l-proposta li tinħoloq kategorija ġdida ta' "settled status" (status ta' persuna stabbilita) taħt il-liġi tal-immigrazzjoni tar-Renju Unit; jesprimi t-tħassib tiegħu li dawn il-proposti, il-pass kajman tal-proċess tan-negozjati u x-xenarji ta' politika żvelati dwar l-istatus futur taċ-ċittadini tal-UE qed jikkawżaw tbatija u ansjetà bla bżonn fost iċ-ċittadini tal-UE-27 li jgħixu fir-Renju Unit;

6.  Jesprimi tħassib dwar prattiki amministrattivi deplorevoli kontra ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit; ifakkar lir-Renju Unit, barra minn hekk, li sakemm jibqa' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u jinforzah, u joqgħod lura minn kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ta' tip ieħor li tagħti lok għal ostakli u diskriminazzjoni fil-konfront ta' ċittadini tal-UE-27 residenti fir-Renju Unit, inkluż fil-post tax-xogħol tagħhom; jistenna li l-Istati Membri l-oħra kollha, min-naħa tagħhom, jiżguraw li ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-Unjoni Ewropea jiġu ttrattati f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ladarba dawn jibqgħu ċittadini tal-UE sal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

7.  Jieħu nota li d-diskors tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-22 ta' Settembru 2017 ta l-impenn li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 residenti fir-Renju Unit jingħataw effett dirett permezz tal-inkorporazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ fid-dritt tar-Renju Unit; jissottolinja li dan għandu jsir b'mod li ma jħallix li jinbidel unilateralment, jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jinvokaw drittijiet skont il-ftehim ta' ħruġ direttament quddiem il-qrati u l-amministrazzjoni pubblika tar-Renju Unit, u li jagħtih supremazija fuq id-dritt tar-Renju Unit; jissottolinja li, biex ikunu ggarantiti l-koerenza u l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-UE, jeħtieġ li l-QtĠ tibqa' l-unika awtorità u l-awtorità kompetenti biex tinterpreta u tinforza d-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-ftehim ta' ħruġ; jistenna proposti konkreti mir-Renju Unit f'dan ir-rigward;

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

8.  Jenfasizza li l-pożizzjoni unika u ċ-ċirkostanzi speċjali li qed tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda jridu jiġu indirizzati fil-ftehim ta' ħruġ, u dan b'mod li jkun għalkollox konsistenti mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu, mal-oqsma ta' kooperazzjoni maqbula, u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq;

9.  Jemmen bis-sod li hija r-responsabbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit li jipprovdi soluzzjoni unika, effikaċi u fattibbli li tipprevjeni "twebbis" tal-fruntiera, tiżgura konformità sħiħa mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu, tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u tiggarantixxi bis-sħiħ l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali; jemmen ukoll li r-Renju Unit jeħtieġlu jkompli jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu fl-assistenza finanzjarja li ssostni l-Irlanda ta' fuq/l-Irlanda; jiddispjaċih li l-proposti mressqa mir-Renju Unit, esposti fid-dokument ta' pożizzjoni tiegħu dwar "L-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda", mhumiex suffiċjenti f'dan ir-rigward; jieħu nota, min-naħa l-oħra, li l-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 eskludiet kwalunkwe infrastruttura fiżika fil-fruntiera, fatt li jippreżumi li r-Renju Unit jibqa' fis-suq intern u fl-unjoni doganali, jew li l-Irlanda ta' Fuq tibqa', f'xi forma, fis-suq intern u fl-unjoni doganali;

10.  Itenni li kwalunkwe soluzzjoni li tinstab għall-gżira tal-Irlanda ma tistax isservi biex tiddetermina minn qabel soluzzjonijiet fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

Is-saldu finanzjarju

11.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017, dwar is-saldu finanzjarju, iżda jistenna proposti konkreti f'dan ir-rigward mill-Gvern tar-Renju Unit; jissottolinja li, sal-lum, l-assenza ta' kwalunkwe proposta ċara fixklet serjament in-negozjati u li jrid isir progress sostanzjali f'dan il-qasam qabel ma jinbdew diskussjonijiet dwar kwistjonijiet oħra, inkluż il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

12.  Jerġa' jafferma, bi qbil mad-dokument ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 dwar "Prinċipji Essenzjali dwar Saldu Finanzjarju", li r-Renju Unit jeħtieġlu jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji li assuma bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jinsisti li din il-kwistjoni trid tiġi solvuta kompletament fil-ftehim ta' ħruġ; jirrimarka b'mod partikolari dwar l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-qafas finanzjarju pluriennali u mid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tal-2014[2], li jinkludu, indipendentement minn kwalunkwe perjodu tranżizzjonali, l-impenji pendenti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll is-sehem tiegħu mill-obbligazzjonijiet, inklużi l-obbligazzjonijiet kontinġenti, u l-ispejjeż tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea, peress li huwa assolutament inaċċettabbli li l-impenji meħuda minn 28 Stat Membru jiġu onorati biss mis-27 li jifdal;

Il-progress fin-negozjati

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-approċċ ta' negozjati f'fażijiet differenti li huwa kruċjali għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li jsir progress sostanzjali rigward id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit biex jinbdew negozjati dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u dwar il-fażi tranżizzjonali;

14.  Jissottolinja li huwa vitali li l-impenji meħuda mill-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 jissarrfu f'bidliet tanġibbli fil-pożizzjoni tar-Renju Unit u fi proposti konkreti f'dan ir-rigward, biex jitħaffef il-pass tal-ħidma matul l-ewwel fażi tan-negozjati u jsir possibbli li, fit-tieni fażi, fuq bażi ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni leali, ikunu jistgħu jinbdew taħditiet dwar sħubija ġdida u mqarrba fil-qafas ta' assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;

15.  Huwa tal-fehma li, fir-raba' sessjoni ta' negozjati, għadu ma sarx biżżejjed progress fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit; jistieden lill-Kunsill Ewropew, sakemm matul il-ħames fażi ta' negozjati ma ssirx qabża deċiżiva 'l quddiem fit-tliet oqsma kollha bi qbil ma' din ir-riżoluzzjoni, biex fil-laqgħa tiegħu f'Ottubru jiddeċiedi li jipposponi l-valutazzjoni tiegħu dwar jekk sarx progress suffiċjenti;

*

*  *

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.