MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
19.10.2017 - (D053565-01 – 2017/2904(RSP))
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Pavel Poc, Kateřina Konečná, Bas Eickhout , Piernicola Pedicini and Frédérique Ries
B8‑0567/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
(D053565-01 – 2017/2904(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel[3],
– wara li kkunsidra l-Konklużjoni mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva glifosat[4],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) dwar il-proposta għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati tal-glifosat fil-livell tal-UE[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011[6],
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi"[7],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 "huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola"; billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni;
B. billi fost l-erbiċidi sistematiċi, il-glifosat attwalment huwa dak bl-ogħla volum ta' produzzjoni globali; billi 76 % tal-glifosat fid-dinja kollha jintuża fl-agrikoltura; billi l-glifosat jintuża ħafna wkoll f'applikazzjonijiet urbani, tal-forestrija u tal-ġonna; billi 72 % tal-volum totali ta' glifosat applikat globalment bejn l-1974 u l-2014 tbexx f'dawn l-aħħar 10 snin biss;
C. billi l-popolazzjoni ġenerali hi esposta primarjament minħabba residenzi qrib żoni mbexxa, minħabba l-użu fid-dar u minħabba d-dieti; billi l-esponiment għall-glifosat qed jiżdied minħabba żieda fil-volum totali ta' glifosat użat; billi l-impatt tal-glifosat u tal-koformulanti l-iktar komuni tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem irid jiġi mmonitorjat regolarment; billi l-glifosat u/jew ir-residwi tiegħu nstabu fl-ilma, fil-ħamrija, fl-ikel u fix-xorb u f'oġġetti li ma jittiklux, kif ukoll fil-ġisem tal-bniedem (pereżempju fl-urina);
D. billi, fir-rapport tal-2014 tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Residwi tal-Pestiċidi fl-Ikel li ġie ppubblikat fis-26 ta' Ottubru 2016, l-EFSA nnutat li l-Istati Membri ħadu numru limitat ta' kampjuni ta' kolza u fażola tas-sojja, minkejja li dawn l-għelejjel x'aktarx jiġu ttrattati bil-glisofat u għalhekk jista' jkun mistenni li jkun fihom residwi; billi, skont l-EFSA, ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar ir-residwi tal-glisofat fil-prodotti li ġejjin mill-annimali; billi l-EFSA qieset li r-riżultati mhumiex robusti ħafna mil-lat ta' statistika;
E. billi l-EFSA, fl-2015, irrakkomandat li l-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-għadd ta' analiżi tal-glifosat u tar-residwi relatati (eż. it-trimetilsulfonju) fi prodotti li għalihom l-użu tal-glifosat ikun ġie approvat u meta jkun mistenni li jkun hemm residwi miżurabbli; billi, b'mod partikolari, l-għadd ta' kampjuni ta' fażola tas-sojja, qamħirrum u kolza jenħtieġ li jiżdiedu; billi l-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jiżviluppaw u/jew jimplimentaw metodi analitiċi eżistenti sabiex jikkontrollaw il‑metaboliti relatati mal-glifosat u jikkondividu r-riżultati mal-EFSA;
F. billi l-glifosat huwa erbiċida nonselettiv li joqtol il-ħxejjex kollha; billi hu jaġixxi permezz ta' interferenza fl-hekk imsejħa rotta shikimate, rotta li hi preżenti wkoll fl-algi, fil-batterji u fil-fungi; billi l-esponiment subletali ta' Escherichia coli u Salmonella enterica serovar Typhimurium għall-formulazzjonijiet kummerċjali tal-glifosat instab li jwassal biex tinbidel ir-reazzjoni għall-antibijotiċi;
G. billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva tista' tkun approvata biss jekk ma tkunx ikklassifikata jew m'għandhiex tiġi kklassifikata bħala karċinoġenu kategorija 1A jew 1B skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, sakemm l-esponiment tal-persuni għal dik is-sustanza attiva jkun negliġibbli jew ikun hemm periklu serju għas-saħħa tal-pjanti li ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mezzi disponibbli oħra;
H. billi f'Marzu 2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ikklassifikat il-glifosat bħala "aktarx karċinoġenu għall-bnedmin" (Grupp 2A) abbażi ta' "evidenza limitata" ta' kanċer fil-bnedmin (minn każijiet ta' esponimenti f'kundizzjonijiet reali), "evidenza suffiċjenti" ta' kanċer f'annimali tal-laboratorju (minn studji fuq glifosat "pur") kif ukoll "evidenza b'saħħitha" ta' informazzjoni mekkanistika relatata mal-karċinoġenità (għall-ġenotossiċità u stress ossidattiv) kemm għall-glifosat "pur" kif ukoll għall-formulazzjonijiet li jkun fihom il-glifosat; billi l-kriterji użati mill-IARC għall-Grupp 2A huma kumparabbli ma' dawk għall-Kategorija 1B fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008;
I. billi f'Novembru 2015, l-EFSA ffinalizzat evalwazzjoni bejn il-pari tal-glifosat u kkonkludiet li "l-glifosat aktarx ma joħloqx periklu karċinoġenu għall-bnedmin u l-evidenza ma tappoġġax il-klassifikazzjoni fir-rigward tal-potenzjal karċinoġenu tiegħu skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008"; billi f'Marzu 2017 il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkluda b'kunsens li ma hemm l-ebda evidenza li torbot il-glisofat mal-kanċer fil-bniedem abbażi tal-informazzjoni disponibbli, u li l-glifosat jenħtieġ li ma jiġix ikklassifikat bħala sustanza li tikkawża ħsara ġenetika (sustanza mutaġena) jew li tfixkel ir-riproduzzjoni;
J. billi fil-kuntest tal-litigazzjoni fl-Istati Uniti mressqa minn kwerelanti li qalu li żviluppaw linfoma mhux ta' Hodgkin b'riżultat ta' esponiment għall-glifosat, il-qorti żvelat id-dokumenti interni ta' Monsanto, is-sid u l-produttur tal-prodott Roundup, li s-sustanza attiva tiegħu hija l-glifosat; billi l-korrispondenza li ġiet rilaxxata titfa' dubji fuq il-kredibbiltà ta' wħud mill-istudji, kemm dawk sponsorjati minn Monsanto kif ukoll dawk preżumibbilment indipendenti, li kienu fost l-evidenza użata mill-EFSA u l-ECHA għall-evalwazzjoni tagħhom dwar is-sikurezza tal-glifosat; billi, f'dan ir-rigward, it-trasparenza u d-disponibilità pubblika tal-istudji xjentifiċi, kif ukoll tad-data mhux ipproċessata li fuqha huma bbażati dawn l-istudji, huma tal-ogħla importanza;
K. billi, apparti l-konklużjoni tagħha dwar il-karċinoġenità tal-glifosat, l-ECHA tikkonkludi li l-glifosat jikkawża ħsara serja lill-għajnejn u huwa tossiku għall‑organiżmi akkwatiċi, b'effetti dejjiema;
L. billi, qabel ma ngħatat estensjoni teknika ta' 18‑il xahar għall-glifosat fid-29 ta' Ġunju 2016, il-Parlament adotta riżoluzzjoni fit-13 ta' April 2016 fejn talab lill-Kummissjoni ġġedded l-approvazzjoni tal-glifosat għal seba' snin, iżda enfasizza wkoll li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tapprovax il-glifosat għal użu mhux professjonali, għal użu f'parkijiet pubbliċi jew qribhom, għal grawnds tal-logħob pubbliċi u għal ġonna pubbliċi, jew għal kwalunkwe użu agrikolu meta s-sistemi ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara jkunu suffiċjenti għall-kontroll meħtieġ tal-ħaxix ħażin;
M. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' April 2016 talbet ukoll lill-Kummissjoni u lill-EFSA jiżvelaw immedjatament l-evidenza xjentifika kollha li kienet il-bażi li wasslet għall-klassifikazzjoni pożittiva tal-glisofat u għall-proposta ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid tiegħu, fid-dawl tal-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar; billi dan, sal-lum, għadu ma sarx;
N. billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li hemm referenza għaliha fil-premessa 13 tal-abbozz tal-miżura ta' implimentazzjoni, li ġabret aktar minn miljun firma ta' ċittadini Ewropej f'inqas minn sena, mhux biss tirreferi b'mod speċifiku għall-glifosat f'wieħed mit-tliet għanijiet tagħha, iżda fit-titolu tagħha titlob espliċitament ukoll il-projbizzjoni tal-glifosat u l-protezzjoni tan-nies u tal-ambjent mill-pestiċidi tossiċi; billi l-Kummissjoni rċeviet din is-sottomissjoni fis-6 ta' Ottubru 2017 u meħtieġa twieġeb sat-8 ta' Jannar 2018;
O. billi skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kwalunkwe deċiżjoni għall-approvazzjoni ta' sustanza attiva jeħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rapport ta' rieżami mill-EFSA, fuq fatturi oħra li huma leġittimi għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata u fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni;
P. billi l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażat fuq evalwazzjoni xjentifika mmexxija mill-Istitut Federali Ġermaniż għall-Valutazzjoni tar-Riskji (BfR), l-EFSA u l-ECHA xorta waħda jipproponi li l-awtorizzazzjoni tal-glisofat sal-15 ta' Diċembru 2027, jiġifieri għal 10 snin; billi dan ikun japplika mis-16 ta' Diċembru 2017;
Q. billi d-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Anness I tal-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat mhumiex vinkolanti fil-livell tal-Unjoni, iżda jgħaddu r-responsabbiltà lill-Istati Membri;
R. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika tal-15 ta' Frar 2017[8], il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li ssir reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 sabiex jitrawmu l-iżvilupp, l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika, u talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta, qabel tmiem l-2018, proposta leġiżlattiva speċifika li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, barra mir-reviżjoni ġenerali b'rabta mal-inizjattiva REFIT, bl-għan li jiġi stabbilit proċess mgħaġġel ta' evalwazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni għal pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika;
S. billi tħabbar li se tiġi ppubblikata komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika agrikola komuni (PAK) qabel tmiem l-2017 u l-proposti tal-baġit għal Mejju 2018;
1. Iqis li l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jiżgura livell għoli ta' protezzjoni kemm għas-saħħa tal-bnedmin kif ukoll għas-saħħa tal-annimali u l-ambjent, jonqos milli japplika l-prinċipju ta' prekawzjoni, u jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' Regolament ta' implimentazzjoni u tippreżenta abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni ġdid f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, i.e. bl-inklużjoni mhux biss tal-opinjoni tal-EFSA, iżda wkoll ta' fatturi leġittimi oħra u l-prinċipju ta' prekawzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma japprovaw l-ebda użu mhux professjonali tal-glifosat, u ma japprovaw l-ebda użu tal-glifosat ġewwa jew qrib parkijiet pubbliċi, grawnds tal-logħob pubbliċi jew ġonna pubbliċi wara l-15 ta' Diċembru 2017;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'mod partikolari biex ma japprovaw l-ebda użu agrikolu tal-glifosat wara l-15 ta' Diċembru 2017 meta s-sistemi ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara jkunu suffiċjenti għall-kontroll meħtieġ tal-ħaxix ħażin;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri neċessarji sabiex is-sustanza attiva glifosat tinqata' gradwalment fl-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru 2020, filwaqt li tiżgura li l-ebda l-użu tal-glifosat ma jiġi awtorizzat wara dik id-data, u dan jinkludi kwlaunkwe perjodu eventwali ta' tiġdid jew perjodu msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;
6. Jilqa' l-esklużjoni proposta tal-POE-tallowamine mill-użu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-glifosat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-ħidma tagħhom dwar il-lista ta' koformulanti li mhumiex aċċettati biex ikunu inklużi fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-evalwazzjoni xjentifika tal-pestiċidi għall-approvazzjoni regolatorja tal-UE tkun ibbażata biss fuq studji ppubblikati indipendenti u evalwati bejn il-pari kkummissjonati minn awtoritajiet pubbliċi kompetenti; iqis li l-proċedura REFIT tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 potenzjalment tista' tintuża għal dak l-iskop; iqis, barra minn hekk, li l-EFSA u l-ECHA jenħtieġ li jingħataw riżorsi suffiċjenti biex iżidu l-kapaċità tagħhom, biex ikunu jistgħu jiġu kkummissjonati studji xjentifiċi indipendenti u biex ikompli jiġi żgurat li jitħarsu l-ogħla standards xjentifiċi u li s-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE jkunu protetti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ittestjar u monitoraġġ suffiċjenti tar-residwi tal-glisofat fl-għalf, fl-ikel u fix-xorb prodotti fl-Unjoni, kif ukoll f'dawk importati fl-Unjoni, sabiex tiġi indirizzata l-lakuna fid-data attwali li ġibdet l-attenzjoni għaliha l-EFSA;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward ta' soluzzjonijiet sostenibbli u kosteffiċjenti għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u tal-ambjent;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri ta' tranżizzjoni adegwati għas-settur agrikolu u jippubblikaw dokument ta' gwida li jiddeskrivi l-alternattivi aktar sikuri u ta' riskju baxx kollha possibbli bħala għajnuna għas-settur agrikolu waqt il-perjodu ta' eliminazzjoni gradwali tas-sustanza attiva glifosat u r-riżorsi kollha diġà disponibbli għas-settur agrikolu fil-kuntest tal-PAK attwali;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
- [2] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
- [3] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
- [4] http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302
- [5] https://echa.europa.eu/documents/10162/2d3a87cc-5ca1-31d6-8967-9f124f1ab7ae
- [6] Testi adottati, P8_TA(2016)0119.
- [7] ECI(2017)000002.
- [8] Testi adottati, P8_TA(2017)0042.