Proċedura : 2017/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0539/2017

Testi mressqa :

B8-0539/2017

Dibattiti :

PV 03/10/2017 - 3
CRE 03/10/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2017 - 4.1
CRE 03/10/2017 - 4.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 50k
28.9.2017
PE611.465v01-00
 
B8-0539/2017

imressqa wara d-dibattitu dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (2017/2847(RSP))


Jonathan Arnott f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (2017/2847(RSP))  
B8-0539/2017

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-22 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-kumitat magħżul tal-House of Lords dwar l-Unjoni Ewropea bit-titlu 'Brexit u l-baġit tal-UE', ippubblikat fl-4 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (minn hawn 'il quddiem ir-'Regolament QFP'),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tan-NU: Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali li Jikkonċernaw ir-Relazzjonijiet Amikevoli u l-Kooperazzjoni fost l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu XXIV(4) tar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ),

–  wara li kkunsidra l-obbligi deskritti fit-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-23 ta' Ġunju 2016, 51,8 % tal-votanti tar-Renju Unit (17,4 miljun ruħ) ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għadd ta' persuni li vvutaw f'dan ir-referendum kien akbar minn dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali;

B.  billi r-Renju Unit, fin-notifika dwar il-ħruġ tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017, iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-Gvern tar-Renju Unit fl-istess notifika indika li r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea mhuma se jinkludu la sħubija fis-suq intern u lanqas sħubija fl-unjoni doganali;

D.  billi l-Gvern tar-Renju Unit għandu jiġi mħeġġeġ jagħti unilateralment drittijiet ta' residenza permanenti liċ-ċittadini tal-UE diġà residenti fir-Renju Unit, u billi Stati Membri oħra għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu l-istess fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit diġà residenti fl-UE;

E.  billi r-regoli tad-WTO jiddikjaraw li "unjoni doganali għandha tiffaċilita l-kummerċ fi ħdan l-unjoni doganali, iżda m'għandhiex tagħmel dan b'mod li joħloq ostakli għall-kummerċ ma' pajjiżi terzi";

F  billi r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tan-NU tiddikjara li "l-ebda Stat ma jista' juża jew iħeġġeġ l-użu ta' miżuri ekonomiċi u politiċi, jew ta' kwalunkwe tip ieħor ta' miżura, biex iġiegħel lil Stat ieħor jissubordina lil ħaddieħor l-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tiegħu u biex jikseb xi tip ta' vantaġġ mingħandu"; billi l-istess riżoluzzjoni tiddikjara wkoll li "kull Stat għandu d-dmir li jippromwovi, permezz ta' azzjoni konġunta u separata, it-twettiq tal-prinċipju ta' drittijiet ugwali u ta' awtodeterminazzjoni tal-popli, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta";

G.  billi l-Artikolu 8 tat-TUE jirrikjedi li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa "relazzjonijiet speċjali mal-pajjiżi tal-viċinat" imsejsa fuq il-"prosperità" u l-"kooperazzjoni"; billi, sal-lum, dan il-prinċipju ma kienx inkluż fl-istrateġija tan-negozjar tal-Kummissjoni;

1.  Jirrifjuta kwalunkwe proposta għal perjodu ta' tranżizzjoni mar-Renju Unit wara li dan joħroġ formalment f'Marzu 2019; jesprimi tħassib kbir li l-UE-27 u l-Istati Membri tagħhom ikollhom influwenza akbar fuq liġijiet futuri tal-UE, li jkunu applikabbli fir-Renju Unit, minn dik tal-Gvern tar-Renju Unit u taċ-ċittadini tiegħu matul dan il-perjodu; jiddeplora l-fatt li dan iwassal ukoll biex ir-Renju Unit ma joħroġx għalkollox mill-UE għal tal-anqas ħames snin wara li l-poplu Britanniku jkun ivvota biex joħroġ; iqis li n-negozjati dwar ftehim futur iridu jiġu konklużi sa mhux aktar tard mi-aħħar ta' Marzu 2019;

2.  Jemmen, għalhekk, li l-iskeda tan-negozjati kif inhi bħalissa, imfassla mill-Kummissjoni, jeħtieġ li tinbidel; jinsisti li l-ewwel prijorità tan-negozjati trid tkun li, bħala parti mill-qafas tar-relazzjonijiet futuri, jiġi konkluż ftehim kummerċjali nontariffarju bejn iż-żewġ partijiet sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà ekonomika għall-impriżi u l-impjegati fl-Ewropa kollha u fir-Renju Unit;

3.  Jieħu nota li r-Renju Unit għandu defiċit kummerċjali sinifikanti mal-Unjoni Ewropea; jinnota li s-suq tar-Renju Unit huwa anke l-akbar importatur ta' prodotti tal-UE; iqis, għalhekk, li ftehim ta' kummerċ ħieles mar-Renju Unit huwa fl-interess finanzjarju tal-Istati Membri;

4.  Jemmen li jekk in-negozjati ma jiġux konklużi sal-aħħar ta' Marzu 2019, it-taħditiet għandhom jieqfu u r-Renju Unit għandu joħroġ mingħajr ftehim; iqis li nuqqas ta' ftehim ikun aħjar minn ftehim li ma jkunx fl-interess nazzjonali tar-Renju Unit;

5.  Jistaqsi lill-Kummissjoni jekk għamlitx xi tħejjijiet fil-każ li ma jiġix konkluż ftehim bejn ir-Renju Unit u l-UE; jesiġi li l-Kummissjoni tippubblika, mingħajr dewmien, l-impatt potenzjali għall-UE ta' xenarju li fih ma jiġix konkluż ftehim;

6.  Itenni li m'hemm l-ebda obbligu legali li r-Renju Unit iħallas saldu finanzjarju ta' darba jew li jibqa' jikkontribwixxi għall-baġit tal-UE wara li joħroġ mil-UE; jinnota li l-kumitat magħżul tal-House of Lords ikkonkluda li "d-dritt kollu tal-UE – inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li qed isiru bħalissa u l-mekkaniżmu għall-aġġudikazzjoni – ma jibqax japplika u r-Renju Unit ma jkun soġġett għall-ebda obbligu infurzabbli li jagħmel kwalunkwe tip ta' kontribuzzjoni finanzjarja";

7.  Itenni li l-Artikolu 25 tar-Regolament QFP fis-seħħ bħalissa jiddikjara li "Qabel l-1 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid"; jinsisti li l-Kummissjoni m'għandhiex tinkludi lir-Renju Unit f'din il-proposta għall-perjodu tal-QFP li jmiss; jenfasizza li kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali mir-Renju Unit iwasslu biex il-flus tal-kontribwenti jibqgħu jintefqu fuq proġetti inutli u perikolużi tal-UE, bħall-militarizzazzjoni tal-UE;

8.  Jemmen li tista' u għandha tinstab malajr soluzzjoni għall-kwistjoni tad-drittijiet ta' residenza reċiproċi rigward iċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE-27; jenfasizza li, wara li r-Renju Unit joħroġ formalment mill-UE, tali drittijiet għandhom jiġu aġġudikati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ġurisdizzjoni rilevanti skont l-eżerċizzju esklussiv tad-drittijiet sovrani ta' dik il-ġurisdizzjoni, mingħajr subordinazzjoni għal dawk ta' parti terza;

9.  Jinsisti li l-UE hija responsabbli għal kwalunkwe spejjeż potenzjali għar-rilokazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

10.  Jenfasizza li n-negozjati dwar il-ħruġ m'għandhomx jintużaw bħala mandat biex jitqajmu dubji dwar is-sovranità ta' Ġibiltà, u li Ġibiltà lanqas m'għandha tintuża bħala pedina ta' negozjar għall-aċċettazzjoni ta' ftehim finali;

11.  Jenfasizza li ħadd mhu favur fruntiera "iebsa" bejn l-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda; iqis li l-aħjar mod kif jiġi żgurat li ma tiġix implimentata fruntiera iebsa huwa li jiġi konkluż mill-aktar fis possibbli ftehim ta' kummerċ ħieles bejn ir-Renju Unit u l-UE; iqis li l-UE hija l-unika attur li ma jridx jikkonkludi tali ftehim u għalhekk qed jipperikola l-arranġamenti fis-seħħ bħalissa dwar il-fruntieri kif ukoll il-proċess ta' paċi;

12.  Jieħu nota tal-kunflitt ta' interess li l-Kunsill għażel li jistabbilixxi fiċ-ċentru tan-negozjati dwar Brexit billi ħatar lill-Kummissjoni bħala negozjatur (peress li huwa fl-interess finanzjarju tal-Kummissjoni li ma jintlaħaqx ftehim fi tmiem il-proċess tal-Artikolu 50 għaliex dan ikun ifisser li jiġu imposti tariffi tal-UE fuq importazzjonijiet mir-Renju Unit, li l-biċċa l-kbira tagħhom isiru riżorsi proprji tal-Kummissjoni); iqis, għaldaqstant, li l-għażla ta' negozjatur mill-Kunsill tikser l-obbligu tal-UE li: (a) taġixxi in bona fede (skont ir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tan-NU), u (b) tħaddem l-unjoni doganali tagħha b'tali mod li ma toħloqx ostakli għall-kummerċ ma' pajjiżi terzi (skont ir-regoli tad-WTO);

13.  Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv min-naħa tal-Kummissjoni li tinforza l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-Renju Unit, jew li din tintuża fi kwalunkwe forma ta' arbitraġġ, wara li r-Renju Unit ikun ħareġ mill-Unjoni;

14.  Jinsisti li l-UE la għandha tostakola u lanqas iddewwem kwalunkwe proposta mill-Gvern tar-Renju Unit li jkollha l-għan li ddaħħal kontrolli fuq l-immigrazzjoni ta' ċittadini tal-UE lejn ir-Renju Unit bi qbil mar-rieda tal-poplu Britanniku;

15.  Jinsisti li l-UE la għandha tostakola u lanqas iddewwem kwalunkwe negozjati mill-Gvern tar-Renju Unit li jkollhom l-għan li jikkonkludu ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, sakemm ikun previst li tali ftehimiet jibdew japplikaw f'data wara l-aħħar ta' Marzu 2019;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza