RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indirett
19.10.2017 - (C(2017)06270 – (2017/2859(DEA))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Membru responsabbli: Werner Langen
B8‑0573/2017
Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indirett
(C(2017)06270 – 2017/2859(DEA))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)06270),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2017, li fiha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati bid-data 16 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 4(4) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE[2],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' standards tekniċi ta' regolamentazzjoni dwar "arranġamenti tal-ikklerjar indirett fil-qafas tal-EMIR u l-MiFIR", ippreżentat mill-ESMA fis-26 ta' Mejju 2016 skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ma kienx qabel 16-il xahar wara li rċevietu mingħand l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fis-26 ta' Mejju 2016 li l-Kummissjoni approvat l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji; billi tul dan il-perjodu hija ma kkonsultatx formalment l-ESMA dwar l-emendi tagħha għal dan l-abbozz u ma informatx lill-koleġiżlaturi jew lill-industrija bir-raġunijiet għad-dewmien fl-approvazzjoni lil hinn mit-tliet xhur stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010; billi l-fatt li l-Kummissjoni qabżet iż-żmien għall-adozzjoni tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji b'aktar minn sena mingħajr ma informat lill-koleġiżlaturi huwa inaċċettabbli;
B. billi l-Parlament iqis li, minħabba l-emendi tal-Kummissjoni, l-istandards tekniċi regolatorji adottati mhumiex l-istess bħal dawk tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentat mill-ESMA, u jqis li għandu 3 xhur żmien biex joġġezzjona għall-istandards tekniċi regolatorji ("perjodu ta' skrutinju"); billi dan il-perjodu ta' skrutinju ta' tliet xhur ġie kkonfermat mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-28 ta' Settembru 2017;
C. billi r-Regolament delegat suppost japplika mit-3 ta' Jannar 2018, jiġifieri d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2014/65 ("MiFID II") u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 ("MiFIR"), iżda l-użu sħiħ tal-perjodu ta' skrutinju ta' 3 xhur għad-dispożizzjoni tal-Parlament ma jħallix żmien biżżejjed biex l-industrija timplimenta l-bidliet;
D. billi l-pubblikazzjoni rapida tar-Regolament delegat fil-Ġurnal Uffiċjali tippermetti l-implimentazzjoni f'waqtha u ċ-ċertezza legali rigward id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ikklerjar indirett;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.